Karrottiiii! Karrottiiii!
F’kull kultura, f’kull era, tinħass il-ħtieġa biex jinħolqu sett ta’ miti ħalli b’hekk jiġu ġustifikati xewqat li ma jistgħux jinqatgħu; jew inkella ambizzjonijiet li huma kważi impossibbli. Fi kliem ieħor, ikun jinħass il-bżonn li dak li huwa mixtieq jew mistħajjel jinbidel f’verità li mhijiex vera għax qatt ma seħħet, jew seħħet biss fl-istħajjil. U hemm ukoll dawn il-biżgħat, l-iskumditajiet li jridu jittaffew u allura jinħolqu miti oħrajn bit-tir li jpattu għal dawn id-diżappunti.
Ħafna minna jiftakru lill-poplu Malti jġib ruħu ta’ żewġ popli ċkejkna, wieħed oppost għall-ieħor. Antagonisti b’mibegħda li xi kultant donnha kienet titgħatta għal xi żmien u mbagħad l-inqas inċident jerġa’ jikxef kollox. Sadattant dejjem konna nitkellmu dwar ‘il-poplu Malti’, poplu li, għallinqas kemm tagħtini l-memorja, qatt m’eżista. Ħlief fl-istħajjil ta’ xi poeti antiki li kellhom aġenda li kienet teħtieġ dal-mit. Ħlief fil-paraventi li ninħbew warajhom meta l-gidba tibda tniggeż u allura nsibu dik l-okkażjoni darba fill biex din il-gidba nagħtuha l-ħabel ħalli tkun tista’ tkampa ftit ieħor. Poplu tal-okkażjoni. Poplu ta’ meta jsir il-ġbir għall-imsieken; jew ta’ meta jkollna xi kantanta tkanta quddiem dik l-Ewropa tal-maskarati u l-voti fuq iċ-ċellulari.
Kellna din ix-xena reġistrata fuq filmat xi jiem ilu: ġgajta mdaqqsa quddiem il-qorti; nies bin-nuċċali tax-xemx jieħdu r-ritratti biċ-ċellulari smart; għaqda ta’ żgħażagħ bil-ġlekk u l-ingravata quddiem kartellun faċċata tal-qorti; ġurnalisti jħufu b’mikrofni kbar qalb din il-ġgajta. Bejn il-bini tal-qorti u l-monument tal-Assedju l-Kbir.
Ix-xeni li seħħew kienu taħlita patetika ta’ kummiedja u drama. Kien hemm mara tperper ilsienha quddiem il-kamera. Oħra tipprova tgħatti x-xeneġġjata kollha billi tross daharha mal-lenti. Imbagħad kien hemm raġel iħanxar “Karrotti! Karrotti” mingħajr ma kien qiegħed iġorr imqar zunnarija waħda. Xi ħadd beda jgħajjat sentenzi ma jinftehmux dwar il-penzjoni u waħda mara kellha tiġi mbuttata ’l hemm għax użat l-isperma bħala metafora. U, aktarx l-isbaħ xenetta, waħda mara oħra b’xagħarha lewn il-fidda, tirrapporta l-penetrazzjoni anali tal-gvern fuq Malta.
Dan huwa l-mod – dan għadu l-mod – kif fl-2016 għadha tiġi diskussa l-politika. Din hija l-idea tagħna tal-libertà tal-espressjoni: il-frattarija kif ikun hemm fuq Xarabank, kif ikun hemm ukoll fil-kummenti fil-portali tal-gazzetti (li mn’alla ma jinstemgħux), fil-famużi phone-ins li għadhom moda minn mindu lliberalizzajna x-xandir u tajnieh lill-poplu. Dan huwa l-istat li ħallew lil dan il-poplu fih il-partiti tagħna: hekk ħtieġu, hekk xtaqu, hekk għamlu.
Aktarx l-isbaħ xenetta, waħda mara oħra b’xagħarha lewn il-fidda, tirrapporta l-penetrazzjoni anali tal-gvern fuq Malta
Frankament mhux faċli tifhem x’marret tagħmel dik il-ġgajta fil-portiku tal-qorti u lanqas mhux faċli tifhem x’marru jagħmlu ma’ din il-ġgajta dawk iż-żgħażagħ tal-ġlekk u l-ingravata jekk mhux biex jipprovokawha. Kull diskors dwar libertà tal-espressjoni jkun qiegħed jittrivjalizza dan id-dritt li, ħalli ngħiduha, mhux għax nemmnu wisq li ‘l-oħrajn’ għandhom id-dritt jeżerċitawh jekk mhux biex jaqblu magħna. Lanqas mhu ċar eżattament x’marru jagħmlu l-ġurnalisti bil-mikrofni qalb il-ġgajta, b’mistoqsija ripetuta li kien wisq ovvju l-ħsieb provokatorju tagħha.
L-imġiba ta’ ċerti ġurnalisti, partikolarment dawk impjegati direttament mill-partiti, ukoll ixxaqleb lejn id-drama. L-ewwel nett jagħmluha ovvja li meta jpoġġu l-mikrofnu quddiem ħalq xi ħadd, inkluż xi ministru dieħel jew ħiereġ mill-parlament jew Kastilja jkunu qegħdin jistennew it-tweġiba li jkunu jridu jirrapportaw minflok dik li jkun irid jagħti l-intervistat. It-tweġiba mistennija tifforma nofs il-mistoqsija. Jidher tant ovvju n-nuqqas ta’ rispett ta’ min qed jintervista lejn l-intervistat.
Imbagħad, la qegħdin insemmu l-ġurnalisti, ma nistax ma nikkummentax jien ukoll fuq l-insensittività ta’ wħud mill-ġurnalisti tal-istazzjon nazzjonali – dawk li suppost huma x-xempju tal-altezza u l-professjonalità – fir-rappurtaġġi tagħhom. Jinsteraq ħanut tad-dwiefer, u r-rapport fuq tvm.com.mt jirrapporta li min wettaq ir-reat kien xi ħadd trans. Importanti li ngħidu li dax-xi ħadd kien trans, għax kif ktibt xi ġimgħat ilu, hemm il-liġi tal-parlament – dik li tispeċifika d-dritt ugwali bejn kulħadd – u l-liġi tat-triq (u tal-websites) li trid timmarka l-linja bejn l-aħna u l-oħrajn. Mhux talli hekk, talli din il-persuna, qalulna tat-tvm.com.mt, la titkellem u lanqas tisma’. X’kull waħda, it-trans u dawk neqsin mis-smigħ u d-diskors jisirqu l-ħwienet tad-dwiefer!
Għax il-politika mhux bl-imħuħ tiġi rraġunata imma bir-referenza għall-warrani u bil-karrotti
Diġà kien hemm każi mhux wisq ilu ta’ ġurnalisti fuq l-istazzjon tal-istat li ġew ikkritikati minħabba rappurtaġġ razzist waqt kummentarju ta’ logħba futbol. Jidher li hemm bżonn aktar direzzjoni, aktar kuxjenza tal-poter li għandu l-kliem u l-poter u r-responsabbiltà li jġorr min juża dan il-kliem.
Imbagħad, meta tikkalma r-rabja u d-diżappunt li jsegwu l-fares li seħħew quddiem il-qorti, tipprova terġa’ tibda tittama li xi darba t-tribaliżmu li nogħxew fih nuruh il-karta l-ħamra. Mhuwiex il-każ li t-tama hija kbira wisq għax li jgħid il-Partit, inkorporat fil-figura tal-kap, għadu l-bibbja u l-messall ta’ ħafna. “Jitkellem hu, jiskot kulħadd,” qalulna dil-ġimgħa.
Nistennew. U sadattant inkomplu nwerżqu; inkomplu nixxadinjaw wara l-mikrofni u nużaw diskors belliġġerenti bħal, “nikinsu”, “sejf”, “mannara” u nqumu fi standing ovation malli nisimgħu dan l-għerf; inxejru idejna; u nixxeneġġjaw, għax il-politika mhux bl-imħuħ tiġi rraġunata imma bir-referenza għall-warrani u bil-karrotti.