Ħu ħsieb ma’ min taħbat
Ingranat
Kull min huwa sid ta’ vettura u jsuq din il-vettura fit-triq, nimmaġina li jaf li parti mill-ispejjeż biex iżżomm vettura fit-triq jinvolvu ħlas għal polza tas-sigurtà. Uħud jafuwha bl-isem Ingliż ‘insurance’ u oħrajn jippronunċjawha bħala ‘inxurjans’. Tista’ ssejħilha li trid, però l-unika mod li tista’ tgħaddi mingħajrha huwa jekk ikollok id-don li tobsor il-futur u tkun tista’ tobsor il-ġurnata preċiża meta se tkun involut f’inċident tat-traffiku. Kull min m’għandux dan id-don, ikollu jħallas għall-assigurazzjoni għal sena sħiħa, sena wara sena, anke jekk qatt ma jaħbat. Minnħabba f’hekk, ħafna ma japprezzawx l-importanza ta’ polza tas-sigurtà.
Ħafna drabi, sakemm bniedem ma jkollux inċidenti, l-unika ħaġa li jqis huwa l-ammont li jħallas kull sena biex iġedded din il-polza, però fil-verità hemm ħafna iktar x’tikkunsidra. Irridu niftakru li l-kumpaniji tal-assikurazzjoni huma bħall-kull negozju ieħor immexxi mill-bnedmin bi skop li jagħmlu l-profitt. Meta l-klijent ikun irid iħallas, ħafna kumpaniji jkunu qishom Santa Kalws b’idejh miftuħin, lest li jgħannaq lil kull min jiġi quddiemu. Meta jkun imiss lill-kumpaniji biex iħallsu, jieħdu forma ta’ ġurdien maqbud f’rokna. Kieku kull klijent jieħu dak li ħaqqu, kieku dawn il-kumpaniji jew ifallu minnufih jew inkella aħna l-klijenti jkollna nħallsu ħafna iktar kull sena. U minħabba f’hekk, ħafna drabi jrid ikun il-klijent li joqgħod attent li jkollu kollox kif suppost u jkollu t-tweġibiet ta’ ċertu mistoqsijiet f’idu.
Eżempju ta’ dawn il-mistoqsijiet huma bħal kemm-il persuna hija koperta li ssuq vettura partikolari? Jekk sewwieq li ma jkunx kopert mill-polza tal-assigurazzjoni jkollu inċident, l-assigurazzjoni tiġi nulla. X’inhi l-età minima ta’ persuna li se ssuq din il-vettura? Li jkollok 18 u jkollok liċenzja tas-sewqan mhux dejjem biżżejjed.
X’inhu l-ammont ta’ ‘excess’ li wieħed irid iħallas f’każ ta’ inċident li jkun tort tiegħu? Jekk tiftaħ ‘claim’ wara li tkun ħbatt u kien tort tiegħek, kemm tgħolhielek kull sena? Niftakar xi snin ilu kelli inċident li kien tort tiegħi. Ma tantx ħadt pjaċir meta sirt naf li l-‘excess’ kien ta’ Lm200 (€466). Kien hemm żmien meta ħafna mill-vetturi tat-trasport pubbliku ma kellhomx għażla ma’ min jassiguraw il-vetturi tagħhom, u f’każ ta’ inċident, l-ewwel €2,300 kien ibatihom is-sid. Dan kien ifisser li għall-maġġoranza tal-inċidenti, sid il-vettura tat-trasport pubbliku kien jaqbillu jħallas l-ispejjeż minn butu u ma jdaħħalx il-kumpanija tal-‘insurance’.
Jekk issiefer bil-karozza barra minn Malta, tkun kopert? Jekk il-kumpanija tal-assigurazzjoni qiegħda toffrilek servizz ta’ ‘breakdown recovery service’ jew kif nafuha l-Maltin, ‘towing’, dan is-servizz huwa estiż għal meta ssiefer barra minn Malta bil-karozza?
Jekk il-karozza tkun assigurata bħala ‘third party, fire and theft’ jew ‘fully insured’, dan xi jfisser? Bejn kumpanija u oħra jista’ jkun hemm il-varjazzjonijiet. Niftakar ftit xhur ilu meta kienet għamlet xita bis-silġ qawwija u ħafna karozzi spiċċaw b’diversi għafiesi fuq is-saqaf u l-bonnet, mhux il-kumpaniji kollha rreaġixxew bl-istess mod. Mistoqsija oħra hija kemm huwa l-valur stmat tal-vettura li qiegħed tħallas fuqha? Iktar ma teqdiem il-karozza, iktar ma jikbru d-diskrepanzi bejn dak li naħsbu li jiswew il-karozzi tagħna u dak li fil-verità jtuk tagħha. L-aħjar mod li tkun taf il-valur huwa li tqabbad ‘surveyor’ biex jistmalek il-karozza. Aħjar targumenta fuq il-valur tal-karozza qabel ma tkun involuta f’inċident, għax wara l-inċident b’li jtuk ikollok tibqa’ u tista’ mhux tilmenta li l-karozza kont traqqadha fis-salott u li kien għad fiha r-riħa ta’ meta ħarġet mix-showroom.
X’inhu l-ammont massimu ta’ passiġġieri li jistgħu jirkbu ġo vettura? Kultant, il-figuri li jkunu mniżżlin fuq il-‘logbook’ maħruġ minn Transport Malta donnhom jaqgħu mis-sema. Mhux l-ewwel darba li rajt żewġ ‘logbooks’ ta’ karozzi identiċi, fejn karozza minnhom kienet imniżżla li tesa’ massimu ta’ erba’ passiġieri u l-oħra tesa’ ħamsa. Jekk in-numru ta’ passiġġieri fil-vettura jkun iktar minn dak imniżżel, f’każ ta’ inċident, speċjalment jekk dawn il-passiġġieri jkunu midruba, jista’ jkun li l-kumpanija tal-assigurazzjoni toqmos xi ftit.
Ħafna mir-risposti ta’ dawn il-mistoqsijiet ma jkunux dejjem faċli biex issibhom u xi kultant issibhom miktubin b’ittri żgħar ħafna fuq xi karta li tkun irċivejt u armejt fiż-żibel minnufih.
Sfortunatament, is-serjetà tal-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek ħafna drabi mhux inti tgawdiha iżda dak il-vittma li taħbat ġo fih u dak il-persuna li tikkawżalu xi ġrieħi. L-iskop tal-assigurazzjoni suppost huwa li l-vittma jiġi kkumpensat b’tali mod li jsib ruħu eżatt bħalma kien qabel l-inċident. La aħjar u lanqas agħar.
Ftit ilu, missieri kien involut f’inċident żgħir tat-traffiku u kien fortunat biżżejjed li l-persuna li daħlet fih kienet assigurata ma’ kumpanija serja. Dawn bla paroli ta’ xejn aċċettaw it-tort, aċċettaw l-ispejjeż kollha biex ix-xogħol isir sew u l-karozza ssewwiet f’qasir żmien. Ingħatat karozza tal-kiri għall-perjodu li għamel mingħajr karozza u prattikament ħajjet missieri baqgħet għaddejja daqslikieku ma ġara xejn. Però, mhux l-istejjer kollha jkollhom tmiem daqshekk ħelu.
Ġieli jkun hemm każi fejn jgħaddu diversi ġranet u anke ġimgħat sakemm jinfetaħ il-‘claim’ u jiġu jaraw il-ħsarat tal-vettura. Wara li jkunu raw il-vettura, ġieli jgħaddu diversi ġimgħat oħra sakemm jiddeċiedu jekk hux se jsewwu l-karozza jew inkella jagħtuk ‘cash settlement’.
Jekk jiddeċiedu li jsewwulek il-karozza, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-kumpanija tal-assigurazzjoni u min se jsewwi fuq ix-xiri tal ‘parts’. Ġieli jkun il-każ li bl-ammont ta’ flus li jkunu qegħdin joffru, ikun impossibbli li tixtri l-‘parts’ u ssewwi kif suppost. Jekk u meta finalment jintlaħaq xi tip ta’ qbil, jista’ jkun hemm diversi ġimgħat oħra sakemm jaslu l-‘parts’ u iktar stennija sakemm minn ser isewwi ikun jista’ jibda. Jista’ jkun li jkollok tfittex u tixtri xi ‘parts’ minn butek biex ix-xogħol isir sew u ma twaqqax il-valur tal-karozza. Jekk il-karozza ma tkunx tista’ ssuqha minħabba l-ħsarat, dan ifisser li jkollok tagħmel ġimgħat u anke xhur sħaħ mingħajr karozza, u finalment joffrulek karozza tal-kiri għal xi tlett ijiem bħallikieku dawk il-keded kollha mhux tort tal-klijent tagħhom ikunu. Jekk il-vettura jkollok bżonnha għax-xogħol, jista’ jkun ifisser li jkollok tikri vettura bi spejjeż tiegħek sakemm jintlaħaq qbil u tmur diversi mijiet u anke eluf ta’ ewro minn taħt.
Jekk il-kumpanija tiddeċiedi li ttik ‘cash settlement’, jista’ jkun li l-prezz li joffru tal-vettura ma jkunx reali għal pajjizna u jkun impossibbli li b’dawk il-flus tixtri vettura bħalma kellek. Jekk il-vettura jkollha valur sentimentali, xorta jkollok tikkuntenta biċ-ċiċri li jkunu tawk u toħroġ il-flus mill-but biex issewiha.
F’ħafna sitwazzjonijiet, bħal dejjem, dak li hu dilettant u jibża’ għall-vettura tiegħu anke meta teqdiem ikun dak li ġeneralment imur minn taħt. U x’inhi l-alternattiva meta jiġru każi hekk? Li tagħmel xi sentejn tiela’ u nieżel il-Qorti, iżżid l-ispejjeż u probabbilment tibqa’ xorta b’xejn. Mill-banda l-oħra, li hu żgur hu li kieku ħadd ma kellu assigurazzjoni inkunu ħafna agħar.