(Il-)leġittimità demokratika

minn Joe Ellis

'Għaddew is-snin u għadna ma nafux x’fih il-ftehim ma’ Shanghai Electric jew ma' Electrogas'
'Għaddew is-snin u għadna ma nafux x’fih il-ftehim ma’ Shanghai Electric jew ma' Electrogas'

Ftit jiem ilu ċċelebrajna s-Sette Giugno. Għalkemm kulħadd jaf is-sinnifikat ta’ dan il-jum, ma nagħmlux ħażin li nirriflettu ftit dwaru. Kien eżatt wara t-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija u l-infieq tal-militar Brittaniku fit-tarznari Maltin beda jonqos. Kien hawn l-għaks u l-ġuħ. Fl-istess ħin, il-borgeżija Maltija kienet qed tiltaqa’ f’Assemblea Nazzjonali sabiex tagħmel sejħa ġdida għal gvern responsabbli Malti. Meta l-Maltin ippreferew il-protezzjoni tas-sovran Brittaniku minn dak Naplitan, kien mingħalihom li l-gvern Brittaniku kien se jagħtihom l-awtonomija biex imexxu l-affarijiet tagħhom kif jixtiequ huma waqt li jieħu ħsieb id-difiża tal-gżejjer. Imma l-Brittaniċi ma żammewx l-impenn tagħhom. Anzi, waħda mill-ewwel affarijiet li kien għamel il-gvernatur Thomas Maitland fl-1814, li kien imlaqqam King Tom minħabba l-istil awtoritarju tiegħu, kien li jabolixxi l-università taż-żewġ gzejjer li kienu forma ta’ gvern muniċipali li kienu jieħdu ħsieb l-importazzjoni tal-qmuħ minn Sqallija. Ħaġa li l-Kavallieri qatt ma ażżardaw li jagħmlu.

Għal aktar minn mitt sena, il-Maltin tħabtu sabiex jakkwistaw dak li lilhom kien imwiegħed. Imma l-gvern kolonjali dejjem kaxkar siequ. Fl-istess ħin, il-gvern kolonjali kien ferm pragmatiku: ma ndaħalx fl-affarijiet tal-Knisja u kien jappunta Maltin fl-amministrazzjoni kolonjali fosthom Sir Adrian Dingli li kien de facto gvernatur ta’ Malta għal ħafna snin. Anke l-kodiċi prinċipali tal-liġijiet li daħlu fis-seħħ fis-seklu dsatax kienu fuq il-mudell kontinentali u ma sar l-ebda attentat sabiex nadottaw il-common law Brittanika. Madankollu, il-Maltin dejjem baqgħu mxenqin li jiggvernaw rwieħhom u dan kien li qanqal id-dimostrazzjonijiet tas-Sette Giugno.

Wara l-ewwel gvern awtonomu tal-1921, il-gvern kolonjali kemm-il darba rtira l-Kostituzzjoni.  Jgħaddu ftit snin u kienet tfaqqas kostituzzjoni ġdida b’aktar jew anqas drittijiet għall-Maltin sakemm fl-1964, ħadna l-Indipendenza. Meta ħadna l-Indipendenza, bosta kienu dawk li beżgħu li Malta ma jirnexxielhiex toqgħod bilwieqfa.  Kien hemm anke min beża’ li Malta sejra ssir Kuba fil-Mediterran. U verament l-isfidi ekonomiċi kienu kbar, imma bil-mod il-mod, dan il-pajjiż rebaħ dawn l-isfidi u minn pajjiż li minnu kienu jemigraw l-eluf, spiċċajna b’eluf jiġu jaħdmu fostna. Fejn qabel konna nseftru lill-barranin, illum jekk tmur tieħu kafè xi mkien, x’aktarx li mhux ser jifmhuk jekk titkellem bil-Malti.

Meta ridna niddeċiedu jekk nidħlux fl-Unjoni Ewropea, kien hemm ukoll bosta li kienu kontra għaliex ma ridux li pajjiżna jitlef is-sovranità li kien akkwista erbgħin sena qabel. Ir-realtà ġeopolitika hija tali li anke kieku ma dħalniex fl-UE, xorta kien ikollna nadottaw ħafna mil-liġijiet Ewropej sabiex ikollna aċċess għas-suq waħdieni. In-Norveġja, li ħafna minn dawk li huma favur il-Brexit iqisuha bħala l-mudell jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-UE, timplimenta xi 75% tal-liġijiet tal-UE minkejja li mhijiex formalment koinvolta fl-abbozzar tagħhom. U minflok ma tirċievi fondi strutturali, ikollha tħallas ħalli jkollha aċċess għas-suq waħdieni. Trid ukoll tippermetti l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema mill-UE. F’kelma waħda, jekk l-UE se ddaħħal lis-Serbja jew it-Turkija bħala membri fil-futur, in-Norveġja ma jkollhiex dritt li tgħid le imma trid tħalli lis-Serbi jew lit-Torok jaħdmu f’pajjiżha.  

Imma llum ma rridx nikteb fuq il-ġennata ta’ min irid jitlaq l-UE. Huwa ovvju llum li s-sovranità trid tinqasam bejn pajjiżi differenti. L-ebda pajjiż ma jista’ jagħmel li jrid. Jekk id-dinja qiegħda taffaċja problema tal-bidla tal-klima, din hija sfida li teħtieġ risposta komuni. U l-istess jingħad fir-rigward ta’ ħafna materji oħra. L-UE hija attentat kif pajjiżi ġirien jilqgħu għal dawn l-isfidi komuni mingħajr ir-rivalità traġika tal-passat. Perfetta mhijiex imma kieku ma teżistix, irridu nivvintawha.

L-UE tfisser ukoll twemmin fil-prinċipju tas-sussidjarjetà: dak li jista’ jiġi deċiż f’livell nazzjonali, għandu hemmhekk jiġi deċiż. Kuntrarjament għal dak li jaħsbu bosta, il-gvernijiet nazzjonali għandhom l-attitudini wiesgħa kif jaġixxu - dejjem sakemm josservaw ir-Regolamenti u d-Direttivi li l-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew ikunu adottaw. U dawn il-gvernijiet iridu jsegwu r-regoli demokratiċi ta’ rispett tas-sovranità tal-poplu għax inkella, il-pajjiż ma jkunx jista’ jibqa’ membru tal-UE.

Il-fatt li pajjiżna huwa membru tal-UE ma jfissirx li d-demokrazija hija awtomatika u nistgħu nserrħu rasna. Tkellimna ftit ilu dwar il-fraġilità tad-demokrazija. U mhux f’Malta biss: din il-ġimgħa deputata żagħżugħa, kariżmatika u promettenti Ingliża nqatlet kiesaħ u biered minn neo-nażista li ma qabilx mal-veduti tagħha favur l-immigranti u kontra l-Brexit. Assistejna wkoll dan l-aħħar għall-marċa trijonfali ta’ Donald Trump li minkejja li qal dak kollu li huwa politikament skorrett, ħa jkun il-kandidat Repubblikan għall-aktar pultruna f’saħħitha fid-dinja demokratika.  

Aħseb u ara kemm hi fraġli d-demokrazija f’pajjiżna fejn il-Gvern jokkupa pożizzjoni daqshekk ċentrali u fejn jeżisti element ta’ biża’ li min ma jkantax mill-ktieb tal-innijiet, jisfa’ b’xi mod ivvittimizzat. Ħafna huma dawk li joqogħdu lura u jagħlqu ħalqhom. U mhux ta’ b’xejn li bosta huma dawk li ma jidentifikawx ruħhom meta jikkummentaw online.

Huwa tassew inkredibbli li Gvern Laburista qed iżarma l-kisbiet li Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff kien wettaq fil-qasam tas-saħħa u l-enerġija

Gvern verament demokratiku ma jisfruttax dawn il-biżgħat imma jseddaq il-mekkaniżmi ta’ djalogu u jaġixxi b’mod trasparenti u miftuħ.  Il-gvern preżenti qed ifalli bl-ikrah minn dan il-lat. Huwa tassew inkredibbli li Gvern Laburista qed iżarma l-kisbiet li Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff kien wettaq fil-qasam tas-saħħa u l-enerġija. Wieħed kien jistenna li Gvern Laburista jkompli jibni fuq tali wirt storiku imma minflok, mingħajr l-ebda mandat elettorali, qed ibigħ jew jipprivatizza assi importanti u strateġiċi fl-oqsma tas-saħħa u l-enerġija. Wieħed mhuwiex kontra tali passi a priori imma assolutament mhux aċċettabbli li Gvern bla mandat elettorali fir-rigward jisfrutta l-maġġoranza Parlamentari tiegħu u lanqas jindenja jinforma lill-Parlament x’beħsiebu jagħmel.

Għaddew is-snin u għadna ma nafux x’fih il-ftehim ma’ Shanghai Electric jew ma Electrogas. Wieħed jaċċetta li dettalji strettament kummerċjali ma jsirux magħrufin mill-pubbliku imma li l-ftehim kollu jibqa’ mistur huwa assolutament mhux aċċettabbli. Imbagħad jum minnhom niġu rinfaċċjati b’aħbar li l-Gvern ħareġ garanzija ta’ € 360 miljun sabiex il-privat jibni power station meta għadna ma nafux kif se jiġi ffissat il-prezz tad-dawl u tal-gass li ser ibigħ lil Enemalta u lanqas nafu x’ser isir mid-dawl li tipproduċi u li ma jintużax mill-Enemalta. Nisimgħu wkoll f’ġurnal li ħabta u sabta, l-Enemalta reġgħet ħadet f’idejha t-tmexxija tal-eks-BWSC u r-raġuni għala ħadd ma jaf. U r-reazzjoni tal-Gvern hija silenzju totali għaliex iċ-ċittadin mhuwiex intitolat ikun jaf x’inhu għaddej. Dawn ċertament mhumiex affarijiet normali f’pajjiż demokratiku.

L-istess qed jiġri fil-qasam tas-saħħa. Mingħajr l-ebda dibattitu jekk għandniex nipprivatizzaw il-faċilitajiet sanitarji tagħna minkejja l-livell eċċellenti tal-isptarijiet Maltin, ittieħdet deċiżjoni li ssir sejħa għall-espressjoni ta’ interess. Intgħażlet kumpanija li ftit li xejn nafu dwarha u li mid-dehra ma għandha l-ebda esperjenza fit-tmexxija ta’ sptarijiet. Il-poplu ma jaf xejn kif din il-kumpanija se titħallas għas-servizzi li ser tagħti imma bl-aktar mod insolenti, din il-ġimgħa, rappreżentant ta’ din id-ditta kellu laqgħat  mal-ħaddiema tal-isptarijiet biex jgħidilhom li din id-ditta ser tieħu t-tmexxija f’idejha fil-jiem li ġejjin u li kollox se jibqa’ kif inhu. Jekk kollox se jibqa’ kif inhu, wieħed jistaqsi allura għala qed issir din il-bidla.   

Wieħed kien jistenna li l-ħaddiema tal-isptarijiet ikunu indirizzati minn rappreżentant tal-Gvern, mhux minn tad-ditta privata, x’ser isir fir-rigward tal-post tax-xogħol tagħhom.  Imma din hi deċiżjoni li tolqot lil kull ċittadin, mhux biss min jaħdem fl-isptarijiet. Iċ-ċittadin għandu ċertament dritt ikun jaf kif ser jiġi ffissat il-ħlas lil din il-kumpanija għas-servizzi li ser tagħti fit-tletin sena li mid-dehra ser tmexxi dawn l-isptarijiet. Għandu dritt ikun jevalwa jekk, sabiex nevitaw spiża kapitali fil-preżent, aħniex sejrin nitgħabbew bi spiża rikorrenti li tista’ tkun insopportabbli fil-futur.  

In-nuqqas ta’ leġittimità demokratika ta’ dawn id-deċiżjonijiet jinħassu aktar fil-każ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li qed jagħti servizz ferm tajjeb lill-komunità Għawdxija kif ukoll lil bosta Maltin u turisti. Dan l-isptar minn Marzu 2013, u mill-ġdid mingħajr mandat elettorali, ma baqax jaqa’ fid-dekasteru tal-ministeru t’Għawdex. Mhuwiex magħruf jekk il-privatizzazzjoni tat-tmexxija tiegħu ġietx diskussa fil-kabinett u x’posizzjoni ħa l-ministru t’Għawdex. Lanqas mhu magħruf jekk din id-deċiżjoni ġietx diskussa fil-grupp Parlamentari Laburista u x’posizzjoni ħadu d-deputati Għawdxin. Li hu magħruf hu li din id-deċiżjoni qatt ma ġiet diskussa fil-Parlament mir-rappreżentanti li l-poplu eleġġa demokratikament.

Li deċiżjonijiet ta’ din il-portata jittieħdu mingħajr l-ebda skrutinju demokratiku huwa tassew inkredibbli. Aħna membri tal-UE imma mbagħad jittieħdu deċiżjonijiet daqshekk importanti mingħajr mal-poplu jaf il-kif u l-għala kellhom jittieħdu fl-ewwel lok. Min m’għandhux il-paċenzja li jispjega lill-poplu għala jkollhom jittieħdu ċerta deċiżjonijiet qed jittradixxi l-mandat demokratiku li ngħatalu u ma jixraqlux li dan il-mandat jiġġedidlu. 

Xi kultant tassew inħossni li fl-epoka kolonjali, il-Maltin u l-Għawdxin aktar kellhom kontroll fuq id-destin tagħhom milli llum meta suppost neleġġu gvern demokratiku kull ħames snin, gvern li malli jieħu l-poter mill-ewwel jinsa l-manifest elettorali u jfittex li jagħmel dak li jfettillu.

More in Blogs