Tintaxxa l-użu u mhux il-proprjetà
Ingranat
F’din l-aħħar ġimgħa, deher xi ftit tibdil fl-aħbarijiet lokali hekk kif il-maġġoranza tan-nies iddejqu sal-ponta ta’ mneħirhom jisimgħu fuq il-Panama Papers u l-attenzjoni donnha qed terġa’ ddur xi ftit fuq it-trasport.
Huwa interessanti kif f’xi mumenti, il-problema tat-traffiku f’Malta tkun meqjusa bħala kritika u allarmanti u mbagħad, donnu nieħdu nagħsa għal xi ftit xhur u kollox jibqa’ kif kien sakemm nerġgħu nistembħu u nerġgħu nibdew neqirdu u nipproponu. Dan iċ-ċiklu ilu għaddej għal iktar minn għaxar snin bis-sitwazzjoni teħżien minn sena għal sena. L-iktar miżura konsistenti mill-awtoritajiet biex jirribattu din il-problema s’issa, hija li tipprova tkisser lis-sidien tal-karozzi b’taxxi, liċenzji u ċitazzjonijiet bit-tama li forsi l-ħaddiem ta’ paga baxxa jikrolla, jaqta’ qalbu u ma jsuqx iżjed. Kif nafu, dan qatt ma sar u b’xi mod jew ieħor, anke jekk imbigħu kilwa, dawk li ma jistgħux jgħaddu mingħajr karozza jaraw kif jgħelbu dawn l-ispejjeż.
F’konferenza dwar it-traffiku, l-ekonomista Marie Briguglio ħeġġet lill-Gvern biex jimponi taxxa fuq l-użu tal-karozzi. Semmiet li bħalissa, l-uniku ħlas fuq l-użu huwa il-konsum tal-fuel, u m’hemmx inċentiv biex bniedem juża l-karozza inqas. S’hemm, nasal li naqbel ma’ Briguglio. F’intervista miegħi minn din il-gazzetta xi ftit tax-xhur ilu, kont spjegajt kif ħafna nies ma jistgħux jgħaddu kompletament mingħajr karozza, però li hu żgur huwa li kważi kulħadd jista’ jnaqqas l-użu tal-karozza xi ftit jew wisq. Meta nħallsu għall-użu u mhux liċenzja fissa kif isir bħalissa fuq il-karozzi, ġeneralment noqogħdu ħafna iktar attenti. Jekk naraw il-konsum tad-dawl u l-ilma jew tal-mobile, nindunaw li noqogħdu ħafna iktar attenti biex nillimitaw l-użu milli kieku nħallsu prezz fiss kull sena, taħli kemm taħli. Tagħmel sens li tmur għax-xogħol bir-rota, bil-mixi jew b’tal-linja u tibgħat lil uliedek bit-trasport tal-iskola meta xorta trid tħallas talli l-karozza qiegħda fil-garaxx jew wara l-bieb? U fuq kollox, għaliex għandna nħallsu għal vettura li qiegħda ġo ħwejjiġna?
Li jinkwetani fuq li qalet Briguglio hu li ma semmietx jekk din it-taxxa fuq l-użu għandhiex tissostitwixxi s-sistema preżenti ta’ liċenzja annwali, jew inkella tiġi miżjuda fuq dak li diġà nħallsu. L-iskop ta’ dan it-tip ta’ intaxxar għandu jkun wieħed li l-maġġoranza tas-sewwieqa jibqgħu jħallsu l-istess ammont li kienu jħallsu qabel. Dawk li joqogħdu iktar bil-għaqal, jiffrankaw, u dawk il-ftit li jużaw il-karozza eċċessivament u iktar mill-medja, iħallsu iżjed. Fi ftit kliem, għandu jkun ippremjat l-għaqal u mhux ikkastigat dak li m’għandux għażla. Jekk l-intaxxar fuq l-użu jiġi miżjud fuq il-liċenzja annwali li diġà nħallsu, inkunu qegħdin ninsew li għal ħafna, il-karozza hija bżonn tal-ħajja daqs il-ħobż u l-ħalib u mhux lussu żejjed. Inkunu qegħdin inkomplu nkabbru d-distakk bejn is-sinjur u l-ħaddiem li bħalissa tant qiegħed jiġi diskuss, u nkunu qegħdin inżidu l-problemi u faqar soċjali waqt li t-toroq isiru proprjetà ta’ min jiflaħ iħallas. Il-bdil fis-sistema tal-intaxxar tal-karozzi naqbel li għandu jsir, però għandu jsir bi skop li tinkoraġġixxi lin-nies biex ma jużawx il-karozza. Dan għandu jsir billi dak li jipprova juża l-karozza inqas, jibda jiffranka u mhux dak li jibqa’ juża l-karozza bl-istess mod iħallas iżjed. Għal ħafna nies, il-karozza hija l-unika għażla. Nemmen ukoll li din is-sistema m’għandhiex tapplika għal vetturi kummerċjali, filwaqt li f’ċertu każijiet ġenwini fejn persuna m’għandiex għażla ħlief li tagħmel ammont ta’ mili, għandu jkun hemm xi tip ta’ sussidju. Hemm diversi metodi kif jista’ jiġi mkejjel u intaxxat l-użu tal-karozzi, però biex nispjegahom, irrid artiklu sħiħ ieħor. Forsi xi darba nikteb fuq hekk.
Proposta oħra li ilha tissemma u għamlet sens hija li ħafna postijiet tax-xogħol jinstallaw doxxa fejn wieħed jista’ jinħasel f’każ li dan jiddeċiedi li jmur ix-xogħol bir-rota u li jkun hemm post allokat fejn jinżammu r-roti waqt il-ħin tax-xogħol. Żgur li din il-proposta mhux se ssolvi l-problemi kollha waħedha, però żgur li tagħmel differenza u hija proposta konkreta u fattibbli. Min hi dik il-persuna li se jagħmel sitt xhur fis-sena b’riħa ta’ għaraq fuqha għal ġurnata sħiħa. Mingħajr dawn il-faċilitajiet, huwa impossibbli li nippruvaw inħeġġu lin-nies jagħmlu użu mir-rota jew jimxu lejn ix-xogħol. Il-Gvern għandu jagħti inċentiv għal proposta bħal din, u jgħin biex mhux biss jikkumbatti t-traffiku iżda jikkumbatti l-problemi kbar ta’ obeżità u saħħa li għandna f’dan il-pajjiż. Fejn jinbnew postijiet tax-xogħol ġodda, dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu obligatorji.
Qegħdin jissemmew ħafna wkoll il-karreġjati għar-roti u l-importanza li jiżdiedu. Fejn hu possibli, naqbel li għandhom isiru l-isforzi kollha biex dawn il-karreġjati jiżdiedu. Għandhom isiru wkoll passaġġi ġo ġonna pubbliċi u fil-kampanja, waqt li jsiru rampi fejn hemm ċertu turġien biex iċ-ċiklisti jkunu jistgħu jqassru triqithom lejn ix-xogħol.
Però donnu kultant jinqalgħu kontroversji li tajjeb li jkunu ċċarati. Tajjeb li ngħarfu d-differenza bejn dak iċ-ċiklist li juża r-rota biex imur mix-xogħol sad-dar u dak iċ-ċiklist li juża r-rota bħala sport professjonali. Ir-rota li tintuża bħala mezz tat-trasport ġeneralment tkun pjuttost robusta, b’roti kemxejn wesgħin u ġieli anke jkollha sistema ta’ molol biex jikkumbattu l-iskossi. Għal roti bħal dawn, ħafna mill-karreġjati tar-roti huma addattati u karreġjati simili għandhom jiżdiedu waqt li ċertu difetti li jeżistu fil-karregjati preżenti jiġu indirizzati. Dawn it-tip ta’ ċiklisti qegħdin jagħtu kontribut kbir fil-ġlieda kontra t-traffiku u t-tniġġis.
Fejn jidħlu roti tal-ġiri, ħafna drabi dawn it-tip ta’ roti jkunu ħafna iktar delikati u ma jifilħux għal ċertu daqqiet u bankini. Nemmen li dawk li jipprattikaw dan l-isport għandu jkollhom post addattat fejn jipprattikaw u nifhem il-frustrazzjoni tagħhom meta ssirilħom il-ħsara fir roti jew iweġġgħu. Mill-banda l-oħra, din il-frustrazzjoni m’għandiex tiġi trasferita fuq is-sewwieqa tal-karozzi. Jekk il-karreġjata tar-roti mhix addattata għaċ-ċiklisti professjonali, mela dik it-triq m’għandiex tintuża għal dan l-isport u mhux jimblukkaw il-karreġjata li jgħaddu minnha l-karozzi biex jagħmlu punt. Dawn it-tip ta’ ċiklisti, għall-oppost taċ-ċiklisti li semmejt qabel, qegħdin ikunu kaġun tat-traffiku. Naf li għandhom dritt jagħmlu dan u mhux qegħdin jiksru l-ebda liġi, però f’gieħ is-sewwa, jagħmel sens li timblokka triq, tipperikola ħajtek u tikkawża konġestjoni fl-agħar ħinijiet biex tipprattika l-isport tiegħek? Mur ġib kieku grupp ta’ żgħażagħ jgħaqdu logħba futbol f’nofs triq arterjali biex jagħmlu punt li m’għandomx grawnd tal-futbol fil-lokalità tagħhom. Mur ġib kieku d-dilettanti tal-karozzi jgħalqu ċertu toroq kull filgħodu fil-ħin tat-traffiku biex jużaw it-triq bħala ċirkwit għax m’għandhomx trakka fejn jiprattikaw.
Bħala proposta, id-deputata Marthese Portelli semmiet ukoll l-idea li t-trasport tal-iskola isir b’xejn għall-iskejjel kollha u mhux għal tal-istat biss. Din il-proposta hemm ħafna xi tgħid fuqha u b’hekk niddiskutuha fl-artiklu ta’ Ingranat li jmiss ġimagħtejn oħra.