Futur għal Għawdex huwa futur għal Malta

minn Ryan Mercieca

L-ambjent ma jevokax biss dimensjoni fiżika, iżda wkoll l-għajxien, l-istruttura kumplessa ta’ twemmin, relazzjonijiet, it-tradizzjonijiet u l-valuri
L-ambjent ma jevokax biss dimensjoni fiżika, iżda wkoll l-għajxien, l-istruttura kumplessa ta’ twemmin, relazzjonijiet, it-tradizzjonijiet u l-valuri

Id-deċiżjoni tiegħi li ninvolvi ruħi fl-arena politika hija biex noħloq u nibni politika li tirrifletti l-ħtiġijiet taċ-ċittadini li aħna l-politikanti li qed naspiraw li ningħataw il-fiduċja biex nirrappreżentaw u nieħdu d-deċiżjonijiet għall-ġid komuni. B’dan il-għan f’moħħi, kif ukoll l-iżvilupp tal-futur ta’ Għawdex, aktar minn sena ilu nedejt is-sit: www.myideaforgozo.com, pjattaforma onlajn miftuħa bil-għan li ninkoraġġixxi lin-nies biex iressqu l-ideat u l-prospetti għall-gżira ta’ Għawdex.

Matul l-aħħar sena aktar minn 800 idea u proposta għall-futur ta’ Għawdex ġew ippreżentati f’dan il-portal. Dawn il-proposti jkopru s-setturi kollha u l-aspetti varji tal-ħajja Għawdxija u Għawdex. Dawn l-ideat juru li l-potenzjal ta’ Għawdex huwa reali u li huwa vitali li l-futur ta’ din il-parti tal-pajjiż huwa mibni fuq viżjoni fit-tul u pjan ħolistiku. L-ideat u l-proposti għandhom jiġu maqsuma f’numru ta’ setturi, li jiġu diskussi fix-xhur li ġejjin fid-dawl ta’ viżjoni li jinkludi kollox għar-reġjun ta’ Għawdex .

Ir-riżultat pożittiv ta’ din l-inizjattiva qed jintwera mill-ħtieġa li qed tittrawwem fost l-Għawdxin biex tingħata aktar attenzjoni għall-gżira tagħna…sentiment illi taħt dan il-gvern ilu jiġi espress bil-paroli imma mhux bil-fatti. Minn issa ħa naħdem bi sħiħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista sabiex inkunu nistgħu noħolqu politika meqjusa fuq dak li vera jridu n-nies. Inħares ’il quddiem lejn il-manifest tal-Partit Nazzjonalista biex ikollu l-lok li jindirizza dan kollu bil-fatti.

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li Għawdex huwa ċentru ieħor ta’ ħajja nazzjonali f’dan il-pajjiż u mhux biss distrett periferali ieħor; fi kliem sempliċi dan huwa reġjun distint f’arċipelagu li huwa kulturalment rikk fid-diversità. Għawdex mhux biss huwa wieħed mit-tlettax-il distrett elettorali iżda waħda miż-żewġ gżejjer abitati fl-arċipelagu Malti. Għawdex u l-Għawdxin jistennew u jistħoqqilhom parità fl-istandards ta’ għajxien u din mhix biss kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali imma wkoll sine qua non għall-kisba ta’ żvilupp nazzjonali. Dak li hu dritt għal Għawdex għandu jkun kwistjoni ta’ interess nazzjonali u mhux biss ta’ dħul fil-manifest elettorali kull ħames snin.

Għawdex u l- Għawdxin jistennew u jistħoqqilhom parità fl-istandards ta ‘ għajxien u din mhix biss kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali imma wkoll għall-kisba ta ‘ żvilupp nazzjonali

Għawdex u Malta għandhom relazzjoni bi-polari u l-interazzjoni bejn żewġ xenarji kontendenti tista’ tippromwovi s-saħħa psikoloġika u l-ġid ta’ pajjiż . 

Għawdex mhux ballun politiku. Ejja nibnu futur flimkien b’ideat innovattivi,  ideat li jixirqu lil Għawdex u li jibnu futur sostenibbli għas-soċjetà Għawdxija u li tpoġġi lil Għawdex bħala assi għal dan il-pajjiż. Investiment f’Għawdex huwa investiment f’Malta. Futur għal Għawdex huwa futur għal Malta.

Għawdex huwa niċċa ekoloġika kulturali. Inċidentalment, l-ambjent ma jevokax biss dimensjoni fiżika, iżda wkoll l-għajxien, l-istruttura kumplessa ta’ twemmin, relazzjonijiet, it-tradizzjonijiet u l-valuri . 

Issa, dawn jistgħu jiġu mmanuvrati mill-użu tal-immaġinazzjoni u l- implimentazzjoni ta’ politiki orjentati b’miri speċifiċi u sostnuti bi pjan fit-tul u b’viżjoni li tkun komplimentari għal dik tal-pajjiż, li jkollha lil Għawdex bħala ċentru ta’ eċċellenza f’numru ta’ setturi li Malta għadha trid tiżviluppa.

L-ewwel investiment li għandu jsir għandu jkun fil-ħsieb. Irid ikollna mentalità ta’ innovazzjoni, kreattività u r-riċerka, li dawn għandhom ikunu n-norma tal-ġurnata f’pajjiżna b’mod speċjali għall-Għawdxin. Għandna bżonn li ninnovaw il-ħsieb tagħna, b’mod speċjali dak politiku u s-sistema politika u jrawmu t-tmexxija u l-ambizzjoni. 

Madankollu, għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-aspirazzjonijiet hu neċessarju li l-Ministeru għal Għawdex jiffunzjona bis-sħiħ u l-Kunsill Reġjonali ikun imwaqqaf għall-ġid tal-gżira Għawdxija.

More in Blogs