Aktar noti waqt vjaġġ
minn Immanuel Mifsud
Diffiċli li wieħed jifhem x’jiġifieri tkun magħluq fi spazju ristrett mingħajr wisq libertà tal-mixi. Forsi l-antenati tagħna kellhom idea vaga ta’ dan, fi żminijiet meta l-ivvjaġġar kien kumdità tal-ftit ħafna, u l-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu xi ittra ta’ kultant (għal min kien jaf jikteb u jaqra). Aktarx li l-ewwel effett tal-għeluq huwa l-perċezzjoni li hemm żewġ dinjiet: dik tiegħek u dik ta’ xi mkien ieħor; waħda ġewwa u l-oħra li qiegħda xi mkien hemm barra. Mhux ta’ b’xejn li l-lingwa tagħna ħolqot espressjonijiet bħal “ta’ Malta u ta’ barra”, “ta’ barra minn Malta”, “Malta u lil hinn minnha”. L-ispazju joħloq perċezzjoni li tkun diffiċli ħafna għal dak li jkun li jaħseb b’mod differenti, li jara lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru b’mod differenti minn kif tpinġi kollox dik il-perċezzjoni.
Din il-ġimgħa ħassejt l-għeluq mhux minħabba l-baħar iżda minħabba l-ġebel, ħafna ġebel li llum sar jikkaratterizza din l-art. Malli tinżel fl-ajurport ta’ Ben Gurion, l-Iżrael, jitfaċċa l-ewwel ħajt fl-għajnejn tal-gwardjani u l-uffiċjali tal-fruntieri, dawk li, fi kliem ieħor, jiddeċiedu jħallukx tidħol f’dik l-art jew le. Bħall-gwardjani f’ħafna pajjiżi oħrajn, għajnejn dawn iħarsu lejk b’suspett, b’ostilità li ħafna drabi tikkuntrasta mal-merħba li jagħtuk l-għajnejn tan-nies komuni.
Imbagħad, minn ġol-karozza, int u ssuq lejn il-belt fejn twieled il-Kristjaneżmu, tibda tara ħafna għoljiet u ħitan tal-konkrit donnhom labar ħirġin minn dahar xi mostru. U tara blokki kontra blokki ta’ appartamenti, maġenb xulxin, ħdejn xulxin, fuq xulxin, ġo xulxin, irossu lil xulxin, jieklu l-ftit spazji li fadal. Il-ġlieda f’din l-art hija ġlieda bil-ġebel: dawk li jitgaraw bl-iżbandoli u dawk li jokkupaw l-ispazju.
Sa ċertu punt, il-ħajt li jagħfas lil Betlem ifakkrek f’dak li kien hemm f’Berlin. Mimli taħżiż biż-żebgħa, messaġġi ta’ protesta, mimlija rabja u wġigħ, il-ħajt jagħlaq ġo fih ġojjell mhux biss fid-dehra tal-binjiet tiegħu, imma anki fid-diskors li tisma’ mingħand xi wħud. Iltqajt ma’ Vera Baboun, is-sindku tal-belt. Baboun, oriġinarjament professur tat-teorija letterarja, titkellem fuq beltha b’entużjażmu kbir. Lil Betlem issejħilha l-belt tat-trabi għax, biex nikkowtaha, f’Betlem twieldet IT-Tarbija. Hija tkompli tgħid li Betlem hija, minnha nfisha, il-belt tas-sliem. Imbagħad tinduna li l-entużjażmu jinbidel fid-dispjaċir meta jissemma l-Ħajt. Baboun għandha biża’ wieħed: li n-nies jidraw; li l-ħajt jiġi internalizzat, jinbela’ bħal kikkra kafè iswed, u jsir parti mis-sistema tan-narrattiva kollettiva ta’ Betlem: mill-għar ta’ Betlem għall-ħajt ta’ Betlem; Betlem tal-għar, Betlem tal-ħajt.
Malta, hawn min qiegħed jibża’, mimlija barranin. M’għadux importanti jekk dawn humiex suwed, Musulmani, jew ‘imtektkin’. La ġew minn barra, jibqgħu ta’ barra. U ħafna qegħdin isibuha problema li ta’ barra qegħdin jgħaddu sa ġewwa
L-intellettwali Palestinjani għandhom biża’ ieħor: li l-iżolament fiżiku impost b’miżuri fiżiċi (il-ħajt, iċ-checkpoints, ir-restrizzjonijiet ta’ permessi fejn wieħed jista’ jiċċaqlaq, sistemi ristretti fit-teknoloġija taċ-ċellulari fost l-oħrajn) iwassal għall-iżolament fil-moħħ, għall-amnesija dwar id-dinja l-oħra, mhux dik tas-sema, imma dik li hemm lil hinn miċ-checkpoints, wara l-għoljiet xagħrija li jgħattu dik it-triq immaġinarja u mhix li twassal għal dak l-imkien li huwa tant ’il bogħod li lanqas jidher. Dan l-iżolament, imbagħad, jista’ jwassal għal għeluq tal-moħħ mhux fis-sens li soltu narawh, imma fis-sens li ‘minn ġewwa’, ‘hemm barra’ jibda jidher bħala għadu, li dawk t’hemmhekk huma, de facto, għedewwa. Bit-tir li dan ma jseħħx, fl-Università ta’ An-Najah, hemm proġett ta’ għarfien ‘tal-barrani’. Fuq il-kampus prinċipali tal-università, li meta mort jien kienet qiegħda taqbad bil-kuluri u l-ferħ għax inzerta jum il-gradwazzjoni, il-‘barrani’ kien il-Ġermanja. Fuq it-tabelli kien hemm ritratti ta’ Ġermaniżi kbar, fosthom Marx (Lhudi) u Einstein (Lhudi). Imma li kien impressjonanti kienet ir-rokna fejn kienu mdendla ritratti tal-Ġermanja waqt iż-żewġ gwerer dinjija, b’ritratti, fost l-oħrajn, ta’ Auschwitz u Treblinka, tal-massakru ta’ miljuni ta’ Lhud. Setgħu jagħżlu li ma jsemmux dan il-massakru. Setgħu jagħżlu wkoll, bħalma hawn min fostna li għażel li jagħmel, jinnega l-olokawst. Minflok, fl-Università ta’ An-Najah, jitkellmu fuq il-qtil sistematiku tal-Lhud; fuq dak ukoll. Minkejja kollox. Kien hemm min qalilna li, jekk xi darba jtiru ċ-checkpoints u, bħalma ġara darba waħda f’din l-istess Ġermanja, jiċċarrat il-konkrit tad-diviżjoni, dawk ta’ ġewwa jridu jkunu ppreparati għal dak li hemm ‘hemm barra’ u jridu jkunu jafuh, fil-ħażin u fit-tajjeb tiegħu.
Mhijiex ħaġa faċli tikteb dwar l-istorja ta’ ħaddieħor. Dejjem insib did-dilemma quddiemi jekk għandix niddiskutiha għax wara kollox jien ċittadin tad-dinja, jew għandix niskot u noqgħod lura għax la m’iniex ngħix din l-istess storja ma nista’ qatt nifhem is-sentenzi li jiffurmawha. Wara kollox miċ-checkpoints stajt nibqa’ għaddej, l-ajruport stajt immur, l-ajurplan stajt naqbdu u stajt nitlaq bla xkiel xejn. U xi kultant l-iċken kelma taf tkun żejda.
Imma anki f’Malta mimlija ċellulari kkollegati ma’ kull rokna tal-globu u servizzi tal-internet li kuljum joħorġu jiftaħru bl-effiċjenza dejjem tikber li biha jservu; minkejja s-safriet li ħafna minna jagħmlu kull sena, l-aħna u l-huma, il-perċezzjoni ta’ ‘hawn ġew’ u ‘hemm barra’ għadha hawn, imqar jekk f’forom differenti minn qabel. Malta, hawn min qiegħed jibża’, mimlija barranin, nies minn barra. M’għadux importanti jekk dawn humiex suwed, Musulmani, jew ‘imtektkin’. La ġew minn barra, jibqgħu ta’ barra. U ħafna qegħdin isibuha problema li ta’ barra qegħdin jgħaddu sa ġewwa.