Il-biża’ mill-ktieb
minn Immanuel Mifsud
Ħafna minna, f’xi perjodu jew ieħor, qrajna jew studjajna x-xogħol l-aktar importanti ta’ Ellul Mercer, ir-rumanz Leli ta’ Ħaż-Żgħir, li ilu ħafna, meta x-xandir tal-Istat kien iħossu fid-dmir li jġorr responsabbiltà kulturali, kien intwera f’episodji fuq dak li kien l-uniku stazzjon televiżiv Malti.
Huwa rumanz ta’ kittieb xellugi li anki jekk kien nieqes mill-viżjoni rivoluzzjonarja Marxista, ħass li l-faqar materjali jirrifletti l-faqar kulturali ta’ proletarjat li fi żmienu kien nieqes għal kollox mill-edukazzjoni. Fir-rumanz tiġi enfasizzata d-differenza bejn il-kolti u dawk li mhumiex, li mhijiex neċessarjament distinzjoni ta’ klassi soċjali f’termini materjalistiċi daqskemm id-differenza bejn grupp li jrid jiftaħ moħħu u ieħor li jew m’għandux l-għodda biex jagħmel dan jew sempliċiment mhuwiex interessat. L-istampa li jagħtina Ellul Mercer turi li l-grupp il-kolt huwa biss nukleu żgħir, mitluf xi mkien, jekk mhux ukoll imwarrab, qalb massa aljenata fil-ġid jew fil-miżerja. Ellul Mercer, bil-kuxjenza tiegħu favur il-kawża tal-massa l-fqira, ra l-edukazzjoni bħala ċ-ċavetta li kellha tiftaħ il-bieb il-kbir tal-emanċipazzjoni tal-klassi. Fid-diskursati twal bejn il-protagonisti tar-rumanz, il-qari jiġi ppreżentat mhux daqstant bħala passatemp daqskemm mod ta’ għajxien li jittraxxendi l-kunsiderazzjonijiet materjali tal-ħajja ta’ kuljum. Il-ftuħ tal-moħħ huwa l-att rivoluzzjonarju ta’ Ellul Mercer, fis-sens li dan kellu jwassal għall-bidla fl-istat tal-massa proletarja.
Dal-ħsieb jibqa’ jirrikorri tul ir-rumanz sakemm f’daqqa waħda, lejn it-tmiem, l-aktar persunaġġ b’moħħu miftuħ, li saħansitra beda t-triq li għall-emanċipazzjoni tal-protagonista, ifaqqa’ bomba: “It-triq li qabbduni dawk li għamiltha magħhom u l-oħra li fetaħli l-qari tal-għerf, ma ġibuli ebda hena f’qalbi. Ma rridx infisser b’daqshekk li fehmet u kliem il-boloh huwa s-sewwa. Kif nista’ ngħid dan, jien li doqt il-għasel bnin tat-tagħlim u xrift u ħarist mit-twieqi li jagħtu għall-beraħ bla qies tal-għerf? Iżda, irrid u ma rridx, ikolli, minkejja fija, ngħid li għemil dawk li ma jaħsbuhiex bħali u l-ħajja li jgħaddu huma, mibnija fuq sisien ta’ Twemmin f’Alla u f’ħajja oħra ’l hemm minn din, aktar donnha tqarreb lejn is-sewwa la darba dil-fehma, dat-Twemmin jagħtihom aktar hena, sabar u sliem milli sibna int u jien fil-kotba tal-għorrief li ma jemmnux.” Donnu li Ellul Mercer, b’dawn il-ftit sentenzi minn fomm l-egħref fost il-persunaġġi tiegħu, qiegħed jgħaddi, aktarx inkonxjament, messaġġ antiqari fil-ktieb l-aktar importanti tiegħu. Donnu qiegħed jesprimi ċertu biża’ mill-ktieb, tant li l-protagonista tiegħu aktar milli għenuh biex jiftaħ moħħu l-kotba wassluh biex tilfu. Hemm periklu serju fil-qari, mela.
Forsi s-soċjetà żagħżugħa fostna għadha ġġorr wirt antik ta’ diżinteress serju fil-qari. Il-problema tagħna mhix daqstant ta’ biża’ frott tal-fsied, daqskemm il-falliment li titrawwem kultura ta’ qari
Il-biża’ mill-kotba huwa s-suġġett ta’ saġġ li qrajt dan l-aħħar miktub mis-soċjolgu Frank Furedi, professur fl-Università ta’ Kent, li speċjalizza fuq il-biża’ bħala fenomenu soċjali. Furedi jikteb dwar nies importanti li matul l-istorja kkummentaw dwar il-qari u l-perikli marbutin miegħu. Minn Sokrate li jissuġġerixxi li l-qari jista’ javvelena lill-qarrej, għad-drammaturgu Grieg Menander li ħareġ bl-idea li n-nisa m’għandhomx jaqraw minħabba l-emozzjonijiet qawwija u l-imħuħ dgħajfa tagħhom, sa numru ta’ kittieba u ħassieba li raw li jaf ikun hemm rabta bejn il-qari u l-propensità għas-suwiċdju. Furedi jagħmel dawn ir-referenzi storiċi huwa u jikkummenta dwar tendenza li qiegħda tikber fost studenti (mhux Maltin) li jirrifjutaw li jaqraw ċerti kotba minħabba l-biża’ li dak li hemm miktub jista’ jaffettwahom ħażin psikoloġikament.
Il-punt li jintriga lil Furedi mhuwiex daqstant li hemm min jara din ir-rabta bejn il-qari u l-periklu ta’ dannu psikoloġiku, iżda l-fatt li qabel kien hemm iċ-ċensuri li kienu jipproponu jew saħansitra jiddettaw x’għandu jaqra dak li jkun biex ma jħassarx ‘is-saħħa morali’, filwaqt li llum huma ż-żgħażagħ stess li qegħdin jitolbu forma ta’ ċensura biex tipproteġihom minn deni irreparabbli kkawżat minn ċerti kotba.
Bħalma qiegħed jiġi osservat f’oqsma oħrajn, is-suġġett trattat minn Furedi (inkluż fil-ktieb li ħareġ is-sena l-oħra The Power of Reading) juri bidla fundamentali fil-mod kif qiegħed jiżviluppa l-ħsieb fis-soċjetà kontemporanja. Mingħajr ebda ħjiel ta’ nostalġija Furedi josserva li filwaqt li ż-żgħażagħ, speċjalment l-istudenti universitarji, xi darba kienu fl-avangwardja tal-qari għax emmnu fil-ħtieġa tas-sogru bħala sinjal ta’ għajxien, illum in-nies ta’ din l-istess età qegħdin jibżgħu mis-sogru u qegħdin jirrikorru għaċ-ċensura biex jipproteġu lilhom infushom. Furedi qiegħed jissuġġerixxi, mela, li llum għandna soċjetà li tibża’, li m’għandhiex il-ħeġġa taffaċċja l-periklu. Forsi mhijiex daqstant għax is-soċjetà saret beżżiegħa daqskemm, dejjem forsi, għax il-kumdità, il-ħtieġa dejjem tonqos ta’ sagrifiċċju, rawmu ġenerazzjoni fi fsied żejjed.
Adrian Grima kiteb dwar il-qari f’Malta f’Ħożż fl-Ilma: il-Kotba, il-Qari u l-Baħar, monografu maħruġ fl-2008. Huwa jagħmel diversi osservazzjonijiet, fosthom jikkonferma permezz ta’ referenzi, in-nuqqas serju ta’ qari. Il-biża’ mhuwiex wieħed mir-raġunijiet li Grima jippreżenta. Forsi, mingħajr ma rrid inkun aħrax wisq, il-problema tagħna lanqas biss tasal sa dak il-punt; forsi hija aktar bażika u sempliċi minn hekk. Forsi s-soċjetà żagħżugħa fostna għadha ġġorr wirt antik ta’ diżinteress serju fil-qari. Il-problema tagħna mhijiex daqstant il-biża’ frott tal-fsied, daqskemm il-falliment li titrawwem kultura ta’ qari. Anki jekk Rużar Briffa, bħal Ellul Mercer u numru kbir ta’ kittieba barranin, ħaseb li għall-marid għandek tressaq l-anestesija u mhux il-poeżija, il-‘marda’ tagħna hija differenti.