Il-liġi l-ġdida tad-droga...sena wara

minn Owen Bonnici

Għaddiet sena minn meta Gvern Laburista rriforma l-liġijiet tad-droga
Għaddiet sena minn meta Gvern Laburista rriforma l-liġijiet tad-droga

Jekk kien hemm settur fil-qasam tal-liġi li aġixxejna, għamilna d-differenza u rranġajna għall-aħjar is-sitwazzjoni, hu l-qasam tad-droga.

Dan hu settur li għal ħafna snin, diversi politiċi kienu beżgħu jirriformaw...u bir-raġun, għax hu qasam delikat li n-nuqqas t’attenzjoni jista’ jwassal għal kontroversji kbar.

Biss, aħna kkonsultajna, smajna, iddiskutejna u tkellimna biex fassalna liġi li mmarkat bidla ċara fil-mod kif konna nagħmlu l-affarijiet fil-qasam tal-famuża ġlieda kontra d-droga.

L-idea tagħna kienet u għadha ċara, li meta konna qed ninżlu b’ponn tal-ħadid fuq il-vittmi tad-droga, ma konniex qed nirbħu l-ġlieda imma nkissru lil min jeħtieġ l-għajnuna.

Il-vittma tad-droga m’għandux jiġi trattat bħala kriminal imma bħala persuna li għandha bżonn l-attenzjoni biex toħroġ mill-vizzju.

Sena wara, rajna diversi strutturi jidħlu fis-seħħ u jagħmlu d-differenza.

X’inhuma dawn l-istrutturi ġodda?

L-ewwel nett, waqqafna Kummissarju ġdid għall-Ġustizzja biex jisma’ kawżi ta’ pussess ta’ droga f’ammonti żgħar. Dan il-Kummissarju - li hija mara (is-Sinjura Vicky Scicluna) - mhijiex Qorti, u m’għandhiex poter tagħti pieni li kienet tagħti l-Qorti tal-Maġistrati.

Għandha poter li tagħti biss multa amministrattiva. L-idea hi biex min jinqabad bil-pussess tad-droga f’ammonti żgħar, ma jitressaqx il-Qorti u lanqas ma tiċċappaslu l-kondotta b’xi piena, żgħira kemm kienet tkun żgħira.

Minflok, il-Kummissarju Scicluna li hi Social Worker u mhux avukat, tagħti attenzjoni lil kull każ u tgħin lill-persuna biex f’każ ta’ bżonn, ifittex l-għajnuna. 

F’sena waħda biss - anzi f’sitt xhur, għax hi bdiet taħdem f’Settembru - il-Kummissarju Scicluna semgħet 344 każ u f’25 każ minnhom, marru minn jeddhom ifittxu iktar għajnuna.

It-tieni nett, waqqafna Bord ta’ Riabilitazzjoni mid-Droga li hu magħmul minn diversi nies bi speċjalizazzjonijiet differenti u presedut mill-Imħallef irtirat Dr Giovanni Bonello. Dan il-Bord għandu zewg funzjonijiet.  

L-ewwel funzjoni hi li jisma’ każijiet ta’ nies li jinsabu ħatja mill-Kummissarju Scicluna għat-tieni darba f’sentejn. S’issa, minn dawn kien hemm każ wieħed biss.

It-tieni funzjoni hi li jisma’ każijiet ta’ nies li qegħdin il-Qorti tal-Maġistrati fuq każi iktar serji ta’ droga, imma li l-Qorti ikkonvinċiet ruħha li skont il-liġi, dawn huma dipendenti mill-vizzju u li hemm rieda li dawn joħorgu mill-vizzju.

F’sena waħda, ntbagħtu 14-il ruħ mill-Qorti, u dawn kollha dehru quddiem il-Bord biex jgħin lil dawn in-nies jieħdu l-għajnuna u joħorgu mill-vizzju. F’ħames każijiet, il-proċess jinsab fi stadju avvanzat.

Il-Bord għandu wkoll is-snien, fis-sens li jekk persuna ma tobdix il-Bord, ikun hemm konsegwenzi penali ġodda.

It-tielet nett, waqqafna Qorti tad-Droga li hija l-istess Qorti tal-Maġistrati li kienet qed tisma’ l-każijiet iktar serji tad-drogi iżda li tittrasforma ruħha f’Qorti tad-Droga b’poteri ġodda fir-rigward ta’ dawk li jkunu marru b’suċċess quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni mid-Droga.

Il-Qorti tad-Droga għandha diversi poteri li l-Qorti tal-Maġistrati m’għandhiex, fosthom li l-akkużat li issa jkun ġie riformat ma tibagħtux il-ħabs bilfors, imma ttih piena oħra.

Hekk kif daħlet fis-seħħ din il-liġi, kienu diversi n-nies li kellmuni b’suġġerimenti. Normalment, is-suġġerimenti kienu marbutin madwar il-fatt li min għamel is-suġġerimenti xtaq li iktar nies ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din il-liġi. Naħseb li rridu nagħrblu l-affarijiet sewwa, u nixmu b’pass attent sabiex il-ġlieda kontra d-droga tibqa’ effettiva.

Hu x’inhu, jien nemmen li fis-sena li għaddiet għamilna differenza għall-aħjar fil-ħajja ta’ ħafna familji u nies.  

Nirringrazzja minn qalbi lill-istakeholders kollha li ħadmu b’tant dedikazzjoni biex nagħmlu ġid lill-vittmi, lill-familji u lil dawk kollha li jemmnu li aħna kollha f’baħar wieħed u li dak li nagħmlu ma’ wieħed minn ħuna nkunu qed nagħmluh magħna stess.

More in Blogs