
Deputat Mexxej Ġdid: Manifest rebbieħ
minn Aaron Farrugia

Qiegħed nikteb dan l-artiklu l-Ġimgħa filgħodu hekk kif ftit tal-ħin ilu vvutajt fl-elezzjoni għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Inħares lejn dan l-artiklu bħala kontinwazzjoni għall-ewwel artiklu li ktibt dwar dan is-suġġett fi Frar li għadda fejn fih elenkajt il-missjoni l-ġdida ta’ dan id-Deputat Mexxej f’sitt punti. Fl-aħħar ġimgħat, kelli ċ-ċans niltaqa’ mat-tliet kandidati, naqsam magħhom il-ħsibijiet tiegħi u nisma’ mingħandhom x’lesti joffru u kif jixtiequ jservu lill-ikbar partit f’Malta: il-Partit Laburista. Tali eżerċizzju sar fl-2008 fejn fih bħala delegati eleġġejna lill-Joseph Muscat flimkien mad-Deputati Mexxejja tiegħu.
Ħafna staqsew x’sinnifikat għandha din l-elezzjoni u fejn se teħodna. Smajt ħafna, iżda ħadd daqs il-Prim Ministru Muscat ma fisser aħjar fejn irridu nkunu, kemm dalgħodu hekk kif issa nafu nafu min rebaħ din it-tiġrija, u iktar importanti sentejn oħra, lejliet elezzjoni ġenerali oħra: Il-Partit Laburista bħala l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin. Din l-elezzjoni hi biss ħolqa minn katina li għandha twassal lejn dan ir-riżultat b’dak kollu li ntqal u dak kollu li se jsir, idur ma’ dan l-għan li għandna quddiemna. Kien pożittiv li bħala delegati ngħatajna din l-opportunità ta’ għażla: tliet kandidati li huma xhieda tat-talent kbir li għandu dan il-Partit. Ilkoll differenti minn xulxin mhux biss fl-istil, iżda fit-twemmin u fil-kumpass politiku tagħhom.
Għal din l-elezzjoni vvutaw id-delegati u mhux il-membri, u allura kien naturali mhux biss li lkoll inħarsu fuq ġewwa, iżda li l-kandidati jaħdmu biex jerbħu l-qlub u l-imħuħ tal-persuni li jservu b’mod dirett lill-Partit u l-istrutturi tiegħu. Din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn smajna iktar dwar titjib fl-istrutturi milli dwar id-direzzjoni politika tal-pajjiż, iktar dwar kif id-delegati se jkunu aġevolati milli dwar il-kumpass morali tal-Partit. Smajna ħafna dwar il-ħin li l-kandidati se jagħtu lill-Partit. Ngħid li kont sorpriż kif ebda kandidat ma kkontesta bl-għajta li mhuwiex se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss biex ikun jista’ jiffoka totalment fuq il-ħidma tal-Partit, xi ħaġa li kien għamel sieħbi Toni Abela fl-2008. Diżappuntat li ma kienx hemm wiċċ femminili f’din it-tellieqa, għax nemmen li t-talent f’dan il-partit huwa mifrux u fis-snin riċenti, in-nisa ħadu karigi importanti prattikament fl-istrutturi kollha.
It-tliet kandidati fasslu l-manifesti tagħhom u llum għandna kandidat u manifest rebbieħ. Ilkoll qalu li jkun xi jkun ir-riżultat, se jappoġġjaw bis-sħiħ lill-kandidat li ġab l-ikbar ammont ta’ voti u l-ħidma tagħhom mhi se taqta’ xejn. Tajjeb, iżda l-parir tiegħi hu li l-kandidat rebbieħ iħares lejn it-tliet manifesti u jfassal dak li qed insejjaħlu bħala l-manifest rebbieħ, tant għax nemmen li hemm punti validi ħafna mifruxin fil-manifesti tal-kandidati kollha. U għaldaqstant, permezz ta’ dan l-artiklu se nkun qed nanalizza x’forma għandu jieħu dan il-manifest rebbieħ.
Kumpass Ideoloġiku
Filwaqt li d-Deputat Mexxej irid jaċċerta li dan il-Moviment jibqa’ ankrat fiċ-ċentru tal-kumpass ideoloġiku, bil-għan li jibqa’ viċin u jibqa’ jirrapreżenta l-aspirazzjonijiet u l-isfidi tal-maġġoranza tal-poplu, l-ikbar biċċa xogħol għalih se tkun li jżomm mal-valuri u l-prinċipji li dejjem sawru dan il-Moviment. Fuq dan, tkellmu t-tliet kandidati, anke jekk mhux fid-dettall daqs kemm xtaqt. Ilkoll saħqu li l-ġid li qed jinħoloq għandu jinfirex mas-saffi kollha. Owen iffoka ħafna fuq il-bżonn ta’ studji, wieħed biex nesploraw kif il-ġid jista’ jkompli jinfirex u ieħor li jiffoka fuq il-prekarjat. Stefan mexxa ’l quddiem il-ħsieb tiegħu ta’ politika favur żieda gradwali fil-paga minima. Enfasizza wkoll oqsma li jkun tajjeb li l-Partit Laburista jitkellem iktar dwarhom: kwalità ta’ ħajja aħjar, għax l-ambjent u l-ħin mal-familja huma importanti daqs ix-xogħol.
Chris qal li se jaħdem biex il-Fondazzjoni IDEAT ikollha post minn fejn taħdem barra ċ-ĊNL. Inizjattivi tajbin, sinonimi ma’ partit taċ-ċentru xellug, li għandhom isiru kollha. Fil-fatt nemmen li l-istudji li semmew Owen u Stefan għandhom isiru mill-Fondazzjoni IDEAT li ġiet imwaqqfa propju għal dan il-għan. Ma’ dawn inżid is-suġġeriment li għamilt fi Frar, dak li jitwaqqaf grupp ta’ nies li jagħtu definizzjoni ġdida tal-politika soċjal-demokratika għaż-żminijiet tal-lum.
Magna elettorali professjonali
L-akbar biċċa xogħol se tkun li nippreparaw il-Partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. It-tliet kandidati tkellmu fit-tul dwar kif se jkunu eqreb il-mijiet ta’ volontarji li huma s-sinsla ta’ kull kampanja elettorali, iżda ftit li xejn tkellmu dwar kif beħsiebhom jibnu l-magna elettorali għal sentejn oħra. Kien pożittiv li lkoll tkellmu dwar il-bżonn li jissaħħu l-mezzi tax-xandir tal-PL u nħares ’il quddiem biex l-inizjattiva li ħareġ biha Chris, jiġifieri li jkun hemm mobile app tal-PL fejn mhux biss l-attivisti jingħataw informazzjoni kuljum iżda l-Partit ikun pass eqreb lejn il-ġenerazzjonijiet il-ġodda fid-dinja diġitali. Din l-app għandha tiġi kkordinata mill-Kap Eżekuttiv, l-uffiċċju tal-komunikazzjoni u l-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Għeruq u Strutturi
L-istrutturi tal-Partit Laburista għandhom jevolvu, biex jirriflettu ż-żminijiet tal-lum u l-kunċett ta’ moviment. Parteċipazzjoni u konsultazzjoni usa’ kienu l-frażijiet l-iktar popolari tal-Kandidati. Chris għamel proposta tajba ħafna, dik li jiġu organizzati laqgħat inter-reġjonali għall-attivisti, anke għax ma narax il-frott li tiġi mwettqa l-proposta ta’ Owen, dik li l-membri tal-kumitati jattendu tliet laqgħat tal-amministrazzjoni. Għall-Kunsilliera, hemm maħsub kungress filwaqt li jingħataw għajnuna ikbar speċjalment meta jiġu biex jaħdmu ma’ entitajiet governattivi. Nemmen li din il-proposta tista’ twassal ukoll għal one stop shop għal Forum Kunsilliera. Naqbel mal-proposta ta’ Chris li l-uffiċċju tal-PL f’Għawdex ikun mgħammar b’faċilitajiet ta’ video conferencing u l-proposta li jkun hemm konferenza ġenerali f’Għawdex ukoll. Tikkumplimenta dan kollu hemm il-proposta ta’ Owen, dik li jinħatar uffiċċjal responsabbli minn Għawdex biex ikun hemm koordinazzjoni b’saħħitha.
L-akbar biċċa xogħol se tkun li nippreparaw il-Partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss
Sfortunatment, ftit li xejn smajt mill-kandidati dwar kif, b’mod sistematiku l-Partit se jressaq lejh nies ta’ talent u b’ideat ġodda. Hemm ħafna mistoqsijiet xi jsiru: għandniex ngħinu l-volontarjat fil-Partit ma’ element ta’ impjiegi fuq bażi reġjonali, x’relevanza għandhom iċ-ċentri lokali, xi rwol għandha l-media soċjali, eċċ.
Scouting u taħriġ
Partit li hu għatxan għall-bidla huwa partit li huwa għatxan għal talent ġdid, nies b’ħiliet differenti li jistgħu jagħtu xi ħaġa ġdida. Id-deputat mexxej irid, flimkien mal-Partit jipprepara t-tim tal-kandidati tal-Partit Laburista f’kull distrett. Partit li jinsab fil-Gvern irid ġeneralment imur għal taħlita ta’ esperjenza u talent ġdid. Ifisser li jkun hemm bżonn Ministri u Deputati li servew f’din il-leġiżlatura li joffru ruħhom li jkomplu max-xogħol u r-riżultati tal-Gvern, u jkun hemm bżonn kandidati ġodda li jagħtu xeħta ġdida lill-Moviment u jdaħħal ideat friski u innovattivi. Id-deputat mexxej irid jassigura li kull kandidat, sew dawk ta’ esperjenza kif ukoll dawk ġodda, jingħata taħriġ professjonali biex jitqiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jekk jingħata l-fiduċja, jirrapreżenta l-elettorat. Din il-ħidma trid issir b’reqqa u b’galbu, għaliex dawn il-persuni se jkunu l-wiċċ tal-partit u tal-moviment. Dwar dan, tkellem Stefan fejn qal li l-Partit għandu jkun il-benniena tal-ideat il-ġodda li fuqhom irridu nfasslu t-triq tagħna għall-futur. Kienet ferm pożittiva wkoll il-proposta ta’ Chris, dik li jkun hemm faċilitajiet ta’ Childcare fiċ-ĊNL biex in-nisa jkollhom opportunitajiet ikbar li jservu fil-politika.
Moviment u partitarji Laburisti
Id-deputat mexxej ġdid se jkollu rwol sensittiv sabiex jgħin lill-partitarji Laburisti jerġgħu jħaddnu l-kunċett ta’ moviment. L-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun elezzjoni importanti ferm, u huwa biss b’konferma tal-elettorat li l-Gvern jista’ jkompli jibni fuq is-suċċessi li laħaq f’dawn l-aħħar tliet snin. Id-deputat mexxej ġdid għandu r-rwol sensittiv li jikkonvinċi lil dawk il-Laburisti urtati għal raġunijiet personali. Irid jindirizza lil dawn in-nies, jismagħhom, u jifhem x’qegħdin jgħidu u għaliex. Fuq dan, tkellmu l-kandidati kollha iżda għoġbuni l-proposti ta’ Chris, dik li jitwaqqaf Legal unit b’avukati biex jgħinu u jagħtu pariri lil nies li sofrew inġustizzja u dawk ta’ Owen, jiġifieri li jagħmel kuntatt personali ma’ kull persuna li għal raġunijiet varji ma baqax membru tal-Partit, u riforma fil-customer care unit tal-Partit fejn in-nies iridu jiġu mwieġba fl-ewwel ħmistax-il ġurnata. Stefan kien iktar ġeneriku u tenna l-ħtiega li l-Partit iżomm kuntatt aqwa man-nies, mal-familji u mas-soċjetà ċivili fit-tifsira l-aktar wiesgħa tagħha.
Iltqajna, iddiskutejna, ikkonsultajna ma’ xulxin. Issa li hemm kandidat rebbieħ, jeħtieġ li lkoll ningħaqdu mal-Mexxej, iż-żewġ deputati tiegħu, u l-amministrazzjoni biex dan jibqa’ l-partit naturali tan-nies. Nawgura lid-Deputat Mexxej ġdid il-ħidma t-tajba. Se jkollu ħafna.
Dr Aaron Farrugia huwa kandidat tal-Partit Laburista