Il-problemi ma ssolvihomx billi titlaq
L-Editorjal tal-ILLUM
L-Unjoni Ewropea, li llum fiha hemm magħqudin 28 pajjiż, mhux ġenna tal-art u lanqas hija blokk politiku tal-perfezzjoni. Bħal kull grupp politiku u ekonomiku ieħor, fiha interessi differenti li kontinwament iġebbdu lejn xawwathom, imma li f’mumenti kruċjali jingħaqdu qaqoċċa għal xulxin.
L-UE, problemi kellha ħafna f’dawn l-aħħar snin, ibda minn dawk ekonomiċi u kompli għal dawk fil-forma ta’ attakki terroristiċi jew theddid ta’ tali attakki, f’diversi bliet ewlenin. Ħadd ma jista’ jinsa t-traġedja li ħallew l-attakki kodardi f’Pariġi, f’Novembru tas-sena l-oħra u dawk aktar riċenti fi Brussell. Ħadd ma jista’ jinsa anqas it-terrur li dawn l-attakki ħallew fost popli li ma kienu ħatjin ta’ xejn ħlief li kienu qed jgħixu ħajjithom mingħajr ma jdejqu lil ħadd.
Ftit jistgħu jinsew li eluf kbar, b’mod speċjali ħaddiema, għaddew minn martirju f’dawn l-aħħar snin hekk kif l-ekonomija ta’ pajjiżhom kienet resqet sew lejn il-preċipizju. Dawn l-aħħar snin ma kinux pjaċevoli għall-Ispanjoli, iċ-Ċiprijotti, l-Portugiżi u b’mod speċjali għall-Griegi, hekk kif raw l-istil ta’ ħajja tagħhom titnaqqar waħda sew, il-prospetti ta’ xogħol jiżvintaw u r-realtà tal-faqar tikber.
Għalhekk nistgħu ngħidu li l-Unjoni Ewropea mhix għaddejja mis-snin tal-glorja tagħha bħalissa. Nistgħu ngħidu li dan il-blokk huwa xi ftit jew wisq marid. Imma, min-naħa l-oħra, din il-gazzetta ma temminx li l-kura għall-marda hija li pajjiż jabbanduna l-missjoni li għaliha l-Unjoni Ewropea kienet imwaqqfa. Anzi, f’mumenti bħal dawn, il-pajjiżi kollha Malta inkluża għandha tara li dik il-missjoni tkun rijinvigorata u msaħħa.
L-UE teħtieġ l-ewwel u qabel kollox tkun magħquda, mhux mifruda quddiem it-terroriżmu, quddiem għadu estrem li jħossu omnipotenti però li, fil-veritaà qed jitlef dejjem aktar minn dak li rebaħ. Li pajjiż bħar-Renju Unit jitlaq mill-UE la se jwaqqaf u lanqas se jbeżża’ lit-terrorist li jrid jitfa’ ż-żerriegħa tal-mibgħeda, milli jidħol f’pajjiż jew jibqa’ f’pajjiż li qiegħed fih u hemmhekk ixerred id-demm tal-innoċneti. Anzi, Brexit ikun biss affermazzjoni ta’ dgħufija, ta’ biża’ u daqq tal-irtirata.
L-UE jeħtieġ tieħu kull miżura li taċċerta s-sigurtà ta’ kull pajjiż imma jeħtieġ ukoll li tkun iebsa, mhux biss fil-kliem iżda anke fil-qawwa tar-rispons tagħha għat-terroriżmu. Jekk mhux se tagħmel dan u tidher li tagħmel dan, se tibqa’ tħalli l-bibien miftuħin għal gruppi politiċi li dejjem qed jikbru u li jirkbu fuq sentimenti estremi xenofobiċi, perikolużi. L-UE jeħtieġ tifhem sew li jekk mhux se tiġġieled dan is-sentiment li jġib miegħu biss politika ta’ apartheid, se tkun qiegħda tħalli dan il-mostru jkompli jikber.
Eluf ta’ Maltin marru r-Renju Unit, speċjalment fil-kapitali Londra. Dawk li ndenjaw ruħhom jiskopru ftit iktar mill-għatba tal-ħanut tal-ħwejjeġ f’Oxford Street, malajr jintebħu li l-ġmiel ta’ Londra ma jinsabx fuq it-tabella tal-prezz, iżda fil-mijiet ta’ kilometri ta’ toroq li fihom jinġabru l-eluf kuljum. Eluf li jiċċelebraw il-ġmiel tal-kulturi differenti, ikel, mużika, ornamenti, ħwejjeġ u użanzi diversi fi ftit spazju, 24 siegħa kuljum. U għalkemm it-tendenza, anke tal-media hija li nħarsu lejn l-estremist u n-negattiv, fil-verità r-Renju Unit ilu jiċċelebra, fis-silenzju d-diversità għal bosta snin. Tkun daqqa ta’ ħarta jekk minflok jiċċelebra d-diversità fi ħdanu, r-Renju Unit jibni l-ħitna tal-iżolament.
Iva, problemi hemm. Iva, soluzzjonijiet jeħtieġ jinstabu u iva jeżisti kurrent qawwi ta’ nies mhux biss fir-Renju Unit imma fl-Ewropa li jinsab beżgħan minħabba l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Imma jibqa’ kważi fatt li Brexit jew le, il-plumber, il-maniġer jew ix-xufier mill-Polonja jew l-Italja hemm se jibqa’. Se jibqa’ jaħdem jew ifittex ix-xogħol. In-nies li fil-moħbi, mhux biss fir-Renju Unit imma madwar l-Ewropa kollha li qed ikunu radikalizzati għax iħossu li dan huwa l-aħjar metodu biex ma jibqgħux fil-periferija tas-soċjetà, hemm se jibqgħu wkoll. In-nies li waqgħu lura mhux se jsiru sinjuri u dawk li jixtiequ jmorru r-Renju Unit mhux se jaqtgħu qalbhom.
Għalhekk nemmnu li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jista’ jissodisfa lill-partiti bħal United Kingdom Independence Party (UKIP) għal ftit. Iżda, wara dak is-sodisfazzjon ta’ ftit mumenti, jiġi l-vojt. Vojt li l-Kap tal-UKIP stess Nigel Farage ma jafx kif se jimla.
Din il-gazzetta temmen li għall-ġid tar-Renju Unit, għall-ġid ta’ Malta u għall-ġid tal-Unjoni Ewropea kollha l-ġlieda għandha ssir minn ġewwa mhux minn barra. Għalhekk ‘united we stand but divided we fall’.