'Qishom tal-apartheid'

Għax ma kienx hemm nies il-protesta tal-bieraħ ma jfissirx li l-Gvern u l-Prim Ministru jistgħu jgħidu “I am alright, fuck you Jack!” 

Għax ma kienx hemm nies il-protesta tal-bieraħ ma jfissirx li l-Gvern u l-Prim Ministru jistgħu jgħidu “I am alright, fuck you Jack!” Le ħija, l-istorja tal-Panama papers kienet żball u żball jibqa’, u l-fatt li ħafna nies ta’ rieda tajba ma dehrux quddiem il-Parlament ma jfisser xejn.

Ifisser iktar li m’għandhomx pjaċir bin-nies li dehru hemm, imma huma mdejqin li dawn l-affarijiet ġraw.

Nispera li aħna ċaru fuq din.

Jien għandi d-dubji.

Imma issa li kulħadd għamel il-kontijiet, u ntilef dak li ntilef u ntrebaħ dak li ntrebaħ – skont minn fejn tħares, ma tiġux tgħidulna li din mhix storja, u din l-istorja hija marbuta jew imnebbħa biex tnessi jew tfakkar lil ħaddieħor f’xi problema oħra.

Għax jien taf kif nirraġuna? Jien nirraġuna li jekk għandek storja, trid tippubblikaha, u niġi għala bieb il-bubun x’jgħid Joseph jew Simon. U jien taf x’ngħid ukoll? Li ħadd minnhom mhu se jgħidli x’nagħmel.

Imma ejja ħa nkunu ċari. Dak li jgħodd għal wieħed, jgħodd għall-ieħor, u hawn il-punt li rrid nagħmel. Jgħidu x’jgħidu, hawn l-apartheid politiku f’Malta. Kejl differenti fil-Qorti, kejl differenti fil-media, kejl differenti meta tidher quddiem l-istituzzjonijiet…

Ejja ħa nkun ċar: Jekk tkun Laburist mod u jekk tkun Nazzjonalist mod ieħor.

hawn l-apartheid politiku f’Malta. Kejl differenti fil-Qorti, kejl differenti fil-media, kejl differenti meta tidher quddiem l-istituzzjonijiet Saviour Balzan

Jien twelidt ġo familja fejn il-politika ma konniex nitkellmuha. Naħa konna ħomor minn dak l-aħmar skur, u n-naħa l-oħra blu minn dak il-blu skur.

F’dak iż-żmien, anke l-kulur tas-sigaretti kienet tkun kwistjoni, u għalhekk ommi u missieri fittxu li nitilgħu nużaw moħħna meta f’pajjiżna kellna kriżi mitt darba akbar mill-Panama papers.

Illum sfortunament, l-argumenti jkunu differenti skont il-kulur politiku ta’ dak li jkun.

U issa ejja ħa nkun ċar, jekk ġurnalist Laburist idur fuq xi ħadd u jgħid “Mur orqod ma’ iswed,” ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, u bla dubju ta’ xejn ikollok talba nazzjonali biex dak il-ġurnalist jirriżenja.

Imma jekk dak il-ġurnalist huwa Nazzjonalist u bħalma ġara bħalma nafu fil-każ ta’ Ivan Camilleri, fejn qal lil persuna biex tmur ma’ iswed, – ma ġara xejn. 

U tafu għaliex?  Għax il-Laburisti għandhom kumpless ta’ inferjorità tboss u n-Nazzjonalisti għandhom kumpless ta’ superjorità li ma tispiċċa qatt.

Hekk sew, kumment razzist u sessist f’daqqa u ma jiġri xejn. Mur ara kieku ġara f’pajjiż, naħseb anke l-Panama, kieku l-ġurnalist jitkeċċa. 

Imbagħad, hemm ovvjament l-attakki fuq l-istituzzjonijiet. Mela tajba, fi żmien ieħor meta kien hemm amministrazzjoni differenti u tmexxija differenti fil-PBS, hemm min bħal Clyde Puli, jgħid li kien hemm aħbarijiet aħjar. Ovvjament, irridu niftakru biss bl-istil ta’ aħbarijiet u bla dubju ta’ xejn, ir-remettar ta’ Lou Bondi biex naslu għall-konklużjonijiet naturali tagħna li Clyde Puli kien qed jgħix f’xi dinja oħra.

Jew inkella li aħna tant aħna bħaħen, li ma nafux x’inhu aħjar jew agħar.

Wisq aktar naqblu kemm kien hemm deċiżjonijiet kontra programmi mill-Awtorità tax-Xandir biex naraw il-fatti jitkellmu u mhux il-perċezzjonijiet.

Wisq aktar tara li llum hemm aktar diversa u kulħadd jiddiskuti li jrid; Reporter, Times Talk, Realta, Dissett u ovvjament Xarabank.

immaġinaw li kieku qabel l-2013, xi ħadd kien dar fuq George Pullicino u rrefera għall-mara tiegħu Lourdes għax hi ġurnalista tan-Net. Kien jisplodi, Kieku sploda Owen Bonnici, kien ikollna ndaħħlu l-eżorċista Saviour Balzan

Fuq kollox trid tara l-atteġjament ta’ ċerti politiċi fuq ix-xandir, li jippruvaw ipinġu lill-PBS bħala stazzjon ta’ żmien Pol Pot. U li meta jiġu fuq il-kaxxa jużaw tattiċi isteriċi, attitudni arroganti u attakki personali. 

Bħal ġimgħa l-oħra meta fil-programm tiegħi (u ħallejtha tgħid) Therese Comodini Cachia irreferiet erba’ darbiet għall-fatt li Owen Bonnici jaf “xi trid tgħid meta tirreferi għall-ġurnalista f’One TV.”

Ovvjament, kienet qed tirreferi għal Janice, il-partner ta’ Owen Bonnici.

Bħallikieku, immaġinaw li kieku qabel l-2013, xi ħadd kien dar fuq George Pullicino u rrefera għall-mara tiegħu Lourdes għax hi ġurnalista tan-Net.

Kien jisplodi, (ovvjament b’mod metaforiku) u kien ikollu raġun mija fil-mija.

Kieku sploda Owen Bonnici, kieku kien ikollna ndaħħlu l-eżorċista, u kien ikollna konferenza stampa oħra.

Hemm bżonn li nitkellmu u niftħu qalbna, imma meta naslu biex nagħmlu l-konklużjonijiet, nagħmluhom mhux skont il-kulur tal-persuna, imma skont l-argumenti.

Jien hekk għallmitni ommi, biex ma nħarisx lejn l-uċuħ, iżda lejn il-qalb u d-diskors.

U hekk għandhom bżonn jagħmlu dawk li qishom twieldu jaħsbu li fuq rashom qatt ma jista’ jkollhom stilla.

 

More in Blogs