'The customer is always right'

minn Owen Bonnici

Li l-Partit Laburista jkun aktar qrib tiegħek hija missjoni politika li jien dħalt għaliha għaliex verament nemmen fiha. Kif jistgħu jixhdu d-delegati, kumitati lokali, friegħi u membri tal-Partit li qed niltaqa’ magħhom ta’ kuljum, inħoss b’passjoni l-bżonn li n-nies li jiffurmaw l-għeruq tagħna jkunu aktar viċin il-ħidma u aktar parteċipi fis-suċċess. Il-kelma li qed nagħti se nżommha. Għax jien hekk magħmul.

 L-akbar pass biex nassigura li l-kuntatt kontinwu jibqa’ t-timbru tat-tmexxija kollha tiegħi bħala Deputat Mexxej se jkun l-iżvilupp tad-dipartiment tal-customer care. Dan huwa l-uffiċċju li fih jidħlu l-preokupazzjonijiet tan-nies u għalhekk irrid nara li jkun l-aktar post fejn tħabbat il-qalb soċjali biex nisimgħu, inkunu ta’ spalla u nwettqu dak li huwa xieraq. 

Il-manifest tiegħi jitkellem ċar u tond. Irridu nbiddlu s-sistema tal-customer care b’mod li ma naċċettawx aktar li persuna twassal it-tħassib tagħha mal-Partit Laburista u ma tingħata qatt risposta lura. Qed nikkometti ruħi personalment li, jekk ningħata l-fiduċja, mhux biss tingħata tweġiba għall-ilmenti li jkunu tressqu quddiemna imma li tingħata tweġiba, anke jekk inizjali, fi żmien 15-il ġurnata. Bis-serjetà nemmen li din hija s-sistema li jixirqilhom in-nies. Konvint li se jirnexxilna.

 Kollox se jdur madwar it-taħriġ professjonali li fuqu se jkun mibni d-dipartiment tal-customer care. Diġà għandna ħaddiema kapaċi ħafna f’dan l-uffiċċju. L-ikbar sfida s’issa kienet li mhux dejjem sabu miftuħa l-bibien tad-dipartimenti u l-awtoritajiet tal-Gvern. Din hija l-bidla li rrid inwettaq. Irid ikollna sistema ta’ sinerġija bejn il-Gvern u l-Partit, bejn l-id leminija u l-id xellugija. Irid ikun hemm koperazzjoni meħtieġa biex nidħlu fil-każ u naraw kif tista’ tissewwa inġustizzja. 

Il-persuni mhumiex numri. Il-Partit Laburista jrid ikun tajjeb biżejjed li b’effiċjenza, jagħti widen, joffri r-risposti u jiggwida lin-nies. Il-filosofija trid tkun waħda: the customer is always right. 

Dan ifisser li nagħtu raġun lil kulħadd? Bla dubju li le. Imma n-nies huma dejjem ġustifikati li jirrikorru għand il-partit li għandhom fiduċja fih, jispjegaw is-sitwazzjoni tagħhom u bi dritt jistennew spjegazzjoni lura. Għalhekk qegħdin hemm aħna bħala politiċi, u nkunu qed nonqsu jekk ma nagħmluhiex. 

Li nagħtu ġustizzja hija kruċjali. Fl-ewwel ftit xhur, mingħajr daqq ta’ trombi, bħala Ministru għall-Ġustizzja, rajt li tħallas kull min rebaħ kawża quddiem it-tribunal għall-inġustizzji, ħlief dawk li minn jeddhom għażlu li jagħmlu kawżi oħra għal kumpens ikbar. Bl-istess mod, jekk inkunu ffukati u naħdmu bi preċiżjoni, nistgħu nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ ħafna persuni li jirrikorru għand il-Partit Laburista u jsibu mingħandna disponibiltà ġenwina li nittrattaw b’serjetà l-inkwiet tagħhom.

 Inxammru l-kmiem u naħdmu

Għalija, l-isbaħ parti tal-politika hija li niltaqa’ man-nies, niddiskuti, u nwassal l-aspirazzjonijiet tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa f’dak il-punt li nħoss l-ikbar sodisfazzjon u ninsa kull sagrifiċċju li għamilt biex bħall-kollegi kollha tiegħi, dħalt f’din il-ħajja pubblika. 

Għalhekk bħalissa iktar minn qatt qabel, huwa żmien eċitanti ħafna għalija fejn qed niltaqa’ mal-ikbar firxa wiesgħa ta’ familji u nisma x’għandkom xi tgħidu. Kelli ħafna kliem sabiħ. Qaluli “għandek il-kalma u t-tbissima fuq naħa imma fl-istess ħin inti politiku assertiv u ta’ passjoni,” “qatt ma kien hemm politiku daqsek li ġiegħlni nħossni li jien mismugħ,” u “nemmen li tista’ tagħmel id-differenza għaliex bla tpaċpiċ żejjed ixammar il-kmiem u taħdem.”  

Iva, jien lest li nagħti l-ħin u l-enerġija tiegħi to get things done. Imma onestament ma stennejtx daqstant kummenti pożittivi. Inħossni mċekken quddiemhom, fl-istess waqt kburi li naħdem magħkom. 

Nixtieq nisma’ aktar fejn nistgħu ntejbu l-affarijiet. Għax jien għalhekk qed nitlob il-fiduċja tagħkom. Il-kuntatt li qed inżomm bħalissa magħkom id-delegati, il-kumitati lokali, il-friegħi u l-membri tal-Partit Laburista mhuwiex biss kuntatt ta’ qabel il-ħatra. Nassigurakom u se taraw b’għajnejkhom li, jekk ningħata l-fiduċja, se tkomplu ssibuni magħkom fix-xhur u s-snin li ġejjin. 

More in Blogs