Mil-Liberali lliberana
Michael Grech, opinjonista xellugi, jitkellem dwar il-liberali lokali u kif dan jippretendi li riżultat demokratiku għandu jkun rispettat biss meta jaqbel lilu
F’din il-kitba ser nitkellem fuq karikatura; figura li ma teżistix eżatt kif impenġija, imma li tolqot bosta aspetti ta’ numru nies li jeżistu b’mod konkret. Għalhekk bilfors li f’dak li se ngħid hemm xi forma ta’ ġeneraliżazzjoni. Mhux kull persuna li taqa’ taħt din il-kateogija hi kif se niddeskrivi (għalkemm il-konformità fost dan il-grupp, bħal f’kull grupp ieħor fuq din il-gżira, hi xi ħaġa impressjonanti). Bosta imma, aktarx ikollhom numru ta’ karatteristiċi li se ninkludi fil-karikatura
Il-figura li tagħha se nagħmel karikatura hi tal-liberali tipiku lokali. Din hi persuna li tħossha moderna, hi favur id-divorzju u taqbel mad-drittijiet tal-omosesswali, tħobb is-siġar u hi kontra l-kaċċa, hi indifferenti għar-reliġjon jekk mhux dikjaratement atea (minkejja li jekk ma tasalx li tibgħat ulieda fi skola privata, tippreferi dawk tal-Knisja milli tal-istat), għandha edukazzjoni universitarja, hi favur il-multikulturaliżmu, imma spiss hi komda biss ma’ Maltin tal-istess klassi tagħha), hi persuna li aktarx hi borgiża minkejja li tista’ tiċħad dan u tgħid li tħobb liż-żgħir, tħossha ‘ċittadin tad-dinja’ u tinsa li qed tgħix fuq blata minsija mill-Mulej, hi favur il-liberalizazzjoni tad-droga, l-IVF, kull pillola kontraċettiva u bil-mod il-mod, aktarx li hi bil-miftuħ favur l-abort. Għal-liberali tipiku lokali, dawn huma kollha kwistjonijet ta’ ħajja u mewt, li juru kemm pajjiż hu demokratiku, ċivili u l-bqija tal-aġġettivi ħelwin li mid-dizzjunarju liberali wieħed jista’ jislet.
Xellug dgħajjef
Politikament, il-liberali aktarx tgħid li hi persuna xellugija. Ix-xellug tal-liberali imma, aktarx li għandu limiti ċari, u hawn jibdew il-problemi. Infatti, minkejja li l-liberali jgħid li hu favur iż-żgħir u l-ħaddiem, il-ħaddiem u ż-żgħir li aktarx jimmilita favuru jeżistu biss fid-dinja ideali. Il-ħaddiema u ż-żgħar li hawn f’dan il-wied tad-dmugħ, aktarx li l-persuna tipika liberali ma tmisshomx, jekk mhux ukoll iqallugħ/ha. Xi raġuni biex dan jiġi ġustifikat dejjem se tinstab: dak għax kaċċatur, l-oħra għax omofobika, l-ieħor għax idaħħal ir-reliġjon f’kollox, u l-oħra...sempliċiment ħamalla u bla gosti. Allura, rabtiet konkreti ma’ min suppost qed timmilita favuru, il-persuna liberali aktarx ma jkollhiex. (Dan jgħodd ukoll għal siġar u annimali; il-persentaġġ ta’ ambjentalisti li qatt ma qabad lexxuna f’idu hu impressjonanti.)
Mhux hekk biss. Kwistjonijiet bħal tal-liberalizazzjoni tad-droga, il-pillola u ċ-ċensura aktarx li jkunu għal qalb il-liberali aktar minn dawk tal-faqar, ix-xogħol prekarju u l-għoli tal-ħajja. Anke sempliċi ħarsa lejn il-media elettronika personalizzata turi dan. Titella’ aħbar dwar familja li ma tistax tlaħħaq mal-ħajja u l-liberali jagħmel like fuq Facebook jew jgħid ‘X’arukaża, imbagħad tiġi kkanċellata esebizzjoni ta’ banda minħabba kummenti fuq il-mara tal-Prim Ministru, u l-liberali jqajjem infern. Jekk ir-reazzjoni hi riflessjoni tal-valuri, ifisser li t-tieni kwistjoni hi ħafna aktar importanti għall-karattru li qed nitkellem fuqu minn tal-ewwel. Ifisser li min jinsab taħt fis-soċjetà, fil-verità, ma tantx jista’ jistenna wisq minnu. Dan l-aħħar imbagħad, ġrat xi ħaġa li turi d-dmugħ tal-liberali borġiż għaż-żgħir, spiss hu agħar minn dak tal-kukkudrill.
Referendum tajjeb...dment li nirbaħ
Avveniment ewlieni din is-sena kien ir-referdum Brittaniku. Il-liberali tagħna, aktarx li kien favur li r-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Interessanti kienet ir-reazzjoni wara r-riżultat. (Bħal dejjem qed niġġeneralizza.)
Hu ovvju li l-maġġoranza tista’ tiżbalja. Madankollu, pedament tad-demokrazija hu li ċ-ċittadin ordinarju kapaċi jagħmel deċiżjoni tajba u razzjonali. Meta ma jagħmilx hekk, il-mistoqisja intelliġenti li min jemmen fid-demokrazija jistaqsi hi, għalfejn kien hemm bosta li għażlu ħażin minkejja li jistgħu jagħmlu għażla tajba?
Il-liberali lokali imma, donnu ma jasalx s’hawn. Lest jaċċetta l-għażla tal-kotra dment li l-għażla tkun dik li jrid hu. Għalhekk, kien hemm min qal li għażliet bħal dawn għandu jagħmilhom il-politiku u mhux il-poplu; għax li tħalli lill-poplu jivvota f’affarijiet imporanti (ie. mhux tan-nejk) hi ‘żball enormi’. Imma fl-aħħar mill-aħħar, lill-politiku mhux il-poplu jagħżlu? Il-liberali lokali beda saħanstira jitfa’dubji fuq pedamenti tad-demokrazija, bħal dik ta’ vot għal kull ċittadin, jgħid u jistaqsi jekk min mhux edukat (bħalma jemmen li hu hu) għandux dritt jivvota.
Il-liberali lokali imma lest jaċċetta l-għażla tal-kotra dment li l-għażla tkun dik li jrid hu. Għalhekk kien hemm min qal illi li tħalli lill-poplu jivvota f’affarijiet importanti hu ‘żball enormi’
Kien hemm min ħadha kontra x-xjuħ Ingliżi għax ma jifhmux, minkejja li kienu huma li daħħlu r-Renju Unit fl-UE u li daqu lil din għal iktar minn erbgħin sena. Inkella, qal li dawn ħasbu b’mod egoist u ma tawx każ tal-futur taż-żgħażagħ. (Ovvjament, id-domma hi li ż-żgħażagħ huma xi kategorija omoġenija, fejn dak li hu tajjeb għal uħud, hu tajjeb għal kulħadd). Li l-anzjani jista’ jkollhom il-bżonnijiet leġittimi tagħhom, anke għax huma kategorija mill-aktar vulnerabbli, u li jekk ivvutaw favur Brexit jista’ jkun li għax l-UE mhux qed taqdi l-ħtiġijiet leġittimi tagħhom, donna m’għaddietx minn moħħu. Ħaġa li l-liberali Malti donnu ma nnutax hi li għall-grupp etniċi li magħhom ġustament iridna nintegraw, li tuża dan it-tip ta’ diskors fuq ix-xjuħ hu skandlu waħxi.
Ikkundanna lil kull min ivvota għal Brexit bħala razzist, u injora li l-aktar li vvutaw favur li joħorġu kienu ż-żgħar u l-ħaddiema. Issa ovvjament, dawn il-kategoriji jistgħu ikunu mqanqla minn motivi leminin u kontra l-inklużjoni. Il-mistoqsija imma li wieħed għandu jistaqsi hi, għalfejn qed jagħmlu hekk, dawn li għal snin kbar kienu s-sinsla tal-partiti xellugin? Forsi għax dawn tal-aħħar abbandunawhom? Saru liberali aktar milli laburisti?
Issa jekk mil-liberali qed nitolbu jilliberana, wieħed jista’ jissoponi x’nitlob fuq il-konservattivi.
Michael Grech huwa opinjonista xellugi