L-ewwel nifs?
L-Editorjal tal-ILLUM
It-tiġrija vera, u mhux falza u fażulla, għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista taf tkun l-ewwel nifs, wara ħafna daqqiet ta’ ponn u tumakki li qala’ l-Partit Laburista mill-każ Panama.
F’demokrazija, kull partit jissopravvivi jekk jgħix fit-tiġdid u fl-ideat u jekk jintebaħ u jgħaraf li huwa mibni fuq prinċipji u morali li jistgħu jkunu adatti għaż-żmien, iżda li ma jinbidlux.
Għalkemm il-Partit Laburista fil-forma ta’ moviment ta’ nies, għamel rebħa massiċċa fl-2013, li għaliha kkontribwew bil-qawwi dawk l-eluf ta’ nies li normalment kienu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, ikun żball jekk il-Partit Laburista jaħseb li jista’ jitfa’ l-prinċipji u l-għeruq tiegħu għal mar-riħ biex jattira lil min mhux dejjem kien Laburist.
Min ingħaqad bi ħġaru mal-Partit Laburista fl-2013 u fis-snin ta’ qabel u kien ġenwin, kien qed jagħmel għażla konxja li jidħol f’partit mibni fuq il-fundamenti tal-ġustizzja soċjali. Min iddeċieda li jivvota Labour, anke jekk qatt ma kien għamel dan qabel u kien ġenwin, għamel għażla konxja favur partit li jipprofessa l-inklużjoni, partit li l-missjoni tiegħu huwa li jiġġieled il-faqar. Min ivvota lill-Partit Laburista fl-2013 għamel għażla konxja li jarmi l-arroganza u l-ħabi u jivvota lill-partit li kien tgħallem mill-iżbalji kbar li għamel, iżda li kien konxju wkoll tal-kisbiet kbar li għamel għal bosta familji u individwi, speċjalment għall-fqar.
Huwa għalhekk li l-Partit Laburista illum jinsab mitluf u batut. Huwa għalhekk li l-Partit Laburista llum għaddej minn żmien iebes. Għax taħt il-Panama, kien hemm problema ħafna ikbar. Kien hemm u għad hemm problema ta’ xi nies u l-idea tagħhom li l-flus kollox u min jiflaħ iħawwel ħallih iħawwel u min le, jegħreq. Id-daqqa lill-Partit Laburista kienet kbira għax il-poplu beda jara r-rgħiba tal-aħħar Gvern Nazzjonalista f’dan il-Gvern wara tliet snin biss.
Huwa għalhekk li l-elezzjoni għal Deputat Mexxej, wara l-elezzjoni fażulla u insolenti li kien hemm fi Frar meta kkontesta bniedem waħdu, hija żiffa ħelwa għall-Partit Laburista. Sa fl-aħħar, erġajna qed nisimgħu l-lingwaġġ tar-ruħ soċjali, id-diskors dwar l-importanza li t-tkabbir jilħaq lil kulħadd. Sa fl-aħħar qed naraw li editorjali fuq din il-gazzetta dwar l-importanza li l-ġid jasal għand kulħadd u li jkun il-Gvern li jiġġieled l-abbuż biex il-ġid jasal għand kulħadd, ma waqgħux fuq widnejn torox.
Huwa ta’ sodisfazzjon li persuni influwenti fil-Partit Laburista, bħal mhuma kemm Owen Bonnici u Chris Cardona, għarfu u qed jitkellmu bil-lingwaġġ li juri li l-ekonomija għandha tmur lil hinn miċ-ċifri u ċertifikati u tinżel għand in-nies. U fejn it-tazza metaforika tal-kunċett ekonomiku tat-‘trickle down effect’ ma tfurx, mela għandu jkun il-Gvern li jfawwarha.
Kellu jkun l-iskandlu tal-Panama li fl-aħħar beda jitfa’ naqra sens komun u jiftaħ l-għajnejn. Kellha tkun it-tisbita ta’ dawn l-aħħar ġimgħat li bdiet tixgħel il-bozoz. Kellha tkun ir-rabja ta’ Laburisti stess li tibda tfakkar li l-Partit Laburista, għalkemm illum mibni madwar moviment ta’ nies b’interessi differenti, xorta jibqa’ jħaddan l-istess bażi u prinċipji li dejjem kellu.
Huwa pożittiv, li għall-inqas, b’differenza mill-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista, il-Partit Laburista lest li b’xi mod jibda jirrealizza li għamel żball, jitgħallem u jirrimedja. It-telgħa hija iebsa, imma jidher li din l-elezzjoni għal Deputat Mexxej kienet il-katalista li se terġa’ tinjetta l-entużjażmu u ssaħħaħ il-prinċipji li tħallew jevaporaw minn min jinteressah butu, u butu biss.