It-tielet, ir-raba’ u jekk hemm bżonn, il-ħames ukoll
L-Editorjal tal-ILLUM
Il-ġimgħa l-oħra pajjiżna mmarka pass ieħor storiku, pass li għalkemm kien biss l-infanzja ta’ idea jew ħolma, se jibqa’ jissemma fil-kotba tal-istorja politika ta’ Malta għas-snin u deċenji li ġejjin. Is-Sibt li għadda kien imniedi partit politiku ġdid, il-Partit Demokratiku, li għalissa se jkun immexxi minn Marlene Farrugia.
Kull twelid għandu jkun iċċelebrat, u f’demokrazija ħajja u vibranti bħal tagħna, minkejja kull stqarrija kontra, żvilupp ta’ moviment politiku ġdid ta’ nies li jixtiequ jaraw lill-pajjiżna miexi ’l quddiem għandu jkun milqugħ b’ottimiżmu.
F’pajjiżna iżda, fejn għandna żewġ partiti li jiddominaw ix-xenarju u li akkost ta’ kollox iridu jibqgħu jkunu huma biss il-monopolju fuq il-poter, kellna biss skiet u twissijiet.
Il-Partit Laburista kien konsistenti fis-silenzju u fil-mod kif injora lil Marlene Farrugia. Issa lil Marlene Farrugia tista’ tagħtiha kull aġġettiv u tikketta: tista’ tgħid li tħobb l-attenzjoni, tista’ tgħid li rrabjata għax Godfrey tneħħa minn Ministru, tista’ tgħid li akkost ta’ kollox trid Ministeru hi u tista’ tgħid li mhux oġġettiva fil-kritika tagħha lejn il-Gvern preżenti. Imma li ma tistax tgħid huwa li dak kollu li qalet jew għamlet f’dawn l-aħħar xhur kien gidba jew invenzjoni. Li ma tistax tgħid huwa li f’diskorsha, Farrugia kienet għal kollox maqtugħa mir-realtà tal-poplu.
Forsi l-Prim Ministru kellu raġunijiet varji u ġusti għalfejn jinjora lill-Farrugia. Jista’ jkun li jaf xi ħaġa li l-poplu ma jafx u allura ddeċieda li ma jagħtix kasha. Imma, minkejja dawn il-possibilitajiet, jibqa’ fatt li l-Partit Laburista seta’ u għadu jista’ jisma’, jagħti raġun fejn iħoss li għandha raġun u jibni pont jew tnejn. Jekk xejn, meta jibni pont magħha fuq ċerti kwistjonijiet, ikun qed jibni pont mal-aktar settur ta’ votanti li huma diżillużi bil-Gvern, jiġifieri l-ambjentalisti.
Iktar minn hekk, kieku l-Gvern irrikonoxxa, jekk mhux l-eżistenza tagħha, tal-anqas is-sugu ta’ ċerti argumenti li għamlet, kien juri li huwa distakkat mill-attitudni li ħa l-PN fil-konfront ta’ Franco Debono, li ġie injorat u mżeblaħ, anke jekk kellu argumenti siewja u proposti għar-riforma tal-ġustizzja li issa qed jaqbel magħhom kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra, uża kemm felaħ lill-Farrugia bħala għalf politiku. Kellek wiċċ Farrugia kullimkien, fuq kull forma ta’ media li għandu l-PN, u saħansitra wkoll fl-aħħar protesta kontra l-korruzzjoni. Marlene kienet saret qisha l-eroj li waqgħet mis-sema biex tiftaħ għajnejn il-poplu.
Joħroġ l-istħarriġ tal-gazzetta oħt, il-MaltaToday, li juri kif Farrugia qed tattira prattikament voti Nazzjonalisti biss u bil-mijiet, u f’daqqa waħda taqa’ purtiera ta’ silenzju. Imbagħad joħroġ il-Kap tal-PN ifakkarna jew forsi jwissi, li hu biss is-soluzzjoni għal Joseph Muscat. Issa taf xi jmiss? Li bħal m’għamel darba, darbtejn fil-konfront tal-Alternattiva Demokratika, il-PN jgħidilna li vot għat-tielet partit huwa vot moħli. Jiġifieri, u mhux b’sorpriża għax il-politika hekk magħġuna, lil Farrugia wara li użawha issa se jarmuha.
Il-poplu għandu jpoġġi lilu nnifsu ’l fuq minn dawn il-manuvri politiċi u jkun kburi li minkejja kollox, qed jgħix f’pajjiż fejn il-libertà tal-ħsieb qed tkun iċċelebrata bl-isbaħ mod possibbli. Għalhekk din il-gazzetta tilqa’ b’ottimiżu kull forma ta’ moviment jew grupp politiku ġdid li fl-ewwel interess tiegħu, jkollu l-benessere u l-ġid tan-nies u li jpoġġi lill-poplu kollu: abjad jew iswed, Malti jew barrani, sinjur jew fqir, Kattoliku jew le fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu.