Isma minni David, mur daħħaq...
Minn Rosianne Cutajar
Hemm diversi modi kif il-politikanti jikkampanjaw, u huwa leċtu sa ċertu punt li tagħmel dak kollu possibbli sabiex tkun popolari mal-elettorat. Iżda huwa tal-mistħija l-mod ta’ kif David Thake, kandidat prospettiv tal-Partit Nazzjonalista qed juża lil bintu biex jiġbed is-simpatija tan-nies. Qabbad lit-tifla tikteb ittra lill-Prim Ministru sabiex Glenn Bedingfield iħallieha bi kwietha u ma jsemmihiex fil-blog tiegħu. Ħadet għaliha għax Glenn Bedingfield semmieha darbtejn għax hi tħoss li m’għamlet xejn imbilli fost l-oħrajn tikteb li l-Laburisti huma ġrieden.
‘’Leave me alone’’, dan hu bullying qaltilna Rachel Thake. Bħal donnu nesiet min hu missierha għandikun. Nesiet li missierha ma jgħaddix jum fejn ma jattakkax, jgħajjarx u jipprova jżeblah lil ħaddiehħor, inkluż anzjani li ġieli ċemplu fil-programm tiegħu. Rachel nesiet kif missierha huwa pappagall ta’ DCG, il-blogger tal-Partit Nazzjonalista. Hu u Daphne biċċa waħda, jikkwotaw lil xulxin u jagħmlu reklam lil xulxin. Rachel Thake nesiet kemm missierha jweġġa’ inividwi u familjari ta’ individwi.
Kif jgħid il-Malti, kelb rieqed la tqajmux. Jekk is-Sinjorina Thake ma tridx li tkun nominata, imissha bħala t-tifla ta’ kandidat prospettiv għall-elezzjoni ġenerali, iżżomm postha u tagħmel ġieh lil missierha kemm bl-azzjonijiet tagħha kif ukoll f’dak li tikteb. Rachel Thake hija wkoll it-tifla tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Aktar u aktar għandha żżomm lura minn ċertu kummenti, bħalma wara kollox jagħmlu familjari u qraba ta’ nies oħrajn li huma fil-politika. Jiena qatt ma rajt it-tfal tal-Prim Ministru jattakkaw lill-Oppożizzjoni, madanakollu jispiċċaw fil-mira kontinwament avolja għadhom f’età tenera. Dawk, verament jistgħu jitkellmu dwar bullying.
Kieku ommi, missieri jew hija jonqsu mir-rispett lil xi esponenti tal-Partit Nazzjonalista bi kliem mhux xieraq, niġbed l-attenzjoni minnufih u mhux niddefendihom għax huma persuni mhux pubbliċi. Wisq probabbli min jaf kemm jistagħġbu David Thake u seħbitu DCG. Min jaf kemm jiktbu artikli u jagħmlu servizzi fil-bulettini tal-aħbarijiet. Addio bullying! Din tal-bullying ħelwa wisq, kull min jikkritika lill-Partit Nazzjonalista jikklassifika bħala bully. Tal-Partit Nazzjonalista ma tistax tkellimhom u ma tistax issemmihom għax dak bullying, iżda huma għandhom kull dritt.
Rachel Thake qaltli li ‘’I am not ball-sy’’ għax għandikun trid trid tkun it-tifla ta’ David Thake biex tkun ‘ballsy’. Biex tkun ‘ballsy’ trid tinħeba’ wara mikrofonu ta’ Radio 101 u taqbad ma’ dak u l-ieħor u tirremetti l-ħdura. Dan hu l-mod li bih xi ħadd bħal David Thake jaspira li jkun fil-Parlament. Għal min ma jafx, u ma ntihx tort għax qatt ma tarah, David Thake hu viċi sindku ta’ San Pawl il-Baħar iżda ftit li xejn tara fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu l-ħidma li jwettaq fil-lokalità bħala viċi sindku. Qatt ma tara xi inizjattiva li jorganizza. L-uniċi affarijiet li jitfa’ fuq il-paġna ta’ Facebook hu xi reklam ta’ xi coffee morning tiegħu jew xi reklam ta’ barbeque tal-Partit Nazzjonalista li għalih jippoża biz-zalzett tal-Malti. Bir-raġun li ma jitfa’ xejn, għax ma jagħmel xejn, m’għandux ħidma konkreta x’jippromwovi minkejja li hu aspirant membru parlamentari. Il-Kunsill ma jistax jużah bħala trampolin għax ma jinvolvi ruħu f’xejn u ma jagħmel xejn.
U allura huwa biss permezz ta’ programm tar-radju (bl-appoġġ u bil-barka ta’ Simon Busuttil) li jista’ jinħabb mal-elettorat u jidher tal-paladin tal-Partit Nazzjonalista. Dak hu l-uniku karru li jista’ jirkeb, dik hi l-unika ħaġa li jaf jagħmel.
Jiddispjacini biss għal dawk in-Nazzjonalisti ġenwini li jaf ikollhom bniedem baxx, vulgari u arroganti bħal David Thake jirrappreżenthom fil-Parlament.
Isma’ minni David, m’għandix dubju li bħala komiku jista’ jkollok futur imma l-ħobż tih lil min jaf jieklu.