L-ikbar bidla kostituzzjonali fl-aħħar tletin sena

mill-Ministru Owen Bonniċi

Bidla ta’ artikli sħaħ tal-Kostituzzjoni se jfissru mod ġdid kif inħarsu lejn il-Ġudikatura ta’ pajjiżna
Bidla ta’ artikli sħaħ tal-Kostituzzjoni se jfissru mod ġdid kif inħarsu lejn il-Ġudikatura ta’ pajjiżna

Din il-ġimgħa, il-Parlament wettaq xi ħaġa storika.

Bi qbil unanimu bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, irriformajna mill-qiegħ il-partijiet tal-Kostituzzjoni li jitkellmu dwar l-Imħallfin u l-Maġistrati. Bidla li se ġġib differenza f’pajjiżna u se tkompli tkabbru u ttejbu.

Ma kinitx sempliċi bidla kożmetika jew xi bidla fejn kelma tinbidel b’oħra. Kienet bidla ta’ artikli sħaħ tal-Kostituzzjoni li se jfissru mod ġdid kif inħarsu lejn il-Ġudikatura ta’ pajjiżna. 

L-aħħar darba li kien hemm bidliet ta’ dan il-kobor fil-Kostituzzjoni , kien tletin sena ilu. Biex insibu bidliet ta’ dan il-kobor fejn jidħol il-qasam tal-Ġustizzja, irridu mmorru lura ġenerazzjonijiet sħaħ.

Dan hu Gvern li qed jagħmel differenza kruċjali f’pajjiżna u jdaħħal liġi wara l-oħra li jagħmlu s-soċjetà tagħna aħjar u iktar b’saħħitha.

Riforma ħolistika

Il-Gvern tela’ bil-wegħda elettorali li se jwettaq riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja- mill-ħatra, sal-operat u sal-kundizzjonijiet tal-ġudikatura.

Jien qatt ma qbilt li r-riforma tasal biss fejn tidħol il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti. Dan hu qasam importanti li kien hemm bżonn jiġi aġġornat. Biss, forsi iktar importanti minn hekk, hu l-qasam tad-dixxiplina tal-ġudikanti u l-ħtieġa li ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ.

Dejjem insistejt li r-riforma Kostituzzjonali għandu jkollha tliet kapitli. Kapitlu waħdu – hu liema hu - kien jiżbilanċja s-sistema kollha. It-tlieta f’daqqa jwettqu l-vera bidla.

Kburi li wettaqna din il-bidla. L-iktar ħaġa li mlietni bi kburija hija li l-ġudikatura, l-Oppożizzjoni u l-Kamra tal-Avukati kollha ħarġu favur din ir-riforma u qablu magħha.

Sforz li ilu għaddej sentejn

Dan l-abbozz ta’ liġi ma sarx mil-lum għal għada imma hu sforz li ilu għaddej sentejn, u iktar mal-pubblikazzjoni tar-rapport Bonello dwar riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja.

Immedjatament bdejt niddiskuti mal-partijiet ewlenin dwar dawn il-bidliet. Intbaħt li għalkemm fil-principju kien hemm qbil ma’ dak propost mir-rapport Bonello, fid-dettall kien hemm nuqqas ta’ qbil ma’ wħud mill-partijiet ewlenin u kultant in-nuqqas ta’ qbil kien wieħed serju.

Dawn il-bidliet, kieku saru mingħajr konsultazzjoni, tant huma delikati, li faċilment setgħu tefgħuna f’collision course mal-ġudikatura u anke mal-Unjoni Ewropea li tħares b’attenzjoni kbira lejn dak kollu li b’xi mod jista’ jigref l-indipendenza u l-awtonomija tal-ġudikatura, anke jekk bl-iktar intenzjonijiet tajba f’isem iktar dixxiplina u iktar kontabbiltà.

Però għax imxejna b’konsultazzjoni, b’attenzjoni u b’sens ta’ saqajna mal-art, għamilna dak li kien ilu l-għexierien kbar ta’ snin biex isir.

F’kull stadju, kelli l-appoġġ inkondizzjonat tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u li kieku ma kienx għas-sostenn tiegħu, żgur mhux forsi ma kienx ikolli l-enerġija u r-rieda li nasal.

Joseph Muscat

Il-kobor ta’ Prim Ministru tkejlu minn kemm ikun lest idaħħal strutturi li jżidu ċ-‘checks and balances’ fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern.

F’dan ir-rigward, Joseph Muscat huwa fi klassi għalih. F’inqas minn 40 xahar, daħħal il-liġi tal-whistleblower, il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-liġi tal-preskrizzjoni, ir-riforma Kostituzzjonali fil-qasam tal-ġustizzja, il-liġi tal-awtonomija tal-Parlament u l-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika fost oħrajn.

Dawn huma kollha liġijiet li jagħtu l-għodod għal iktar skrutinju fuq il-Gvern sabiex, b’konsegwenza ta’ hekk, pajjiżna jkun aħjar u iktar b’saħħtu.

Tliet pilastri

Ir-riforma hija bbażata fuq tliet pilastri.

Qabel xejn qed tissaħħaħ il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li issa, wara l-emendi, issaħħet kemm legalment u kemm fil-prattika. Il-Kummissjoni issa ġiet entrenched biż-żewġ terzi tal-Kamra, li jfisser li ebda Gvern waħdu għada pitgħada ma jista’ jneħħiha mill-Kostituzzjoni.

Il-Kummissjoni issa wkoll għandha żewġ sotto-kumitati taħtha. Sotto-kumitat wieħed dwar il-ħatra tal-ġudikanti se jkun magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kamra tal-Avukati, l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali. Dawn il-ħames persuni huma essenzjalment kollha indipendenti mill-Gvern tal-ġurnata tant li jew jinħatru jew jitneħħew biss b’żewġ terzi tal-Kamra tad-deputati b’eċċezzjoni tal-President tal-Kamra tal-Avukati li s’intendi jinħatar mill-avukati stess li fil-maġġoranza tagħhom jaħdmu għal rashom u fil-prattika privata.

Dawn il-ħamsa min-nies se jkollhom il-possibbiltà li jircievu espressjonijiet ta’ interess minn Avukati li jridu jsiru Maġistrati jew Imħallfin u jiġu evalwati skont kriterji ta’ evalwazzjoni li jkunu pubbliċi. B’hekk se tinqata’ l-idea li biex avukat isir Maġistrat jew Imħallef irid javviċina lill-Ministru tal-Ġustizzja jew xi Ministru ieħor, imma se jkun hemm proċess miftuħ u trasparenti.

Iktar importanti mill-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti, hu l-qasam tad-dixxiplina tal-ġudikanti u l-ħtieġa li ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ

Il-Gvern imbagħad jagħżel minn fost dawk l-avukati li jkunu għaddew mill-proċess ta’ evalwazzjoni biex nassiguraw iċ-‘checks and balances’ u biex nassiguraw li jibqa’ jkun hemm xi tip ta’ kontro-kontroll minn min fl-aħħar mill-aħħar ġie elett mill-poplu, il-Gvern se jibqagħlu d-dritt li ma jagħżel biex jaħtar għall-ġudikatura xi ħadd li ma jkunx għadda mill-evalwazzjoni, imma jekk jagħmel hekk irid imur quddiem il-Parlament u jgħid għaliex.

Se jkun hemm sotto-kumitat dwar id-dixxiplina li jkun magħmul minn membri sedenti tal-ġudikatura eletti mill-ġudikanti stess, u dan sabiex tiġi assigurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura skont it-tagħlim tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa stess. Waqt li qabel, ġudikant setgħet biss tinġibidlu l-attenzjoni jew jitneħħa b’impeachment fil-Parlament – jew nejja jew maħruqa – issa bis-sistema l-ġdida, ġudikant ikun jista’ jigi mmultat sa 10% tal-paga tiegħu f’sena waħda u anke jiġi sospiż b’nofs paga sa massimu ta’ sitt xhur.

Dak li japplika għall-bqija tal-pubbliku u għall-ħaddiem li kuljum iqum għax-xogħol se jkun qed japplika wkoll għall-ġudikatura. Is-sabiħa hi li din ir-riforma talbuha l-ġudikatura stess li fehmu u għarfu li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba u għal iktar fiduċja fihom mill-pubbliku in ġenerali.

Lill-ġudikatura nirringrazzjaha minn qalbi tal-maturità bla preċedent li wriet f’dan il-proċess kollu.

It-tielet riforma tirrigwardja l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tal-ġudikanti li bis-saħħa ta’ sistema aħjar nistgħu nkomplu naċċertaw li nibqgħu nattiraw l-aħjar imħuħ biex jidħlu fil-ġudikatura tagħna.

Niġbdu ħabel wieħed

Din l-esperjenza wriet li meta Gvern u Oppożizzjoni jiġbdu ħabel wieħed, pajjiżna jmur ’il quddiem. Niehu l-opportunità li nirringrazzja lix-Shadow Minister Jason Azzopardi li fuq din il-liġi, warrab fil-ġenb il-konsiderazzjonijiet politiċi u ra li jsir dak li hu fl-aħjar interess nazzjonali. Nemmen li dak li sar din il-ġimgħa m’għandux ikun ‘a one off’ imma juri kif fil-mument tal-prova, il-klassi politika kapaċi tiġi qrib xulxin biex tagħmel dak li hu sewwa.

Munich

Sfortunatament ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux b’xi attentat terroristiku. Din id-darba kien imiss lil Munich.

Ixxokkjajt ruħi għal iktar minn raġuni waħda.

Is-solidarjetà sħiħa tagħna mal-mexxejja u l-poplu kollu Ġermaniż.

Se nibqgħu spalla ma’ spalla kontra t-terroristi u min irid li jkisser is-serenità u l-paċi tal-ħajja tagħna kif nafuha.

More in Blogs