Messaġġi ċari fuq il-ħitan
L-Editorjal tal-ILLUM
L-istħarriġ li qed ikun ippubblikat illum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday għalkemm mhux il-ġudizzju elettorali huwa termometru ċar, bħalma dejjem kienu dawn l-istħarriġ, tas-sentiment li hawn fil-pajjiż bħalissa f’nofs tempesta politika li l-Gvern u l-Prim Ministru spiċċaw fiha minħabba l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.
Il-poplu qed jibgħat tliet messaġġi ċari u ekwivoċi li l-ebda politiku u l-ebda partit ma jista’ jinjora, jekk ma jridx jirregala lilu nnifu għall-baħħ politiku. L-ewwel, il-poplu jidher illi fil-maġġoranza tiegħu ddeċieda x’għandu jkun il-futur tal-Ministru Konrad Mizzi, it-tieni messaġġ huwa li l-Partit Laburista u l-Gvern immexxi minnu jeħtieġ iqatta’ bi snienu jekk irid jerġa’ jirbaħ il-fiduċja ta’ tant eluf ta’ nies illi tilef u t-tielet illi l-istrateġija tal-PN f’dawn l-aħħar ġimgħat mhux talli ma ħadmitx talli kienet falliment spettakolari, għax saħħet lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dwar l-ewwel messaġġ, huwa ċar kristall illi minkejja li għad hemm il-mistoqsija tal-legalità ta’ dak li sar minn Konrad Mizzi, l-poplu jħoss illi r-responsabilità politika teħtieġ tintrefa’. Minn dan l-editorjal ilna nisħqu li jkun xi jkun ir-riżultat tal-awditjar tat-taxxa, anke jekk dan juri li ma kien hemm ebda illegalità jew ebda boroż ta’ flus, hemm il-fattur politiku, morali u etiku tal-kwistjoni kollha. Konrad Mizzi żbalja meta fetaħ kumpanija fil-Panama, żbalja meta lill-Maltatoday ma nfurmahiex b’din il-kumpanija meta suppost kien qed jitfa’ l-karti kollha fuq il-mejda, żbalja meta ma semmiex li hu jew xi ħadd f’ismu kien qed jipprova jiftaħ kontijiet bankarji f’bosta pajjiżi oħra, żbalja meta aċċetta li jkun Deputat Mexxej tal-PL fid-dawl ta’ dak żvelat u żbalja meta waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Labour, minflok kien raġel biżżejjed u rreżenja tefa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru.
Konrad Mizzi jeħtieġ jifhem li l-ebda politiku m’għandu ħajja twila jgħix taħt dell tqil. Mizzi jeħtieġ jiftakar li l-indiema mhux sinjal ta’ dgħufija, iżda ta’ rġulija u, fl-aħħar mill-aħħar, Mizzi jeħtieġ jiftakar illi meta ddeċieda li jkun parti mill-Partit Laburista, kien qiegħed jiddeċiedi li jsir parti minn moviment li ilu jeżisti 96 sena u li, anke jekk għamel żbalji ħoxnin, għamel kisbiet kbar għal pajjiżna u għal niesu, speċjalment għall-fqir u għall-emarġinat.
It-tieni, il-Gvern jeħtieġ iqatta’ bi snienu biex jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tan-nies. Din kienet ġimgħa ferm pożittiva għall-pajjiż, fejn b’kollox ġew imħabbrin jew inawgurati mat-€82 miljun f’investimenti f’diversi setturi tal-pajjiż. Il-Gvern jeħtieġ ikompli jżid dan ir-ritmu pożittiv biex b’hekk it-tkabbir ekonomiku li qed nesperjenzaw jinżel dejjem aktar f’kull livell tas-soċjetà. Imma wara l-Panama s-suċċess kbir ekonomiku, il-bidliet u r-riformi li għamel b’kuraġġ dan il-Gvern u l-ħeġġa mhux se jkunu biżżejjed. Il-Gvern issa jeħtieġ jibgħat messaġġ ċar li se jkun trasparenti billi wara li jieħu d-deċiżjoni li ilu jipposponi għal wisq żmien, jippublika kull kuntratt li għadu mhux pubbliku u jwettaq miżuri favur aktar trasparenza. Il-PN ħareġ rapport interessanti ħafna dwar it-trasparenza. Mhux xi traġedja jekk il-Gvern jagħmel dan ir-rapport tiegħu wkoll u jibda jwettaq dak li jħoss li huwa validu.
Fl-aħħar, l-istħarriġ tal-Maltatoday juri wkoll kif minkejja t-teatrini u xeneġġjati l-PN mhux talli mhux qed jirbaħ is-simpatija tal-‘laburisti ġenwini’ li ilu tant jipprova jikkonvinċi, talli l-istess Laburisti tawh daharhom mal-ewwel thedida għall-Gvern tagħhom u ngħaqdu f’appoġġ ma’ Muscat.
L-istrateġija ta’ Busuttil kienet falliment għax ħadmet l-oppost ta’ dak li xtaq u f’dan il-mument ta’ kriżi, minflok għandna lil Busuttil jittrijonfa, għandna Kap tal-PN li bl-aktar mod ċar mhux, jew għadu ma sarx, kompetitur denju ta’ Muscat.
Il-poplu, ġustament, mhux qed ikun ħanin ma’ Muscat bħalissa. Imma li l-istess poplu, fil-maġġor parti tiegħu, xorta jibqa’ ma juri l-ebda affinità partikolari lejn Busuttil, lanqas issa f’dan il-mument diffiċilissimu għal Muscat, probabilment qed tindika xi ħaġa xejn sabiħa għall-PN. Qed tindika li minkejja l-kuraġġ ta’ Busuttil li jieħu f’idejh il-wirt ta’ tkissir fil-PN li ħalla warajh Gonzi, il-poplu jew ma jafdahx jew inkella ma jarahx bħala sostitut vijabbli għal Muscat.
Bħal m’għidna għal kull stħarriġ tal-Maltatoday f’dawn l-aħħar xhur, dan l-istħarriġ mhu ta’ soljev għal ħadd. Anke jekk Muscat għadu b’saħħtu ħafna u anke jekk Busuttil għadu ma jista’ jirranka b’xejn, it-tiġrija, bħal dejjem se tkun sal-barkun.