Trasport b’xejn għal kulħadd?
Minn Andrew Pisani
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-membru Parlamentari Marthese Portelli ħarġet b’lista ta’ proposti bl-iskop li b’xi mod jonqos it-traffiku. L-iktar proposta li għamlet ħoss u li wieħed ta’ min jaħseb ftit fuqha kienet dik relatata mat-trasport tal-iskola.
F’din il-proposta, ġie issuġġerit li t-trasport tal-iskola għandu jkun b’xejn għat-tfal kollha, u mhux għal dawk li jmorru fl-iskejjel tal-istat biss. Jien ninsab ftit indeċiż fuq kif naħsibha dwar din il-proposta.
Fejn jidħlu skejjel tal-knisja, nemmen li llum il-ġurnata, żgur li wieħed ma jistax isejħilhom skejjel elitisti, u kull sena jkun hemm numru mhux ħażin ta’ studenti bi problemi soċjali u finanzjarji. Li tmur skola tal-knisja mhuwiex każ li jkollok il-flus, iżda każ ta’ polza u fejn ċertu tfal żvantaġġjati jingħataw preferenza. B’hekk, awtomatikament, nifhimha li bħalma l-Gvern iħallas għall-għalliema u impjegati oħra ta’ dawn l-iskejjel, għandu jħallas ukoll għat-trasport tat-tfal.
Fejn jidħlu skejjel indipendenti, is-sitwazzjoni mhix daqshekk ċara u ninsab xi ftit indeċiż. Minn banda, nifhimha li l-ġenituri ta’ dawn it-tfal kellhom l-għażla li mhux biss ikollhom it-trasport b’xejn iżda pakkett komplut li jinkorpora edukazzjoni b’xejn ukoll, u dawn minn jeddhom irriffjutawha. Biex nagħmel paragun, jekk jien nimrad, naf li jien intitolat għas-saħħa b’xejn u f’każ ta’ emerġenza, naf li l-ambulanza se teħodni l-isptar Mater Dei b’xejn. Però immaġinaw li kieku jkolli bżonn ambulanza, u meta tiġi għalija, ngħidilhom biex jeħduni fi sptar privat minflok teħodni Mater Dei u nippretendi li jeħduni b’xejn. Ladarba rrifjutajt is-servizz tas-saħħa b’xejn, irrid inkun lest biex inħallas għal kull tip ta’ servizz li nirċievi ġewwa sptar privat. Bl-istess raġunament, ikunu ħafna li jgħidu, “jekk inti komdu li tirrifjuta edukazzjoni b’xejn, kif tippretendi li jkollok it-trasport lejn l-iskola b’xejn?”
Mill-banda l-oħra, nafu li jekk il-Gvern mhux ser jagħmel dan il-pass, l-affarijiet mhux se jinbidlu. Kif qalet ukoll id-deputata Portelli, il-ġenituri ta’ dawn it-tfal iħallsu t-taxxi bħal ħaddieħor, filwaqt li qegħdin inaqsqu n-nefqa tal-Gvern fuq l-edukazzjoni billi jħallsu għaliha minn buthom.
Ħafna mill-ġenituri li jibgħatu lit-tfal tagħhom fi skejjel indipendenti jagħmlu dan għax jemmnu li huwa għal ġid ta’ wliedhom u wħud lesti li jissallbu u jiddejnu għal edukazzjoni li huma jikkunsidraw bħala superjuri. It-trasport lejn u mill-iskola mhux parti mill-edukazzjoni, u għal ħafna jekk jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż tat-trasport jew iktar preċiżament, mingħalihom li jiffrankaw, dawn ikunu lesti li jwassluhom huma. Xi wħud minn dawk li ma jifilħux iħallsu għat-trasport, ma jammettux ma’ ġenituri oħrajn li ma jużawx it-trasport tal-iskola għal raġunijiet finanzjarji u jġibu skużi li x-xufier ħamallu u jsuq ħafna, li jiġi kmieni jew li l-vettura mhix sikura. Mhux qed ngħid li dawn l-istejjer qatt ma jkunu veritieri però, kultant ikunu skużi komdi biex ma nammettux li nsibuha iebsa biex inħallsu l-miżati. Dawn l-istejjer ikissru reputazzjoni ta’ ħafna xufiera li jagħmlu xogħolhom sew u jaqtgħu qalb ġenituri oħrajn li forsi kienu se jikkunsidraw jużaw it-trasport.
Sitwazzjoni simili kienet dik taċ-childcare. Meta ċ-childcare kien bi ħlas, kien hemm ħafna min kien imaqdar dan is-servizz u jġib elf skuża għaliex jippreferu jħallu t-tfal man-nanniet. Meta ċ-child care sar bla ħlas, f’daqqa waħda, iċ-childcare sar tajjeb u l-aħjar ħaġa għal uliedna u dawn il-postijiet faru bit-tfal. Forsi jekk it-trasport tal-iskejjel jiġi b’xejn, jiġri l-istess u jispiċċaw ħafna minn dawn il-qlajjiet u skużi u iktar tfal jibdew jużaw is-servizz.
Problema oħra li tiġi solvuta bi trasport b’xejn hija t-tul tar-rotot. Meta l-ġenituri jħallsu għat-trasport, xi wħud minnhom jippretendu li jekk hu possibbli, ix-xufier jiġi jerfa’ lil uliedhom mis-sodda u jpoġġihom fuq is-sit tal-vann. Meta ċertu toroq ikunu ‘one way’ jew dojoq wisq biex wieħed idawwar lura, jippreferu li x-xufier idur dawra u jtawwal ir-rotta b’ħames minuti milli wliedhom jimxu tefgħa ta’ ġebla bogħod, anke jekk ikunu fl-età tas-sekondarja. Jekk ir-rotta titwal bi ftit minuti għal kull tifel, jista’ jkun hemm żieda ta’ iktar minn għoxrin minuta f’kull vjaġġ u żieda ta’ tgergir mill-ġenituri. Meta xufier jilmenta ma’ xi ġenituri biex uliedhom jimxu erba’ passi, ir-risposta pronta dejjem tkun, ‘Għax aħna għalhekk qegħdin inħallsu.’ Trasport b’xejn ikun ifisser li t-tfal jinġabru mill-eqreb ‘main road’ u jinqata’ ħafna tidwir żejjed, fsied, traffiku, tniġġis u tpaqpieq ta’ ħornijiet meta t-tfal ma jkunux lesti. Is-servizz isir ugwali bħal dak tat-tfal li jattendu skejjel tal-istat. It-tfal li jattendu skejjel tal-istat dejjem waslu l-iskola u lura lejn id-dar qawwijin u sħaħ f’dawn l-aħħar 30 sena u skejjel tal-knisja u indipendenti m’għandhomx ikunu differenti.
Trasport b’xejn ikun ifisser ukoll li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinforzaw il-liġi iktar f’toroq fejn hemm skejjel tal-Knsija jew indipendenti u ma jħallux iżjed ġenituri jgħaddu minn dawn it-toroq f’ċertu ħinijiet. Jekk din il-liġi qiegħda hemm biex tħares lit-tfal, it-tfal kollha għandhom ikunu sikuri u mhux tal-istat biss. Forsi bħalissa, l-awtoritajiet jibżgħu li jekk jinforzaw din il-liġi bħalma tkun inforzata f’toroq fejn hemm skejjel tal-istat, ikun hemm ċertu ġenituri li jiġu darhom mal-ħajt u ma jkollhom l-ebda alternattiva biex iwasslu lil uliedhom. F’każ ta’ trasport b’xejn għal kulħadd, ma jkunx hemm din il-problema. Tista’ jew tibgħat lil uliedek bi trasport b’xejn, jew inkella tipprepara biex tipparkja xi erba’ toroq ’il bogħod u twassal lil uliedek bil-pass.
Rigward superviżjoni fil-minibuses li donnu kien ilment li semmew diversi ġenituri, insibha diffiċli biex nifhem kif l-għalliema u LSAs li jaħdmu fl-iskejjel ma jingħatawx l-opportunità li jirkbu mat-tfal fil-minibuses. Li jkollok trasport lejn u mill-iskola b’xejn huwa vantaġġ waħdu, però jekk dan mhux biżżejjed biex iħajjarhom, forsi jingħataw xi kumpens żgħir kuljum għax-xogħol u responsabbiltà ta’ superviżjoni li jkunu qegħdin jagħmlu.
Li ma semmietx Marthese Portelli huwa kif dan il-pjan ser jiġi implimentat. Jista’ jkun li t-tfal jingħataw ammont ta’ kreditu kull sena biex jużaw il-karozza tal-linja. Din tista’ twassal f’iktar staġnar u dewmien fil-karozzi tal-linja li diġà jkunu mimlijin f’dawk il-ħinijiet. Jekk xi tfal jaslu tard l-iskola, ikun iktar faċli għalihom iwaħħlu f’tal-linja. Jista’ jkun li l-gvern iħallas lil ġenituri direttament għall-ispejjeż tat-trasport tal-iskola, però din l-alternattiva xorta tagħti ċertu poter lill-ġenituri li jiddettaw lix-xufier minn fejn jgħaddi u fix-ħin apparti li jkun hemm lok ta’ abbuż. L-aħjar metodu fl-opinjoni tiegħi huwa li s-sezzjoni li tieħu ħsieb it-trasport tal-iskejjel tal-istat, tiegħu taħt idejha it-trasport tal-iskejjel tal-knisja u indipendenti wkoll u taħdem fil-viċin mal-amministraturi ta’ dawn l-iskejjel.
Li kieku din il-proposta kienet akkumpanjata ma’ xi tip ta’ riċerka ta’ kemm tiġi tiswa u kif tkun implimentata, forsi kienet tittieħed b’iktar serjetà. Żgur li mhix proposta li għandha tintrema fiż-żibel. Nistennew u naraw.