Il-Korruzzjoni

Joe Ellis: "Jiżbalja min jilludi ruħu li l-elettorat qajla jagħti każ sakemm żaqqu tkun mimlija u jkollu x-xogħol. Il-fatturi ekonomiċi jaffetwaw bla dubju imma s-sens ta’ dak li hu tajjeb u ħażin f’ħafna minnha m’għandhu qatt jiġi sottovalutat"

Kemm ilni niftakar, il-korruzzjoni dejjem kienet tema attwali fil-politika Maltija.  Korruzzjoni, kemm attwali kif ukoll perċepita, dejjem kienet is-suġġett ta’ dibattiti mqanqlin fix-xena lokali. Fis-snin sittin, l-akkużi ta’ korruzzjoni kienu bosta. Kienu snin ta’ espansjoni ekonomika kontra l-aspettativi kollha li Malta post-kolonjali kienet ser tispiċċa stat fallut. Minflok, mewġa ta’ investiment barrani bdiet tibni l-pedamenti tas-suċċess ekonomiku ta’ Malta indipendenti. Is-snin sebgħin komplew l-espansjoni ekonomika tas-snin ta’ qabel minkejja x-xokk taż-żidiet qawwijja fil-prezz taż-żejt wara l-gwerra tal-Yom Kippur tal-1973 u r-Rivoluzzjoni Iranjana tal-1979. Probabbilment l-iżball kbir tal-gvern ta’ Mintoff kien li l-korruzzjoni kienet tintmess minn kulħadd: minn min irid idaħħal telefon id-dar, jixtri televixin, ikollu liċenzja tal-importazzjoni u anke jixtri sit għall-qabar. Meta Joe Brincat ipprova jiddixxiplina l-qasam tad-djar, l-elettorat tiegħu rvella, ċappas ‘No Plots No Votes’ mal-ħitan u ma tellgħux fil-Parlament ħlief permezz ta’ by-election.

Wara l-1987, l-amministrazzjoni Nazzjonalista ppruvat tindirizza l-problema tal-korruzzjoni permezz ta’ bosta miżuri. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet ekonomiċi li kienu qed joħonqu l-ħajja ekonomika, eliminat waħda mill-fatturi li kienu qed jalimentaw il-korruzzjoni, speċjalment dik fuq livell baxx. Il-privatizzazzjoni wkoll għenet biex tiġi mnaqqsa l-korruzzjoni f’oqsma bħal dawk tat-telekommunikazzjoni. Imma fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, spiss konna nisimgħu b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, allegazzjonijiet li qatt ma ġew ippruvati. Imma kif jgħid il-Malti, il-qażba ma ċċaqċaqx għalxejn, u bosta Maltin spiċċaw jemmnu li verament teżisti l-korruzzjoni. U l-fatt li l-politiċi neħħew minn idejhom il-poter li jiddeċiedu dwar bosta materji bħall-permessi tal-bini, ma jfissirx li nqatgħu l-abbużi. L-akkużi ta’ irregolaritajiet fi ħdan il-MEPA kienu kostanti. Bosta kienu d-diċeriji dwar il-ġid li akkumulaw mingħajr spjegazzjoni xi uffiċjali ta’ din l-istituzzjoni. Xi ftit xhur ilu iltqajt ma’ xi ħadd midħla ta’ din l-istituzzjoni li stqarrli li bosta huma l-uffiċjali tagħha li waqqfu trusts. Dan kien qabel il-Panama Papers, imma dak li ħareġ din il-ġimgħa, saħħaħ dawn is-suspetti. Huwa evidenti li mhuwiex sodisfaċenti għaċ-ċittadin li l-korruzzjoni tal-politiku tiġi sostwita minn dik tal-amministratur pubbliku. Ir-riżultat aħħari huwa essenzjalment l-istess biċ-ċittadin irid iħallas għal dak li hu bi dritt tiegħu.  

L-amministrazzjoni Nazzjonalista ppruvat tikkuntrasta l-korruzzjoni billi waqqfet il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Imma din qajla kellha suċċess. Kif qalet il-Kummissjoni Bonello, l-420 investigazzjoni li din il-Kummissjoni wetqet mill-1988 ’l hawn ma taw lok għall-ebda prosekuzzjoni, anqas u anqas, għal sejba ta’ ħtija. Huwa ċar daqs il-kristall li anke bl-aħjar intenzjonijiet, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni mhix tintrebaħ. 

L-amministrazzjoni preċedenti spiċċat imsallba b’bosta allegazzjoniet ta’ korruzzjoni, reali jew perċepiti. Kellna l-każ tax-xiri taż-żejt tal-Enemalta li qanqal ferm l-opinjoni pubblika. Il-qrati tagħna għad iridu jiddeċiedu kemm dawn kienu każijiet ta’ korruzzjoni jew ta’ prattiċi amministrattivi żbaljati. Li ħareġ mis-smigħ tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi kien li fil-maġġorparti tal-każijiet, l-irħas offerta ġiet aġġudikata. Li forsi ma ntqalx kien jekk l-atmosfera ta’ kollużjoni komda bejn min kien jamminista u min kien jitfa’ l-offerti, illimitax bis-sħiħ min seta’ jitfa’ l-offerti b’detriment ovvju għall-ġid pubbliku. Saru anke ħafna allegazzjonijiet dwar il-power station tal-BWSC imma dawn l-allegazzjonijiet ma taw lok għal ebda riżultat konkret. 

Mill-2013 ’il hawn, il-gvern Laburista li tela’ fuq l-għajta li se jaqleb il-paġna spiċċa spiss akkużat b’episodji ta’ korruzzjoni jew prattiċi amministrativi opaki bħal dak tal-Cafè Premier u ta’ Strada Żekka/Gaffarena li ġew iċċensurati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Kellna anke r-riżenja ta’ Segretarju Parlamentari, imma dan ma pplakax l-opinjoni pubblika. U l-kwistjoni tal-Panama Papers biddlet is-sitwazzjoni ta’ taħt fuq minkejja li hawn min qed jippretendi mod ieħor. Id-diskussjoni pubblika spiss spiċċat tinżel fil-livell li ċertu prattiċi jistgħu jsiru ġaladarba anke l-amministrazzjoni preċedenti kellha taħt għabtha jinten. Intesew il-wegħdi ta’ governanza korretta u spiċċajna bil-politika tal-ping pong fejn akkuża ta’ naħa tingħata risposta min-naħa l-oħra b’akkużi ta’ sustanza jew forsi mhux daqshekk. Li hu żgur hu li, barra mill-każ taż-żejt, ħadd ma tressaq il-Qorti, aħseb u ara kemm instab ħati.

Illum, il-partiti l-kbar m’għadhomx jiddistingwu ruħhom b’min hu favur is-settur privat u min hu favur sistema ekonomika mħallta bħal qabel. Madankollu, il-kwistjoni tal-korruzzjoni u tal-governanza tista’ tkun fattur li tiddistingwihom ferm. Din il-ġimgħa f’Londra sar summit kontra l-korruzzjoni li ta lok għal ħafna kitba u ħsibijiet. Laqatni ferm il-kontribut tax-xjenzat politiku u ekonomista Amerikan, Francis Fukuyama. Fil-ktieb tiegħu, The End of History and the Last Man (1992), Fukuyama argumenta li wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika u l-ekonomiji hekk imsejħin soċjalisti, it-tixrid tad-demokrazija liberali u l-kapitaliżmu tas-suq ħieles tal-punent jista’ jkun it-tmiem tal-evoluzzjoni soċjokulturali tal-bniedem u l-forma finali tal-Gvern uman.   Sussegwentement, biddel il-pożizzjoni tiegħu f’diversi oqsma u minn ispirazzjoni għall-moviment neo-konservattiv sar jappoġja l-kandidatura għall-presidenza ta’ Barack Obama.

Fukuyama jargumenta li l-korruzzjoni saret l-aktar kwistjoni kritika tas-seklu 21 bħalma s-seklu 20 kien karatterizzat b’konflitti ideoloġiċi kbar bejn id-demokrazija, il-faxxiżmu u l-komuniżmu. Illum, il-maġġoranza tal-pajjiżi jaċċettaw id-demokrazija u jippretendu li jżommu elezzjonijiet kompetitivi. Dak li jiddistingwi s-sistemi politiċi, skont Fukuyama, hu l-mod kif il-klassi li taħkem jew tuża l-poter fl-interess pubbliku jew inkella sabiex tistagħna hi u l-ħbieb u l-familji tagħhom.  

Intesew il-wegħdi ta’ governanza korretta u spiċċajna bil-politika tal-ping pong fejn akkuża ta’ naħa tingħata risposta min-naħa l-oħra b’akkużi ta’ sustanza jew forsi mhux daqshekk

Skont Fukuyama, il-korruzzjoni taffetwa l-ħajja f’bosta modi: ekonomikament, tiżgura li r-riżorsi ma jintużawx bl-aktar mod produttiv imma sservi ta’ taxxa regressiva li ssostni l-livell ta’ ħajja tal-elite a skapitu tal-kumplament tas-soċjetà. Il-korruzzjoni tinċentiva lil min hu tajjeb u intelliġenti li jilgħab bis-sistema flok ma jinnova u joħloq ġid ġdid.  Politikament, il-korruzzjoni timmina l-leġitimità tas-sistemi politiċi meta l-poplu jħoss li gvernijiet awtoritarji jaħdmu aħjar minn dawk demokratiċi imma korrotti.  

Fukuyama jargumenta li l-fenomenu tal-korruzzjoni huwa pjuttost modern peress li l-kunċett li l-ħakkiema ma kinux il-propjetarji tad-dominji tagħhom imma biss kustodji tagħhom fl-interess pubbliku twieled biss fil-punent fis-sekli 16 u 17. Madankollu, dan il-kunċett kien diġà żviluppat fiċ-Ċina xi 1,800 sena qabel. Semma li hemm żewġ fenomeni separati ta’ korruzzjoni li mhumiex identiċi. L-ewwel fenomenu hu l-ħolqien u l-ħlas ta’ kirjiet u l-ieħor ta’ patrunaġġ u klijentaliżmu. Il-kirjiet jitwieldu minħabba skarsezzi artifiċjali li jinħolqu mill-gvernijiet. Dan kien il-każ f’pajjiżna meta biex timporta xi ħaġa kellek bżonn liċenzja tal-importazzjoni jew tkun membru ta’ xi kartell tal-bulk buying.  Skont Fukuyama, l-aktar forma mifruxa ta’ kirjiet fid-dinja fil-fatt hija l-impożizzjoni ta’ kirjiet fuq l-importazzjoni ta’ prodotti. Għal ħafna ekonomisti, dawn il-kirjiet huma distorzjoni tal-allokazzjoni effiċjenti ta’ riżorsi.

It-tieni fenomenu assoċjat ma’ koruzzjoni huwa dak tal-klijentaliżmu jew patronaġġ li jinvolvi skambju reċiproku ta’ favuri bejn żewġ individwi ta’ poter u status differenti. Dan spiss jinvolvi favur mogħti lil xi ħadd sabiex jixtri l-lealtà u l-appoġġ politiku tiegħu. Fukuyama jgħid li l-klijentaliżmu hu ħażin u devjazzjoni mill-prattiċi demokratiċi tajbin għal diversi raġunijiet. Ċittadini jispiċċaw ma jivvutawx fl-interess ġenerali imma l-vot tagħhom jiġi kkundizzjonat minn kunsiderazzjoniet strettament personali. Ir-riżultat hu li politika li ġġib ’il quddiem il-ġid ġenerali tiddgħajjef u jiżdiedu l-inugwaljanzi soċjali.  Madankollu, Fukuyama jsejjaħ il-klijentaliżmu bħala forma bikrija ta’ parteċipazzjoni demokratika li jservi biex votanti fqar jiġu mobilizzati u nkuraġġuti jipparteċipaw fil-proċess politiku.  

Skont Fukuyama, kien biss bl-iżvilupp industrijali u ekonomiku li l-Amerika ħarġet mis-sistema ta’ patrunaġġ. U wieħed jistenna li anke band’oħra, anke f’pajjiżna, l-iżvilupp ekonomiku ukoll jirrendi l-patrunaġġ xi ħaġa tal-passat. Sfortunatament, bosta elementi ma tantx jagħtu lok għall-ottimiżmu f’pajjiżna. Qed nassistu mill-ġdid għall-eżodu qawwi mis-settur privat għas-settur pubbliku qisu mingħajr iċ-ċejċa tal-Gvern wieħed mhux kapaċi jgħix.

Aktar minn qatt qabel, l-għażla quddiem l-elettorat ser tkun min hu kapaċi jikkuntrasta b’mod effikaċi l-korruzzjoni. Jiżbalja min jilludi ruħu li l-elettorat qajla jagħti każ sakemm żaqqu tkun mimlija u jkollu x-xogħol. Il-fatturi ekonomiċi jaffetwaw bla dubju imma s-sens ta’ dak li hu tajjeb u ħażin f’ħafna minnha m’għandhu qatt jiġi sottovalutat.

More in Blogs