Exit doppju għall-Brittanja
Kif kien mistenni, il-media soċjali għamlet karnival sħiħ bit-telfa umiljanti tal-Ingliterra (1-2) kontra l-Iżlanda (pajjiż ta’ 300,000 ruħ). L-aċċenn ewlieni kien fuq żewġ exits: il-Brexit, imħabbar mill-Prim Ministru David Cameron, hu u jżomm lura d-dmugħ quddiem 10 Downing Street, u l-eliminazzjoni mill-UEFA 2016 fi Franza.
Waslu rapport li fit-tunnel, qabel il-logħba, il-plejers Ingliżi bdew jgħaddu rimarki offensivi kontra l-Iżlandiżi, inkluża d-deskrizzjoni tagħhom bħala s**t.
Rapporti oħra kienu jirreferu għan-nuqqas ta’ finanzi u riżorsi oħra tat-tim tal-Iżlanda: bil-paga ta’ Wayne Rooney biss, jista’ jitħallas it-tim kollu Iżlandiż, bit-tekniċi b’kollox.
Johnson arroganti u giddieb
Rapporti differenti bdew jaslu minn Londra dwar Boris Johnson, il-politiku makakk li kien tefa’ ħarstu fuq 10 Downing Street, qabel ma tah daqqa ta’ stallett minn wara Michael (Brutus) Gove.
Il-korrispondent ta’ La Repubblica minn Londra iddeskriva lil Johnson bħala politiku mill-aktar arroganti u giddieb tal-prima klassi li jaf jilgħab il-parti tiegħu tajjeb ħafna. “Hu giddieb ta’ speċi u kwalità rari. (Johnson) hu buffu eċċentriku li jaf kif jilgħab u jimmanipula l-komunikazzjoni. Jaf jikkalkula l-mument, kiesaħ u spjetat u flimkien man-neofaxxista Nigel Farage kien il-kaġun li l-poplu Ingliż, mgħaddas f’injoranza parrokkjali u perikoluża, ivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.”
Insomma fil-kurituri tal-politika Ingliża għaddejjin ħafna intriċċi. Qed isiru referenzi għal karattri bħal Brutus, Macbeth u Lady Macbeth u, ironikament, mill-Brexit ’l hawn, iż-żewġ perċimes tal-IVA, Boris Johnson u Nigel Farage, it-tnejn irriżenjaw mill-pożizzjonijiet li kellhom. Farage irriżenja mit-tmexxija tal-UKIP filwaqt li Johnson ma tefax in-nomina tiegħu biex ikun kap tal-Partit Konservattiv.
Kollox riħa ta’ kaldarun tas-sħaħar: Double, double toil and trouble; Fire burn, and cauldron bubble.
Il-fehma tal-VIPs
Sadanittant, aktar VIPs komplew jikkummentaw fuq il-mezzi diġitali.
Chris Martin, il-kantant tal-band Coldplay qal fuq Twitter li d-deċiżjoni biex l-Ingilterra toħroġ mill-UE m’għandhiex tkun il-kaġun li titkisser il-ġenerazzjoni li tiela’.
L-awtur Philip Pullman: “Kellna uġigħ ta’ ras u qtajna saqajna. Issa la nistgħu nimxu u xorta bqajna bl-uġigħ ta’ ras.”
Il-kantanta-star Ellie Goulding esprimiet id-delużjoni tagħha billi kitbet li għandha qalbha f’biċċiet. Iżda bosta Ingliżi li ma ridux jitilqu mill-Unjoni Ewropea (negozji, uffiċċji u skejjel), spontanjament improvizzaw tabelli bil-kelma sorry.
Ir-riżultat tal-Brexit jista’ jkun l-ewwel vleġġa f’qalb l-Unjoni Ewropea hekk kif beda jriegħed minn inħawi oħra tal-lemin estrem.
Fost il-festa tal-populisti, il-partit ultra-lemini ta’ Marine Le Pen diġà jidher qed jibbaża l-kampanja elettorali tal-2017. Fuq Twitter, Le Pen ħalliet messaġġ li dik tal-Ingliterra kienet rebħa għal-libertà u l-istess referendum għandu jsir fi Franza (Frexit). L-istess ħsejjes qed jaslu mill-Partit tal-Libertà fl-Olanda u mill-partit ewrofobiku u xenofobiku ta’ Franke Petry fid-Danimarka.
Partiti populisti oħra mxerrdin mal-Ewropa jinkludu dawk fl-Iżvezja, fin-Norveġja, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Awstrija, l-Italja, il-Portugall, l-Ungerija u l-Greċja.
Skont Tony Blair
Għall-eks-Prim Ministru Laburista Ingliż, id-demokrazija ma tistax tkun eżerċizzju plebixxitarju għax ftit wisq kienu l-votanti informati kif kellhom ikunu. Għal Blair, “biex titwaqqaf il-mewġa tal-populisti jeħtieġ, qabel xejn, risposta għall-problema migratorja.”
Blair irid ikollu stonku biex jitkellem kontra l-plebixxiti meta hu kien mar għall-gwerra tal-Iraq kontra r-rieda tal-poplu Brittaniku.
X’qal il-Papa Franġisku
Fil-klima ta’ kaos li ġab miegħu ir-riżultat tal-Brexit, il-Papa Arġentin ukoll qal tiegħu: “Seħħet il-volontà espressa mill-poplu. Dan ifisser li bħala mexxejja, irridu nagħrfu r-responsabbilità biex niggarantixxu l-konvivenza tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu.”
Il-Papa ddenunzja, “Ewropa arida u burokratika li tirriskja li titlef ruħha. Jeħtieġ inċedu l-egoiżmi tagħna u nfittxu s-soluzzjonijiet skont dak li ħolmu l-fundaturi tal-proġett Ewropew.”
Is-sitwazzjoni dwar il-lingwa
Minkejja l-hekk imsejjaħ ‘kompromess’ milħuq dwar kif se jinkiteb kliem Ingliż fil-Malti kurrenti, (wara l-ħafna tfettiq u pika personali tal-akkademiċi u l-esperti) minn taħt hemm dudu ieħor li qed igerrem il-bażi tal-lingwa nazzjonali.
Rapport tal-eżaminaturi tal-Bord tal-Matsec juri li l-għalliema tal-Malti huma mħassbin serjament dwar il-ħiliet tal-istudenti ta’ sittax-il sena fejn jidħlu l-grammatika, l-ortografija u l-punteġġjatura. Hemm min iwaħħal fil-mezzi ġodda tat-teknoloġija iżda hemm raġunijiet aktar bażiċi. Ngħidu aħna, minħabba l-indeċiżjonijiet u l-piki tal-‘esperti’, anki l-istess għalliema damu s-snin imħawwdin dwar kif se jgħallmu l-Malti lill-istudenti tagħhom.
Ewropa arida u burokratika li tirriskja li titlef ruħha. Jeħtieġ inċedu l-egoiżmi tagħna u nfittxu s-soluzzjonijiet skont dak li ħolmu l-fundaturi tal-proġett Ewropew
Ma’ dan irid jiżdied il-mod imgerfex ta’ kif il-Malti u l-Ingliż jitħalltu flimkien fil-vernakular, mil-livell tal-kindergarten sal-Università.
Ir-rapport tal-Matsec jikkonkludi li ħafna żbalji jirriflettu l-iżbalji kommessi mix-xandara u javża li din it-tendenza qed twassal għal medjokrità kbira fil-livell tal-lingwa nativa.
Din it-tendenza patetika wasslet biex anki f’pajjiżi fejn hemm komunitajiet kbar ta’ Maltin, bħall-Awstralja u l-Istati Uniti, spiċċaw ċaħdu l-lingwa nativa u qed jaċċettaw is-sintomi marradija post kolonjalisti. Fl-Awstralja, ngħidu aħna, il-Maltawstraljani jiftaħru li fid-dar il-familja titkellem bl-Ingliż, l-aktar fejn tidħol il-komunikazzjoni bejn in-nanniet, l-ulied u n-neputijiet. Dan wassal biex il-kanal SBS (Special Broadcasting Service) iddeċieda li l-komunità Maltija m’għandhiex bżonn tant sigħat allokati għaliha u qed jippreferi jalloka dawk is-sigħat lill-immigranti li jaslu minn inħawi ġodda, bħall-Filippini jew il-Vjetnam.
Fl-Awstralja, Malta, kuntrarju għal nazzjonijiet oħra bħall-Kroazja, is-Serbja, l-Italja u l-Greċja, fost oħrajn, ftit li xejn tinsisti biex iżżomm ħajja l-identità etnika tagħha.
Lanqas m’hemm interess fit-tagħlim tal-Malti. Talinqas baqa’ xi klabbs tal-għana u gruppi tat-teatrin u l-konkorrenza (dejjem tonqos) għall-festi tal-patrun.