Żewġ rapporti, żewġ dinjiet
minn Owen Bonnici
Fil-ħajja tal-Gvern hu normali li jinħarġu rapporti minn awtoritajiet jew entitajiet li jħallu impatt fuq l-aġenda nazzjonali.
Din il-ġimgħa nħarġu diversi rapporti iżda tnejn minn dawn attiraw attenzjoni nazzjonali.
Wieħed m’għandux x’jaqsam mal-ieħor iżda fl-istess waqt, għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin għax jippreżentaw differenza ċara bejn l-affarijiet taħt il-Gvern preċedenti u l-affarijiet taħt dan il-Gvern.
M’iniex qed ngħid li dan il-Gvern jagħmel kollox perfett jew li huwa infallibbli, ibda minni l-ewwel wieħed. Li qed ngħid hu li minkejja kollox, dan hu Gvern li qed jaħdem ħafna, qed ikun bil-għaqal bi flus il-poplu u qed iġib riżultati importanti.
Iż-żewġ rapporti li kienu fl-isfera pubblika din il-ġimgħa huma rapport ta’ S&P dwar il-qagħda u l-prospetti ta’ pajjiżna u rapport tal-Awditur Ġenerali dwar kif kienu jsiru l-affarijiet fi żmien il-magħżul tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said.
Jekk titfagħhom ħdejn xulxin għandek f’idejk differenza kruċjali bejn Gvern u ieħor.
S&P
Standard & Poor’s hi dar li tagħti parir dwar l-affidabbiltà ekonomika ta’ pajjiż jew entità. Bħalma bniedem imur għand nutar biex jagħmillu r-riċerki meta jiġi biex jixtri proprjetà, hekk ukoll investitur jara x’qed jgħidu djar bħal S&P u oħrajn.
Bħal kull ħaġa oħra fid-dinja djar bhal dawn mhumiex il-vanġelu assolut. Biss għandhom importanza enormi u jgawdu reputazzjoni tajba ħafna.
X’qalet S&P dwar Malta?
S&P tat ċertifikat ieħor lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu. Skont S&P Malta se tibqa’ tikber fil-ġid b’mod aqwa minn pajjiżi oħra fiż-Żona Ewro. Tant hu hekk li kompliet ittejjeb it-tbassir tagħha dwar pajjiżna għall-aħjar - minn tkabbir ta’ 3.2% ghħal 3.5%.
Qalet ukoll li ekonomija b’saħħitha bħal din hija qawwija biżżejjed biex tilqa’ għall-effetti tal-Brexit. Faħħret ukoll ix-xogħol kruċjali li sar fil-qasam tal-enerġija u n-niċeċ ekonomiċi ġodda li se jinħolqu bl-investimenti ġodda bi sħab mal-privat fis-saħħa u l-edukazzjoni.
Fi kliem ieħor, fi żmien ta’ inċertezza ekonomika bid-deċiżjoni tal-Brexit, Malta għandha kaptan b’saħħtu bi kredenzjali ekonomiċi tremendi li jattiraw it-tifħir tal-aqwa istituzzjonijiet finanzjarji.
Rapport tal-NAO dwar Chris Said
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-mod kif kien jaħdem Chris Said fi żmien meta hu kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali fejn jidħlu tqassim ta’ għajnuniet finanzjarji minn flus il-poplu huwa ċensura sħiħa ċara u tonda.
L-Awditur Ġenerali ma ċċensurax biss l-operat ta’ Chris Said b’indħil politiku inaccettabbli imma wkoll il-kreddibbiltà ta’ Chris Said. Infatti l-Awditur Generali qal b’mod ċar li m’emminx l-ispjega li Dr Said tah dwar it-tgħaffig li kien jiġri fi żmienu.
Kieku r-rapport elenka nuqqasijiet purament amministrattivi ta’ kif l-affarijiet setgħu saru b’mod aħjar mil-lat burokratiku u taċ-Ċivil jien ma kont ngħid xejn. Wara kollox l-Awditur Ġenerali stess ġibed l-attenzjoni dwar proċeduri amministrattivi li setgħu saru aħjar fuq skema li saret f’din il-leġiżlatura.
Jien l-ewwel wieħed nemmen li dawn huma affarijiet tajba għax jgħinu lin-nies taċ-Ċivil itejbu l-operat tagħhom.
Biss fil-każ ta’ Chris Said, l-Awditur Ġenerali ċċensura direttament lill-politiku fejn qallu li dan kien jindaħal b’mod inaċċettabbli min jieħu xiex u jċaqlaq il-lasti ‘l hemm u ‘l hawn skont il-ħtieġa.
L-Awditur ma analizzax il-fondi kollha li qassam Chris Said imma analizza l-fondi ta’ skemi li jammontaw għal €18-il miljun. Mhux ċenteżmu jew tnejn.
U xi jsib?
Isib li ħafna skemi kienu mhux maħsuba mil-lat budgetarju bil-konsegwenza li wħud mill-Kunsilli spiċċaw tgħabbew bid-dejn. Isib li Chris Said f’ħafna każi kien jintervjeni direttament min jieħu xiex u jġib fix-xejn il-kunċett ta’ kumitat ta’ evalwazzjoni.
Isib li Chris Said ipprova jgħatti n-nuqqasijiet ċari tiegħu billi jgħidlu - lill-Awditur - affarijiet li l-istess Awditur m’emminhomx.
Kieku dawn kienu flus Chris Said, ma kont nghid xejn. Bi flusu jagħmel li jrid. Imma li jaqbad €18-il miljun minn flus il-poplu u f’ħafna minnhom jindaħal, jintervjeni biex jara min jieħu xiex, dak inaccettabbli.
Minn fuq, jagħmel il-konferenzi stampa u jipprova jilgħabha tal-immakkulat, verġni u pur. U jkompli jiżgwida u jkompli jqarraq.
Id-dipartiment tal-Gvern Lokali fi żmien Chris Said kien ġie ridott għal fewdu ta’ xi ħadd cowboy bi flus il-poplu.
Aħna daħħalna s-serjetà u se nkomplu ntejbu l-operat tagħna dejjem iktar.
Sadanittant, nesprimi s-solidarjetà tiegħi ma’ dawk is-sindki u kunsilliera li llum qed ibatu l-konsewgenzi tad-deċiżjonijiet irresponsabbli ta’ Chris Said. Għad li m’hemmx soluzzjonijiet faċli, se jsibuna ta’ spalla morali.
Simon Busuttil
Immaġinaw biss li kieku r-rapport tal-NAO, flok iċċensura lil Chris Said, iċċensura lili jew lil sieħbi Stefan Buontempo x’kien jagħmel Simon Busuttil.
Immaġinaw biss li kieku l-Awditur Ġenerali flok qal li ma jemminx lil Chris Said, qal li ma jemminx lili jew lil sieħbi Stefan Buontempo x’kien jgħid Simon Busuttil.
Ilbieraħ Busuttil ħareġ jiddefendi lil Said. Ma ħadtiex b’sorpriża. Kelli idea ċara x’kien se jgħid.
Dak kollu li wieħed raġonevolment jistenna li Busuttil kien jippretendi lil Muscat li jagħmel kieku ġejna ċċensurati aħna, għandu jagħmlu hu ma’ Chris Said. Jekk ma jagħmilx hekk, ikompli jsammar il-fehma li Simon Busuttil ipaċpaċ biss.
U għat-tpaċpiċ kulħadd tajjeb.
Tmexxija ghaqlija
Pero dan ix-xenarju mhux se javvera ruħu. Mhux se javvera ruħu għax nafu li Busuttil ipaċpaċ biss u għandu riga għan-nies tiegħu u riga oħra għal ħaddieħor.
Mhux se javvera ruħu wkoll għax la jien u lanqas sieħbi Stefan Buontempo m’aħna se niġu ċċensurati mill-Awditur Ġenerali għax nagħmlu l-affarijiet sew u bil-għaqal.
Li tagħmel l-affarijiet sew u bil-ghaqal mhijiex l-eħfef triq. L-eħfef triq hi li tagħmel bħal Chris Said: taqbad u tqassam bl-addoċċ kif ifettillek u jekk ikun hemm id-dejn imbagħad jarawh ta’ warajna.
Aħna jkollna pressjonijiet minn sindki, anke tal-Partit tagħna stess. Ġieli wkoll kritikawna privatament u anke pubblikament. Dażgur! Jekk fi żmien Chris Said kien hemm xalata u kawlata sħiħa fit-tqassim tal-fondi!
Kollox minn issa għal issa, short term, u għada ħadd ma rah!
Aħna qed nippjanaw bil-għaqal għax ma rridux li flok nagħtu l-fondi, ngħabbu lill-kunsilli bid-djun. Qed nippjanaw bil-għaqal għax qed ikun hemm proċess trasparenti u kumitat ta’ evalwazzjoni - li għad li mhuwiex perfett, u għandu fejn jitjieb - jispira iktar fiduċja u serjetà.
Konvint li bix-xogħol li qed nagħmlu aħna, il-Kunsilli stess se jaraw id-differenza għall-aħjar.
Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja
Meta niltaqgħu l-Ministri kollha tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u niddiskutu u niddeċiedu dwar kif nistgħu ntejbu ż-żona tal-ġustizzja Ewropea, tkun dejjem laqgħa tajba u importanti.
Veru li ħafna affarijiet li niddiskutu huma tekniċi għal min mhuwiex midħla tal-qasam u hemm sfida qawwija kif dawn tispjegahom b’mod li jinftiehmu min-nies.
Biss, l-eżeriċizzju li qed nagħmlu li bih fiż-żona tal-ġustizzja jkun hemm sett minimi ta’ drittijiet proċedurali u salwagwardji li jgawdi minnhom kull ċittadin hija xi ħaġa formidabbli għal pajjiżna.
Bl-istess mod, il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fuq materji delikati hija waħda tajba ferm u mertu jmur għall-Kummissarju Vera Jourova li daħħlet sens ta’ teamwork tremend.
Ħadt gost, b’mod personali, niġi mistieden insegwi u nikkontribwixxi fl-iżviluppi li taw sitt Ministri tal-Ġustizzja ta’ pajjizi tal-Lvant li ssieħbu mal-EU f’partnership speċjali dwar it-titjib fis-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja.
Qed isir ħafna ġid.