Kieku vera gwerra, mhux ilna li tlifnieha
L-Editorjal tal-ILLUM
Il-Mediterran kompla jiħmar bid-dmija tat-traġedji li seħħew matul din il-ġimgħa, li kienet waħda oħra turbolenti u mmarkata bi traġedji. Iżda jekk nagħmlu bħal m’għamilna f’kull editorjal wara li seħħew l-attakki f’ibliet Ewropej, primarjament f’Pariġi u Brussell, inħossu li ma nkunu qed inżidu l-ebda valur għad-diskussjoni li ġiet wara t-traġedja f’Nizza.
Il-veru inkwiet m’għadux biss it-traġedja, li tħalli ħafna wġigħ u rabja, iżda wkoll il-fatt li llum il-popli Ewropej qed jitrattaw dawn it-traġedji bi ftit inqas sens ta’ traġiku milli kienu jagħmlu sa ftit ilu. Donnu, l-attakki issa qed isiru n-norma aktar milli r-rarità, donnu l-arma tal-qtil tal-massa, għalkemm xorta xokkanti, hija inqas xokkanti milli kien qabel. It-traġedja ta’ Nizza kienet waħda kerha u kerha ħafna, imma r-rispons għaliha wera bl-aktar mod ċar li l-mexxeja Ewropej tilfu l-kontroll.
Malli seħħ l-attakk, bdew ħerġin, donnhom parti minn ritwal, l-istess kummenti u stqarrijiet ta’ solidarjetà li issa ilna nisimgħu. Smajna Prim Ministri, inkluż tagħna, jgħidu li dan attakk fuq l-istil ta’ ħajja tagħna, smajna lil min iwiegħed li se jkun ‘spalla ma’ spalla’ ma’ Franza, imbagħad smajna lill-President Franċiż Francois Hollande iwiegħed li se jieħu l-akbar vapuri tal-gwerra tiegħu biex jiġġieled l-Istat iżlamiku.
Issa kieku dan il-ħafna ppoppar ma smajnihx qabel, konna nkunu maħfura li nemmnuh, kieku wara l-attakk ta’ Pariġi f’Novembru, Hollande ma qalx li dan kien ‘att ta’ gwerra’, kieku forsi kien ikollna raġun li nistagħġbu u ngħidu li Hollande huwa mexxej b’saħħtu. Imma dan il-kliem smajnieh qabel. Dawn il-ħafna ‘spalla ma’ spalla’ u l-ħafna aġġettivi koroh biex jiddeskrivu lill-IS smajniehom ukoll. Imma bil-paroli, mhux se nwettqu ġustizzja ma’ dawk il-mijiet li nqatlu brutalment.
Ir-reazzjonijiet tal-mexxejja tad-dinja wara Nizza, bdew jinstemgħu irrelevanti. Il-biki ta’ min jehda b’summit wara l-ieħor biex jippoża, taparsi qed jagħmel xi ħaġa, illum m’għadux jimpressjona. Għalhekk nies bħal Marine Le Pen qed isiru popolari, għalhekk Nigel Farage kien kapaċi jagħmel l-impossibbli u jegħleb is-sens komun, għalhekk l-estrem madwar l-UE kollha qed jikber. Għax anke fit-traġedja, l-ebda mexxej ma kien konvinċenti biżżejjed u l-ebda mexxej ma qal xi ħaġa li forsi tibda ċċaqlaq l-affarijiet.
Issa nħabbtu fuq sidirina naqra oħra, nibku, nagħmlu summit imlaqqam ‘importanti’ u ‘straordinarju’, immorru l-funerali tal-vittmi, inpinġu xi cartoon bil-‘Je suis Nice’, nwiegħdu l-gwerer u nieqfu hemm...sakemm terġa’ tiġri traġedja oħra, sakemm imutu aktar nies. Imbagħad noħorġu l-messalin u nerġgħu nibdew ir-ritwal.
....se naqbżu fuq il-karru ta’ Erdogan issa?
Għax ma kinux ineffettivi biżżejjed ħafna mill-mexxejja Ewropej u tal-Istati Uniti, ilbieraħ komplew jgħaxxquha meta fakkruna fl-importanza, li nirrispettaw gvern li hu elett demokratikament. Kienu qed jirreferu għall-Gvern tal-President Tork Reccep Tayyip Erdogan.
Veru, kolp ta’ stat huwa minnu nnifsu att illegali u huwa veru wkoll li, b’xi mod jew ieħor, Erdogan u l-partit tiegħu ġab 50% tal-voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Però d-diċenza titlob li l-mexxejja li suppost jirrapreżentawna jkunu naqra attenti qabel jaqżu fuq il-karru ta’ xi ħadd li, bir-rispett kollu lejn kulħadd, mhux se jkun hu li jgħallem fuq id-demokrazija.
X’rispett wera lid-demokrazija min fetaħ attakk sfrenat b’gassijiet tad-dmugħ fuq gazzetta lokali Torka? X’rispett wera lid-demokrazija min għajjar 3.5 miljun persuna li marru jipprotestaw fil-Pjazza ta’ Taksim f’Istanbul, ħallelin? X’rispett lejn id-demokrazija għandu politiku li sforz forza eċċesiva tal-pulizija fl-istess protesta, mietu 11, weġġgħu 8,000 u ġew arrestati 3,000? Tirrispetta lil min jaħseb li għandu dritt jimblokka Twitter u Facebook qabel elezzjoni lokali, biex ma ssirx propoganda kontrih? Tirrispetta lil min ilbieraħ stess qabad 2,700 maġistrat, neħħihom u akkużahom li huma parti minn ‘tradiment’, mingħajr ma tahom ċans demokratiku li jitkellmu? Nirrispettaw min nefaq €557 miljun biex bena palazz għalih innifsu? Nirrispettaw lill-politiku li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qed jissimbolizza dak kollu li jmur kontra t-twemmin sekulari tal-Ewropej? Nirrispettaw lill-politiku li ssopressa lil eluf ta’ Torok għax omosesswali?
Ċerti li fuq dan il-karru jridu jitilgħu biex jissalvagwardjaw id-demokrazija, l-politiċi tagħna? Iva, gvern demokratiku jitla’ bil-vot tal-poplu, imma Gvern li jkun elett b’mod demokratiku jrid imexxi b’mod demokratiku wkoll. Gvern elett, jeħtieġ jilgħab il-logħba demokratika, fejn il-libertà tal-kelma hija ċċelebrata mhux maħnuqa, il-libertà tat-twemmin huwa aċċettat u fejn il-protesti huma parti mill-ħajja politika, mhux att ta’ tradiment. Fejn il-ġudikatura hija ħielsa mhux togħtor taħt idejn bniedem, kważi despotiku, li juża kolp ta’ stat bħala skuża biex ikeċċihom mingħajr lanqas biss dritt ta’ risposta.
Ma kellux isir kolp ta’ stat, vera, għax mhux legali u mhux għodda demokratika...imma mhux se nieħdu lezzjonijiet mingħand Erdogan anqas, speċjalment fl-aktar valuri demokratiċi li fihom huwa falla u qed ifalli bil-qawwi.