Issa li għadda l-vot ta’ fiduċja...

minn Leo Brincat

Minkejja li l-Gvern rebaħ il-vot ta’ fiduċja l-Ministru Brincat jitlob għal kawtela
Minkejja li l-Gvern rebaħ il-vot ta’ fiduċja l-Ministru Brincat jitlob għal kawtela

Issa li, kif kien mistenni, minħabba s-saħħa tas-siġġijiet li għandna fil-Parlament irnexxielna ndawru vot ta’ sfiducja mill-Oppożizzjoni f’vot ta’ fiducja fil-Gvern innifsu, għandna quddiemna żewġ sfidi kbar. Dmirna huwa li nkomplu naħdmu u nistinkaw, forsi aktar minn qatt qabel, għall-kisba ta’ riżultati fejjieda, saħansitra akbar minn dawk miksuba sal-lum. Iżda wkoll li naraw li kull rebbiegħa li baqa’ tkun rebbiegħa ‘ġdida’ u friska bħal ma kienet fis-sena 2013. 

Tagħna huwa moviment li sa mit-twaqqif tiegħu kien dejjem lest li jisma’ u fejn meħtieġ jirranġa n-nuqqasijiet tiegħu. Jien dejjem emmint li l-poplu dejjem għandu raġun.

L-iżball li għamel ħaddieħor kien li qagħad jistenna li jitlef il-Gvern biex jammetti dan. Huwa għalhekk għaqli kliem il-Prim Ministru meta stqarr li kull deċiżjoni li għandu jieħu jeħodha wara li jkun fehem il-kurrent, qies il-fatti, sema’ lil kulħadd u refa’ d-deċiżjoni.

Konvint li huwa se jkun qed ipoġġi kollox fil-miżien u jiddeċiedi meta u kif għandu jagħmel dan. Ħarsitna, f’kulma nagħmlu, bilfors trid tmur fuq is-soċjetà ċivili għax għalkemm mhux ġust li dan il-Gvern jingħadda ġudizzju fuqu f’dan l-istadju, fi tmiem il-leġiżlatura se tkun l-istess soċjetà ċivili li se tara ġġeddidlux il-mandat tiegħu jew le. 

Għalkemm f’din il-gżira żgħira tagħna m’aħniex neqsin mill-imħallfin, l-aqwa imħallef, fl-aħħar mill-aħħar, hija kull familja li ssegwi kollox fil-kwiet ta’ darha u li tasal għall-konklużjonijiet tagħha fil-hemda, iżda b’għaqal, hu x’inhu l-isfond soċjali, professjonali  jew edukattiv tagħha.

Ilkoll kemm aħna, ibda minni, irridu niżguraw li nagħmlu l-parti tagħna bi kliemna, b’għemilna, bl-imġiba tagħna u anki bl-eżempju li nagħtu. Dan huwa d-dover tagħna lkoll b’turija ġenwina ta’ rispett lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Fiduċjuż ħafna li dak li qal il-PM se jkun qed jitwettaq, jiġifieri li npattu għad diżappunti tal-aħħar ġimgħat b’umilta’ u b’ġustizzja kif ukoll li nagħtu kunsiderazjoni xierqa lejn is-sentiment tan-nies.

Daqstant ieħor importanti l-punt li għamel Joseph Muscat meta fakkar kif hemm differenza bejn dak li huwa legali u l-korrettezza, jew in-nuqqas tagħha.

Din l-istess osservazzjoni għamilha ftit ilu l-President Amerikan Obama meta qal li dak li ġara u ġie żvelat globalment dan l-aħħar x’aktarx li kien legali, iżda mhux bilfors kien moralment aċċettabbli jew etiku.

Ma nistgħu nħallu xejn u lil ħadd itellef mill-attenzjoni pubblika fuq ir-rankatura li Gvern Laburista qabad

Ma nistgħu nħallu xejn u ħadd itellef mill-attenzjoni pubblika fuq ir-rankatura li Gvern Laburista qabad sa mill-ewwel jiem tiegħu fit-tmexxija. Fosthom il-mod kif kabbarna l-investiment f’pajjiżna, kif żdiedu l-impjiegi, kif iddiversifikajna l-ekonomija tagħna, kif saħħaħna l-ambjent, kif qed inrażżnu l-faqar, kif nedejna u ninsabu għaddejjin b’għadd ġmielu ta’ proġetti ta’ fejda kif wkoll b’sensiela ta’ miżuri soċjo-ekonomiċi u ambjentali li għandhom iwasslu biss għal titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. 

Anki li kieku l-Panama Papers ma semmew ebda Malti u m’humiex se jsemmu mijiet ta’ Maltin, kif se jiġri fil-bidu tax-xahar id-dieħel, wieħed irid jistqarr, speċjalment jekk jifhem fil-midja, li dawn kellhom effett trawmatiku fuq il-komunità internazzjonali u fuq kif iċ-ċittadin komuni se jibda jħares b’lenti ferm aktar qawwijja lejn  il-klassi politika f’kull pajjiż.

Għad iridu jgħaddu s-snin biex nkunu nafu kemm kien qawwi dan l-impatt kollu. L-iżbalji tal-futur jistgħu jiġu evitati biss, jekk nikkonvinċu lin-nies li verament tgħallimna, ilkoll kemm aħna, mill-iżbalji tal-imgħoddi u tal-preżent. Aktar u aktar meta Malta għandha tant bżonn tkompli tiftaħ, kif qed tagħmel, toroq ġodda u tevita kull tip ta’ sqaqien. 

Biex tiskonġra trid tkun dejjem pur, iżda minn naħa l-oħra, in-nies hawn barra, li verament jinteressahom mhux jekk ta’ qabilna kinux agħar minna, iżda jekk hux se nkunu aħjar minnhom. Dawn huma l-fatturi li ħafna drabi wasslu għall-bidla minn Gvern għall-ieħor.

U għalkemm is-siġġijiet huma importanti, u napprezza li jista’ għad fadal sentejn għall-elezzjoni, ma rridux ninsew li s-siġġijiet tal-lum  jirriflettu biss kif kien jaħsibha l-elettorat fir-rebbiegħa tas-sena 2013. Tliet snin ilu. 

In-nies hawn barra, li verament jinteressahom mhux jekk ta’ qabilna kinux agħar minna, iżda jekk hux se nkunu aħjar minnhom

Lil Joseph Muscat tista’ taqbel jew ma taqbilx miegħu, iżda kuntrarju għall-mexxejja oħrajn dejjem iddeċieda u qatt ma ħares lejn ħbieb jew uċuħ. Min-naħa l-oħra talba lill-Gvern biex ibiddel il-Prim Ministru tiegħu, qabel lanqas biss għadu ddeċieda jmur kontra l-mandat li ngħata ta’ ħames snin. 

L-umiltà m’għandniex nħarsu lejha bħala sinjal ta’ dgħufija iżda bħala don li għandu jpoġġina ’l fuq minn ħaddieħor. 

L-akbar prezz u l-aktar wieħed għali li nkunu qed nħallsu jkun dak li nagħżlu li ma nagħmlu xejn. Irrid inkun ġust ma’ kulħadd, inkluż l-PM innifsu li appena ħareġ mill-Parlament, stqarr illi l-vot ta’ fiduċja fil-Gvern mhu ebda skuża biex ma nagħmlu xejn.

L-isfida tkompli. L-ambizzjoni tiegħi hija li n-nies tibqa’ tara fil-Moviment Laburista, mhux biss l-aħjar għażla iżda wkoll l-aqwa għażla. 

More in Blogs