Toqtlunix, imma tużawnix lanqas

L-Editorjal tal-ILLUM

Matul dawn l-aħħar ġimgħat qamet il-kwistjoni tal-morning after pill u bħal  kull kwistjoni oħra ġabet magħha riefnu ta’ argumenti emottivi. Mill-ewwel qamu argumenti dwar l-abort u l-importanza tal-ħajja u magħha wkoll diskussjoni dwar meta tibda l-ħajja.

Dan il-pajjiż għadu fil-maġġoranza tiegħu jirrispetta u jivvaluta l-ħajja umana, mill-bidu sal-aħħar. Dan huwa, bla ebda dubju valur li mhux biss għożżejna imma li għandna nibqgħu ngħożżu fiż-żmien li ġej u kontra kull forma ta’ kurrent, għax jiddistingwina minn ħaddieħor. L-argument li għax xi ħaġa hija prattikata “kważi kullimkien” ma jagħmilx dik l-istess prattika waħda tajba. L-ebda ħajja mhi għar-rimi, la l-ħajja ta’ persuna li tgħix fostna u lanqas dik li għadha fil-ġuf.

Naturalment l-abort iqajjem ħafna dilemmi u mistoqsijiet. Iqajjem ukoll ħafna emozzjoni u uġigħ. Li hu żgur huwa li nagħmlu disservizz kbir meta l-abort niddiskutuh bl-assolutiżmi u bl-emozzjoni. Huwa suġġett, li bħal oħrajn, ma jistax jkun indirizzat billi taqta’ linja sempliċi ta’ favur jew kontra.

U forsi għax l-abort huwa suġġett li jqajjem ħafna mistoqsijiet, forsi għax huwa suġġett li jmiss il-fundament tal-valur tal-ħajja u forsi għax huwa suġġett li jirrikjedi ħafna ħsieb li jitqajjem kull meta xi ħadd iħoss li huwa konvenjenti. Ġrat qabel, f’elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Meta partit ma jkollux armi iktar f’idejh u meta jkun tilef kull argument, jibda jispara t-tiri tal-abort. B’hekk tkun daħħalt lill-avversarju politiku tiegħek f’minjiera ta’ bombi fejn kull kelma tista’ tagħmillu ħsara fost l-elettorat.

L-arma tal-abort reġgħet qed tintuża issa, fil-kwistjoni tal-morning after pill u jiddispjaċina se jkollna ngħiduha, però min qed jużaha qed jagħmel dan għax jaf li l-għarfien dwar dan is-suġġett għadu wieħed żgħir. Għalfejn?

Kif nistgħu, jekk irridu nkunu onesti, ngħidu li se ndaħħlu l-abort bil-morning after pill, jekk f’Malta diġà għandna pilloli kontraċettivi li għandhom eżatt l-istess effett? Vera jew le li pilloli bħall-Mirena u l-kontraċettiv tal-copper coil huma l-istess? U jekk dawn għandhom l-istess effett, jiġifieri li jwaqqfu bajda fertilizzata milli timpjanta fil-ġuf, mela allura għalfejn ħadd, qatt ma qal kelma dwar pilloli li illum huma legali u aċċessibbli mill-ħwienet? Għax jekk kellna nemmnu li l-morning after pill hija abortiva għax twaqqaf l-impjantazzjoni, u allura li meta mara teħodha tkun qed tagħmel abort, mela allura jkollna nibdew naċċettaw li eluf ta’ nisa ilhom jagħmlu abort f’pajjiżna għexieren ta’ snin.

Huwa ċar li lil hinn mill-argumenti kollha li qed jitqajmu dwar din il-kwistjoni, l-għerq tal-problema hija li pajjiżna għad għandu problema serja fejn jirrigwarda diskussjoni miftuħa dwar is-sess. Għal ħafna, dak kollu li jirrelata mas-sess għadu tabù u m’aħniex lesti niddiskutuh fil-pubbliku. Bżajna nitkellmu fuq il-kontraċettivi u saħansitra fl-Università ftit snin ilu qamet diskussjoni taħraq dwar jekk għandux ikun hemm magna tal-kondoms. U fejn ikun hemm xi forma ta’ diskussjoni oħra li tagħti aktar għodda lill-mara jew lir-raġel biex kulħadd ikollu dritt li jeżerċita s-sess li jmur lil hinn mir-riproduzzjoni, għid li se jqumu l-irwiefen tad-djuq u tal-iskrupli.

Li mhux qed jindunaw il-ħafna, huwa li aktar kemm tibqa’ tintuża l-karta tal-abort biex inbeżżgħu, iktar qed tiġi żvalutata s-serjetà ta’ tali diskussjoni li jeħtieġ issir bil-kalma u b’mod studjat. Aktar kemm kull ħaġa li titkellem dwar is-sess tiġi mblukkata mill-forzi tad-djuq u l-iskrupli, aktar se jsibuha diffiċli l-istess forzi biex jiġbdu l-attenzjoni tal-poplu meta jkunu qed jitkellmu dwar valur daqstant importanti.

Ejja ma nħalltux l-affarijiet u ejjew nieqfu nużaw it-tarbija fil-ġuf bħala karta tal-logħob. Il-ħajja tal-innoċenti hija sagrosanta u kieku kellha vuċi ċerti li kienet tgħid “jekk jogħġobkom toqtlunix, u jekk jogħġobkom ukoll tużawnix.”

More in Blogs