Serata ta’ tqaċċit, xorb u dħaħen mir-roti
Andrew Pisani jitkellem dwar l-evoluzzjoni tat-tlielaq tal-kwart ta' mil f'Ħal Far...
Kont ili snin ma nitla’ sa Ħal Far fil-ħinijiet meta jkun hemm il-ġiri tal-karozzi fl-istrippa tal-kwart ta’ mil. F’żgħożiti dan il-ġiri kien isir barra din l-istrippa fejn illum hemm il-fabbriki. Fix-xitwa kienu jiltaqgħu numru kbir ta’ dilettanti l-Ħadd filgħodu, imbagħad donnha ġiet miftiehma b’mod mhux uffiċjali li fis-sajf jiltaqgħu l-Ħamis filgħaxija. Kont niddiskriviha bħala diżorganizazzjoni organizzata u b’xi mod, kulħadd kien jaf fejn hu postu. Wara li din it-triq bdiet tidjieq biċċa biċċa u finalment kien sar impossibli li karozzi jibqgħu jtelqu hemm, din l-attività mxiet lejn l-istrippa uffiċjali tal-kwart ta’ mil.
Niftakar l-affarijiet jorganizzaw irwieħom ftit ftit sakemm iċ-ċirkostanzi ta’ ħajti nbidlu u ma rsaqtx ’l hemm għal diversi snin. Il-Ħamis li għadda fettili nitla’ s’hemm ma ħabib antik tiegħi biex ngħidu kelma u fl-istess ħin naraw erba’ karozzi. Kont sorpriż kif din l-attività m’għadhiex sempliċiment post fejn jiltaqgħu erba’ dilettanti tal-karozzi b’difrejhom suwed, iżda sar post tad-divertiment fejn in-nies jiltaqgħu f’dawn l-iljieli tant sħan. Il-post sar jinkludi bar massiv b’diversi nies iservu lill-klijenti għażla vasta ta’ xorb u ikel. Hemm biċċa art imdawla b’mużika tgħajjat, u iktar ma beda javvanza l-lejl donnu kien hemm diversi nies li bdew jitħajru jiċċaqalqu xi ftit.
L-istrippa kienet imdawla sew u l-post fejn stajna npoġġu biex naraw dan l-ispettaklu kien pjuttost nadif. Jidher li l-organizzaturi qegħdin jinvestu sew f’dan il-post. Ma nafx jekk hux għax wasalna kemxejn tard, però ma kienx hemm xi volum kbir ta’ karozzi jsuqu. Madankollu, kien hemm biżżejjed biex janimaw is-serata.
Fost il-karozzi, kien hemm numru ta’ Toyota Starlets kollha b’magni GT Turbo. Minkejja ċ-ċokon tal-magna tagħhom, żgur li ma tistax issejħilhom għażżenin. Karozzi Honda tat-tip Civic u Integra ma naqsux anqas, u l-ħoss partikolari tagħhom ma jonqosx milli jvenvinlek it-tambur ta’ widnejk waqt li l-magni joqorbu d-9,000 dawra fil-minuta. Min-naħa tal-Ford, kien hemm numru ta’ Sierra, Sierra Sapphire u Escort Cosworths li għalkemm għandhom ’il fuq minn għoxrin u anke tletin sena għadhom jikkompetu. Il-pożizzjoni sinonima tas-Sierra Sapphire Cosworth fejn ir-roti ta’ wara jintagħfsu u jinfetħu mal-art, il-bumper ta’ wara kważi jħokk mal-art u r-roti ta’ quddiem kemxejn imissu mat-triq, kienet xena li ġabitli tbissima waqt li xi sparatura u fjamma minn wara ma naqsitx. Mill-ġenerazzjoni iktar moderna, kien hemm Nissan Skyline GTR u BMW M3 li jekk m’iniex sejjer żball kellu madwar disa’ snin. Dan tal-aħħar kien jidher pjuttost iċċivilizzat meta rajtu pparkjat però meta rajtu tiela fferoċjat b’magna v8 tvenven, rajt li kien bhima salvaġġa li mhux ta’ min jiċċajta miegħu.
Li laqatni l-iktar però minn dan il-lejl, huwa s-sens ta’ komunità li hemm fost id-dilettanti. Tiltaqa’ ma’ wċuħ differenti, minn partijiet differenti u klassijiet soċjali differenti iżda bil-passjoni għall-karozzi bħala fattur komuni li tgħaqqad. Li laqatni wkoll huwa li dawn l-avvenimenti ilhom isiru snin u dejjem qegħdin jisserjaw mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, reklamar jew fondi mill-istat.
Se jiħraxu l-multi għall-offiżi tat-traffiku, speċjalment għal dawk li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol...
Fuq nota kompletament differenti, ħaġa oħra li laqtitni din il-ġimgħa kienet l-aħbar li l-Prim Ministru semma li se jiħraxu l-multi speċjalment għal dawk li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol. Ma tantx tista’ targumenta ma’ din l-istqarrija u diffiċli tibni argument biex tiġġustifika din l-offiża. Il-kultura tagħna wasslet biex tinnormalizza x-xorb u s-sewqan, u għal ħafna snin kienet ħaġa komuni li toħroġ filgħaxija u ssuq lejn id-dar wara xi erba’ grokkijiet jew birrer. Iktar u iktar huwa normali li mijiet ta’ nies isuqu lejn id-dar wara tiġijiet kull ġimgħa u ftit minn dawk ma jkunux aprofittaw mill-‘open bar’. Min jaf kif dan l-infurzar se jbiddel ċertu drawwiet?
Il-kundanna fuq ix-xorb u s-sewqan fl-opinjoni tiegħi, kienet totalment iġġustifikata. Li ma stajtx nifhem huwa l-ammont kbir ta’ nies li ħallew kummenti fuq is-siti soċjali jitolbu biex jiżdiedu l-multi fuq min juża l-mobile waqt li jsuq. Ma nixtieqx ninftiehem ħażin, u bl-ebda mod ma rrid niġi interpretat li qiegħed ninkoraġixxi dan l-aġir, però li din l-offiża donnu impenġuwha bħala r-raġuni tal-kontravenzjonijiet u inċidenti kollha, ma nistax nifhem.
Nemmen li jekk sewwieq jipprova jaqra jew jikteb messaġġ, jara Facebook, jieħu xi stessu, jiġbed xi ritratt ta’ xi raġel għerwien għaddej fit-triq jew jilgħab ‘Pokémon Go’ waqt li jsuq ikun qiegħed iżid il-periklu sew, però li bniedem jitkellem fuq il-mobile ma nistax nifhem għalfejn dan l-għaġeb kollu. Illum il-ġurnata m’iniex f’pożizzjoni li nirċievi xi telefonata kull ħames minuti, u meta jdoqq huwa faċli li jew inħallieh idoqq jew nitfa mal-ġenb. Però nagħmel dan għas-sempliċi raġuni li ma rridx neħel xi ċitazzjoni, u mhux għax nemmen li hemm xi periklu. Fil-verità, hemm ħafna iktar affarijiet perikolużi li wieħed jagħmel waqt li jsuq li huma kompletament legali.
Pereżempju li tqalleb l-istazzjonijiet tar-radju, tbiddel xi CD jew tipprova tbiddel l-aġġustamenti tal- A/C. Li tidħol f’xi diskursata profonda mal-passiġieri u ddawwar rasek kull ftit sekondi biex tara l-espressjoni ta’ wiċċhom waqt li tirraġuna b’idejk. Li tnaqqar imnieħrek jew tagħtas fuq idejk u tagħmel xi żewġ minuti ssuq b’id waħda waqt li tfittex xi ‘tissue’ mal-karozza kollha. U l-iktar waħda hi li issuq waqt li jkollok xi tarbija jew tfal ċkejknin fuq wara. Dan ifisser li kull ftit sekondi trid tħares fil-mera biex tara li kollox għadu sew, li ma xeraqx, li ma tellax xi boqqa ħalib jew raqad u waqatlu rasu ’l quddiem, li toqgħod tkanta u tagħmel uċuħ tad-daħq, titgħawweġ biex tiġbor il-‘bottle’ jew il-gażaża li tkun waqgħet jew tipprova tikkonċentra fuq is-sewqan waqt li t-tarbija togħxa u tibki. Ovjament huwa impossibbli li dawn l-affarijiet ngħamluhom illegali, però jekk bniedem ma jaħbatx waqt li jagħmel dawn l-affarijiet, ma nistax nifhem kif il-mobile ma’ widnejn ix-xufier f’daqqa waħda spiċċa l-kaġun tal-ħażen kollu.
Naf li llum hawn apparat li jevitalek li taqbad il-‘mobile’ b’idejk, però jeżistu ċirkostanzi fejn forsi ħaddiem li xogħlu huwa li jsuq għal sigħat twal kellu jbiddel il-vettura ta’ malajr u ħalla dan l-apparat fil-vettura l-oħra. Jista’ jkun li forsi dan l-apparat għandu bżonn jiċċarġja. Għal ċertu nies li jaħdmu fuq l-isteering għal sigħat sħaħ kuljum, telefonata taf tkun tfisser li jrid ibiddel ir-rotta minnufih u ma jistax jistenna sakemm jasal jew ikollu jispjega lill-klijenti tiegħu li se jittardja. Mhux qed ngħid li dan jagħmel sew jekk jirrispondi l-mobile waqt li jsuq, imma li npinġu lil dan il-persuna qisu l-antikrist u qisu kien qiegħed isuq rasu ’l isfel b’għajnejh mgħottija f’nofs att sesswali ma nistax għaliha. Li nisma’ nies jissuġerixxu li dan jiġi mmultat l-eluf u anke jitlef il-liċenzja tas-sewqan għal għomru sempliċiment għax kellu idu ma’ widnejh, meta affarijiet ħafna iktar serji bħal tfal mhux marbutin u nies jimblukkaw il-karreġjati jkomplu jsiru kuljum mingħajr ħadd ma jsemmihom.