Kemm hu tassew bnazzi l-baħar
L-opinjonista Joe Ellis jitkellem dwar il-Gozo Channel u l-problemi li din taffaċċja
Il-Ħadd li għadda, din il-gazzetta ġabet intervista ma’ Joe Cordina, iċ-chairman tal-Gozo Channel. Din il-kumpanija li għandha l-monopolju tat-trasport lejn Għawdex hija ta’ importanza vitali għal min jgħix f’Għawdex jew irid jagħmel xi negozju f’din il-gzira. Trid jew ma tridx, bil-fors ikollok tużaha. Għall-Għawdxin, il-vjaġġi bil-vapur huma realtà kostanti li tfisser ħela ta’ ħin u spejjeż żejda. Għal kwalunkwe attività li wieħed irid jattendi f’Malta, residenti Għawdxi jrid jaħseb xi sagħtejn qabel min jgħix anke l-Mellieħa u ovvjament irid iħallas it-traġitt. Realtà li mhux kulħadd japprezza.
Il-Gozo Channel twaqqfet fl-1979 meta l-istat ħa f’idejh is-servizz tal-vapur bejn il-gżejjer li għal snin twal kien immexxi mill-privat. Il-gvern dejjem żamm kontroll sħiħ fuq din il-kumpanija u dejjem ħatar min imexxiha. L-ebda gvern ma ħass il-ħtieġa li s-servizz jiġi privatizzat jew li l-kumpanija tiġi regolata minn xi awtorità. Is-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex hu mmexxi direttament mill-Gvern u jrid jitmexxa skond it-termini ta’ Public Service Obligation li nħareġ mill-istess Gvern.
Minkejja l-monopolju u t-traffiku bejn il-gżejjer, matul is-snin, il-kumpanija spiss sofriet minn problemi finanzjarji. Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika li ħareġ f’Mejju 2015 ta bosta spjegazzjonijiet għal dawn il-problemi, fosthom salarji għoljin, nuqqas ta’ kontrolli interni u diskrepanzi kbar bejn in-numru ta’ passiġġieri u karozzi li jgħaddu miċ-Ċirkewwa u li jitilqu mill-Imġarr. Skont dan ir-rapport, bejn l-2011 u l-2014 ġew reġistrati kull sena bejn 84,000 u 92,000 passiġġier u 11,000 karozza aktar fiċ-Ċirkewwa milli fl-Imġarr. Fl-2014, in-numri ta’ karozzi laħaq id-19,500.
Għaldaqstant, tajjeb li wieħed jinnota li taħt it-tmexxija taċ-chairman attwali, Joe Cordina, il-kumpanija qiegħda titpoġġa fuq sisien finanzjarji aktar sodi u li l-kumpanija rreġistrat qligħ ta’ €395,000 fil-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju meta qabel, fl-istess perjodu tliet snin ilu kienet titlef €1.7 miljun. Lil Joe Cordina nafu sew: qattajna ħames snin fuq l-istess bank tal-iskola u propju ftit ġimgħat ilu ltqajt miegħu fil-cafeteria tal-vapur u tkellimna dwar din il-kumpanija. Bniedem dħuli u ħaddiem bla pretensjoni ta’ xejn.
Huwa ferm importanti li l-konsolidazzjoni finanzjarja tal-kumpanija ssir fuq żewġ binarji ċari: rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u rikonoxximent sħiħ tal-importanza tal-kumpanija fl-infrastruttura ta’ Għawdex. Ikun inutli li l-kumpanija tagħmel il-qligħ u titpoġġa fuq bażi finanzjarja soda jekk dawn iż-żewġ objettivi ma jintlaħqux.
Fl-intervista, saru bosta referenzi għall-prattiċi li ma ġewx spjegati sew. Wieħed jifhem, anzi jistenna, li management serju ta’ kumpanija għandu jipprova jillimita l-ispejjeż tal-overtime u jnaqqas kwalunkwe ħela fir-riżorsi umani. Tajjeb li jsir hekk. Imma wieħed ma jifhimx għala qed jiġu ngaġġati tliet kuntratturi (Maltin, għax skont is-sur Cordina, l-ebda Għawdxi mhu kapaċi jidħol għal din il-biċċa xogħol) li qed jimpjegaw in-nies biex jaħdmu fil-bar u għaxra oħra biex jorbtu l-vapuri. Skont is-Sur Cordina, il-qligħ tal-bar baqa’ tal-kumpanija imma dan ifisser li anke t-telf, jekk ikun hemm, hu tal-kumpanija. Ġaladarba l-kumpanija tmexxi l-bar tal-vapuri hi, wieħed ma jifhimx għala ma tħaddimx il-ħaddiema direttament hi imma minflok tinqeda b’kuntrattur li żgur mhux qed iħaddem lin-nies għalxejn. Ikun interessanti li wieħed ikun jaf kemm il-kumpanija qiegħda tħallas lil dawn it-tliet kuntratturi għal kull ħaddiem. Skont dak li jingħad f’Għawdex, dawn il-ħaddiema qed jirċievu mas-€600 fix-xahar u jridu wkoll jaħdmu l-Ħdud u l-festi pubbliċi mingħajr ma jitħallsu żejjed. Ħasra li fl-intervista dan il-punt ma tqajjimx.
Probabbilment, wieħed assuma li l-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel jitħallsu adekwatament. Fil-fatt ir-rapport imsemmi tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika jsemmi li fl-2012, is-salarju medju tal-impjegati tal-Gozo Channel kien ta’ € 26,538. L-istess rapport isemmi li l-infiq fuq l-overtime bħala proporzjon tal-ispiża totali tal-pagi fil-Gozo Channel tela’ minn 8% fl-2010 għal 14% fl-2012. Inoltre, 15% tal-ispiża għall-pagi tal-kumpanija qiegħda tmur f’allowances għall-iljieli, Ħdud u vaganzi pubbliċi. Imma sabiex nindirizzaw dawn l-affarijiet, is-soluzzjoni m’għandhiex tkun prattiċi li spiss jiġu ttimbrati bħala prekarji. Fl-istess intervista, is-sur Cordina indika għala hawn min lest li jaħdem bix-xift għal €600 fix-xahar. Semma li ġew impjegati persuni li jaqtgħu l-biljetti wara li saru intervisti lil min kien jaħdem fil-bar, presubbilment mal-kuntrattur. Naħseb li tkun leġittima l-mistoqsija għala l-kumpanija qiegħda tirrikorri għal dawn il-prattiċi meta tista’ timpjega n-nies direttament mill-ETC jew billi tirreklama għalihom. Xi skop hemm jekk wieħed irid ineħħi l-ħela u l-fsied kif poġġiha s-sur Cordina li wieħed iqabbad kuntrattur, anzi tliet kuntratturi, sabiex jimpjegaw dawn il-ħaddiema u jaqilgħu minn fuq darhom? U biex tgħaqqad, skont ma jingħad, is-sistema qiegħda titħaddem minn persuna li issa spiċċat impjegata mal-istess kumpanija. Imma forsi jiena baħnan li nsaqsi tali mistoqsija. Naħseb li l-kumpanija għandha tevita li jkollha żewġ kategoriji ta’ ħaddiema: waħda ta’ min għandu salarji u kundizzjonijiet komdi u oħra ta’ min, għalkemm jagħmel sostanzjalment l-istess xogħol bħal tal-ewwel kategorija, jitħaddem b’kundizzjonijiet prekarji.
Fl-intervista ssemmew ħafna ċifri dwar in-numri ta’ vjaġġi li wettqet il-kumpanija u n-numru ta’ passiġġieri li ġarret. Fortunatament għall-kumpanija, u dan anke wara t-tnaqqis sostanzjali fis-sovvenzjoni tal-istat wara l-offerta tagħha għall-Public Service Obligation, in-numru ta’ passiġġieri qed jiżdied. Kemm iż-żieda fit-turiżmu u l-fatt li l-Maltin reġgħu skoprew l-imħabba tagħhom għal Għawdex qed ifissru aktar passiġġieri li jeħtieġu aktar vjaġġi u jħallu aktar dħul.
Imma li ma ssemmiex fl-intervista hu li minn xi xhur ’l hawn, il-vjaġġ li l-kumpanija kienet tagħmel għal Sa Maison għall-ġarr tal-merkanzija m’għadux isir. Minkejja li bosta kienu jużawh dan is-servizz, speċjalment il-burdnara, u bosta kienu dawk li gergru privatament, dan is-servizz twaqqaf qisu xejn mingħajr l-ebda għaqda Għawdxija ma tiftaħ ħalqha. Fenomenu tipikament Għawdxi fejn it-tgergir bosta drabi jibqa’ mistur.
Agħar mit-tneħħija ta’ dan is-servizz, hu l-politika li l-kumpanija qiegħda tadotta fiċ-Ċirkewwa li tipprivileġġja l-karozzi fuq it-trakkijiet. Ir-raġuni li tingħata hi li meta jkollok ħafna karozzi li jridu jaqsmu, jagħmel sens li tuża r-rampi li hemm fuq il-Malita u l-Gaudos u b’hekk, it-trakkijiet jibqgħu l-art. Din is-sistema tinżel tajjeb ma’ min ikun irid jaqsam bil-karozza. Imma għal min irid jaqsam b’xi trakk bix-xogħol qiegħda tfisser dewmien kbir u ovvjament, spejjeż żejda. Il-ġimgħa l-oħra, industrijalist qalli li kellu t-trakk iċ-Ċirkewwa fid-9.30am li ma tgħabbiex qabel il-vapur tal-11.15am biex wasallu l-fabbrika f’nofsinhar. Dan ifisser dewmien ta’ aktar minn sagħtejn u nofs li dan l-industrijalist irid jagħmel tajjeb għalihom għaliex l-inċentivi tal-Malta Enterprise, meta jaslu bosta snin wara, ma jkoprux dan id-dewmien kollu. Għidli min f’sensih ser jiftaħ negozju f’Għawdex meta jista’ jkollu ferm anqas traġitt u ħela ta’ ħin jekk jagħmel hekk Malta. Mhux ta’ b’xejn li n-negozju f’Għawdex huwa staġnat u ftit qed isir investiment. Anke l-Għawdxin stess qegħdin jinvestu f’Malta u mhux f’Għawdex. U min investa f’Għawdex irid bilfors iħares lejn is-suq Malti biex jibqa’ ħaj. Dan ifisser li jekk il-Gozo Channel ma tagħtix servizz effiċjenti fil-ġarr tal-merkanzija, is-settur kummerċjali ser ikompli jbati u dan b’detriment kbir għall-ekonomija tal-gżira.
Il-figuri jagħtu biss stampa parzjali tal-kwadru sħiħ: li l-Gozo Channel tagħmel qligħ huwa pożittiv imma dan m’għandux ikun għad-detriment tal-ekonomija Għawdxija. Il-politiċi donnhom ftit jifhmu kemm hija fraġli l-qagħda ekonomika f’Għawdex u kemm hija kbira t-tentazzjoni li wieħed iċaqlaq l-operat għal Malta fejn hemm ambjent ekonomiku ferm aktar dinamiku. Il-Gozo Channel għandha tkun mezz biex tnaqqas l-iżvantaġġi naturali għal min irid jopera minn Għawdex u mhux taċċellera d-degrad ekonomiku t’Għawdex. Dan hu li verament jgħodd u mhux il-qligħ li tista’ tagħmel din il-kumpanija. Wieħed hu konvint li huwa possibbli li l-kumpanija topera bi qligħ mingħajr ma tippreġudika l-prospetti ekonomiċi ta’ Għawdex u din hi l-isfida li għandha tintlaqa’.