Piss Christ
Fl-1987, l-artist Andres Serrano esebixxa ritratt ta’ kurċifiss żgħir tal-plastik jgħum f’reċipjent trasparenti mimli bl-awrina ta’ Serrano nnifsu
Fl-1987, l-artist Andres Serrano esebixxa ritratt ta’ kurċifiss żgħir tal-plastik jgħum f’reċipjent trasparenti mimli bl-awrina ta’ Serrano nnifsu. Kull darba li dan ir-ritratt, kbir metru b’metru u nofs u bit-titlu ‘Piss Christ’, ġie esibit qala’ kontroversji kbar, b’każi li fihom tneħħa mill-wirja u f’oħrajn, bħalma ġara fi Franza fl-2011, jispiċċa attakkat.
Wieħed faċilment jista’ jqis lil Serrano bħala artist stramb u forsi dak li jkun jista’ anki jakkużah li jfittex il-fama – u l-flejjes – permezz ta’ kontroversja faċli kif dejjem jiġri meta jkunu involuti figuri reliġjużi. ‘Piss Christ’ mhuwiex l-uniku xogħol ta’ Serrano li jista’ jitqies bħala stramb għax għandu xogħlijiet oħrajn li fihom juża fluwidi oħrajn tal-ġisem bħala medium: demm, demm menstruwali, ħalib uman u saħansitra sperma. Aktar milli għall-użu ta’ dawn il-fluwidi, Serrano jdejjaq lil ħafna nies għax b’ċerti esebiti tiegħu joffendi r-reliġjon, dik Kattolika: joffendiha u jivvilifikaha.
Il-każ ta’ ‘Piss Christ’ huwa magħruf ħafna, bħalma huma magħrufin ħemel ta’ każi oħrajn, per eżempju l-isfilata ta’ moda ta’ ħwejjeġ sagri fil-film ‘Roma’ ta’ Fellini, film li, kif wieħed jista’ jistħajjel, ġie ċċensurat mill-Knisja. Ma’ dawn wieħed ikollu jinkludi wkoll ħafna karikaturi ta’ Charlie Hebdo u l-famużi karikaturi tal-Profeta Muħammad ippubblikati fl-2005 fil-gazzetta Daniża Jyllands-Posten. Sa anki fir-raħal tan-Nadur kienet qamet il-kontroversja meta disgħa min-nies spiċċaw il-Qorti fl-2009 għax fil-karnival libsu ta’ Kristu u l-appostli, u l-Isqfijiet, dakinhar, ħarġu kundanna u l-pulizija għamlet xogħolha.
L-id il-leminija tħażżeż ‘Jiena Charlie’ u x-xellugija tkun tixtieq tgħallaq jew taqta’ lsien xi disklu li jfettillu jeżerċita d-dritt li issa se jkun issalvagwardjat bil-liġi u joffendi ’l xi ħadd jew lil xi ħaġa għażiża
Issa din il-ġimgħa l-Abbozz propost biex titneħħa l-liġi li tipprojbixxi l-vilifikazzjoni tar-reliġjon għadda mit-tieni qari tiegħu u, kif kien mistenni, il-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-kumitat ivvutaw kontra dan l-abbozz. L-argument bażiku min-naħa tal-gvern, proprjament mill-ministru Owen Bonnici, hu, fi ftit kliem, li wasal iż-żmien li soċjetà li tagħraf lilha nfisha bħala moderna u demokratika, m’għandux ikollha mezzi anki legali biex issikket l-espressjoni libera, inkluż il-vilifikazzjoni ta’ reliġjon. Dan ifisser li, fl-aħħar, anki, ngħidu aħna, l-kittieba Maltin jistgħu jiktbu dak jħossu li għandhom jiktbu mingħajr il-periklu li jispiċċaw il-qorti kif kien hemm min spiċċa xi snin ilu.
F’dan is-sens, mela, dan l-abbozz huwa pass kbir ħafna ’l quddiem li jġib lil Malta viċin il-pajjiżi ħutha Ewropej, jew aħjar uħud minnhom. Bħala kittieb ma nistax ma napprezzax u ma nfaħħarx dan l-abbozz u d-deċiżjoni tal-gvern li jagħraf l-importanza li ċ-ċittadini jitħallew ikunu kritiċi u b’moħħhom miftuħ. Fl-istess waqt, jekk irrid inkun onest, nasal nifhem l-inkwiet ta’ dawk li qegħdin jopponu l-abbozz u jesprimu preokkupazzjoni, anki jekk ma nistax naċċetta l-argumenti tagħhom. Wieħed irid japprezza li l-libertà tbeżża’ lil ħafna nies, li hija perikoluża għax għandha s-setgħa li tiżloga dak li għal snin twal kien jinħass sod u tixħet dubji serji fuq dak li kien jitqies benfatt. Filwaqt li hemm dawk li lesti jaffaċċjaw id-diffikultajiet li l-libertà tal-espressjoni tippreżenta, oħrajn jibżgħu minnha u lil dawn it-talin irridu nirrispettawhom ukoll mingħajr ma nċedu l-istess libertà. Il-biża’ mill-ġdid huwa xi ħaġa naturali, speċjalment fl-imħuħ b’tendenzi konservattivi.
Meta seħħet it-traġedja tal-karikaturisti ta’ Charlie Hebdo, ħafna bdew itellgħu messaġġi favur il-libertà tal-espressjoni fuq il-paġni tagħhom, jixegħlu x-xemgħat u jilbsu l-flokkijiet suwed b’”Je Suis Charlie” fuq sidirhom. Imma jista’ jkun li ħafna minn dawn stess jibdew iħossu l-iskumdità jekk Charlie ‘tagħhom’ jidħlilhom f’kamrithom u minflok bil-Profeta jew bin-Nazzarenu jibda jiddieħaq bihom. Huwa faċli li nħażżu ‘Jiena Charlie’ sakemm dan Charlie qed jitmejjel b’ħaddieħor u faċli aktar li nidentifikaw ruħna ma’ Charlie meta lanqas biss nafu min hu imma nħallu l-media titkellem għalina. Jiġu dawk id-drabi meta l-id il-leminija tħażżeż ‘Jiena Charlie’ u x-xellugija tkun tixtieq tgħallaq jew taqta’ lsien xi disklu li jfettillu jeżerċita d-dritt li issa se jkun issalvagwardjat bil-liġi u joffendi ’l xi ħadd jew lil xi ħaġa għażiża. U dan huwa fejn nibdew naraw il-kobor tar-responsabbiltà li l-libertà tagħtina.
Fl-aħħar, anki l-kittieba Maltin jistgħu jiktbu dak jħossu li għandhom jiktbu mingħajr il-periklu li jispiċċaw il-qorti kif kien hemm min spiċċa xi snin ilu
Però l-abbozz li għadda mit-tieni qari għandu iżda, għaliex il-libertà tal-espressjoni li qiegħed jippropaga mhijiex kompleta. Anki jekk Kristu u Muħammad u l-Budda u x’naf jien m’għadhomx l-allat li ħadd ma jista’ għalihom, ir-rapporti li dehru fil-gazzetti dwar dan l-abbozz jindikaw li r-Repubblika għadha l-verġni u l-pura li ħadd ma jista’ jmiss. Jiena nippretendi li jekk ir-Repubblika, fl-aħħar, qiegħda tagħtini s-salvagwardja biex inkun nista’ ngħid dak li naħseb anki fuq il-figuri reliġjużi, għandha wkoll tieħu ħsieb li tħallini ngħid li dak naħseb fuqha stess. Jiġifieri, issa li niżżilna l-figuri reliġjużi mill-pedestall ta’ dawk li ħadd ma jista’ għalihom, huwa ironiku li fuq dan il-pedestall ħallejna figura waħda: ir-Repubblika, inkorporata fil-figura tal-president u f’simboli oħrajn.
Fil-bidu tal-1989, fl-Istitut tal-Arti ta’ Chicago, Scott Tyler kien esebixxa l-istallazzjoni “What is the Proper Way to Display the American Flag?” li fiha wera ritratti ta’ nies jaħarqu l-bandiera Amerikana u oħrajn ta’ twiebet mgħottijin biha u mal-art firex l-istess bandiera minflok tapit. L-istallazzjoni kienet qajmet ferment sħiħ, speċjalment minn veterani tal-gwerer Amerikani, li ħassewhom urtati għall-mod kif Tyler offenda lill-patrija. U l-każ baqa’ tiela’ u tiela’ sa wasal fis-senat Amerikan.
Il-punt hu wieħed sempliċi: l-artist irid ikun f’pożizzjoni li jħossu liberu anki meta jiġi biex jittratta lir-Repubblika, fil-forom u r-rappreżentazzjonijiet kollha tagħha.