Dwar dak li tista’ tgħid u l-Pokémon
minn Immanuel Mifsud
Fl-artiklu ta’ ħmistax ilu għamilt kumment dwar il-liġi l-ġdida taċ-ċensura u wieħed mill-punti li ressaqt kien appuntu li din il-liġi se ġġib magħha mistoqsijiet ħirġin mill-fatt li issa l-libertà tal-espressjoni suppost li hija ggarantita lil kulħadd. Terġa’, hija liġi li trid tipproteġi l-libertà tal-espressjoni tant li m’għadx hemm il-periklu li xi ħadd jiġi akkużat bil-vilifikazzjoni ta’ reliġjon.
Xi ġranet ilu, qorti Olandiża, ikkundannat raġel għal xahar ħabs talli tella’ kummenti fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu li bihom offenda lir-re ta’ pajjiżu. Hija u tgħaddi l-ġudizzju tagħha, l-imħallef Sylvia Taalman, ġiet ikkowtata tgħid li b’dak li għamel, dan ir-raġel weġġa’ d-dinjità tar-Re u din l-imġiba mhijiex aċċettata fis-soċjetà Olandiża. Meta wieħed iqis li fl-Olanda, bħal Malta, hemm liġi li tagħti l-libertà tal-espressjoni inkluż f’dik versu r-reliġjonijiet, allura jkollok tikkonkludi li r-Re huwa importanti aktar mir-reliġjon, jew, li r-Re huwa ’l fuq minn kollox, saħansitra ogħla mil-libertà tal-espressjoni tal-individwu. Ir-Re huwa assolut.
Kien hemm każ ieħor interessanti, relatat ma’ dan kollu, din id-darba seħħ fl-Iżrael. Yam Amrani huwa student tal-arti fil-Kulleġġ tal-Inġinerija, id-Disinn u l-Arti ta’ Shenkar, f’Ramat Gan. Għall-wirja tal-istudenti, Amrani esebixxa pittura ta’ nudo femminili fuq sfond ikkulurit ħafna b’Bugs Bunny fil-ġenb jidħaq. Il-problema, għall-bidu, ma kinitx il-figura femminili mneżżgħa imma l-fatt li din il-figura għarwiena kienet tal-Ministru tal-Ġustizzja Iżraeljana, Ayelet Shaked, membru prominenti ta’ partit lemini li tqis bħala missjoni tagħha li xxejjen dawk li hija ssejħilhom it-tradituri tal-Iżrael. Ġurnata wara li fetħet il-wirja, il-Kap tal-Kulleġġ, is-sinjura Yuli Tamir, għattiet wiċċ in-nudo b’għata sewda forma ta’ X ħoxna biex b’hekk l-onorevoli Shaked ma tibqax tingħaraf.
L-istess bħar-Re tan-Netherlands, Shaked tirrappreżenta l-poter politiku ta’ pajjiżha. U bħala politiku, mid-dehra, għandha dritt togħla ’l fuq mil-libertà tal-espressjoni.
Iżda l-każ ta’ Shaked, jew aħjar tal-pittur żagħżugħ Amrani, ħa żvolta aktar interessanti għax, kuntrarju għar-Re Willem Alexander, il-ministru tal-Ġustizzja tal-Iżrael hija mara. U hawn iqum punt interessanti ieħor. Il-Ħamis li għadda, l-editorjal tal-ġurnal influwenti xellugi Haaretz ikkundanna l-aġir tal-kap tal-Kulleġġ u akkużaha b’att ta’ ċensura fil-każ tal-pittura ta’ Amrani. L-editorjal tal-Haaretz, “Israeli Art Schools Should Teach Freedom of Expression, Not Censor Nude Cabinet Ministers” (20 ta’ Lulju) saħansitra talab għar-riżenja tal-kap tal-Kulleġġ. Iżda min-naħa tagħha, Yuli Tamir, il-kap, saħqet li hija ħasset li l-pittura li qajmet din il-kwistjoni kienet deplorevoli għall-mod kif waqqgħet ġieħ il-ġisem femminili b’aġir sessista u xovinista. L-argument ta’ Tamir, imbagħad, reġa’ tressaq il-Ħamis li għadda, dejjem fuq il-Haaretz, mill-ġurnalista femminista Orit Kamir, li fl-artiklu tagħha ‘No, Haaretz. Permitting a Nude Painting of Shaked is not a Legitimate Form of Opposition’ irribattiet l-appell tal-editorjal tal-jum ta’ qabel u argumentat li l-pittura ma kinitx xempju ta’ libertà tal-espressjoni daqskemm ta’ attitudni sessista lejn il-ġisem femminili.
L-argument ta’ Tamir u Kamir ifakkarna fl-osservazzjonijiet li bdew jiġu introdotti fis-snin sebgħin minn kritiċi u studjużi tal-arti viżiva. Bażikament l-argument varat minn Peter Berger (pittura) u Laura Mulvey (ċinematografija) fil-bidu tas-snin sebgħin kien li ħafna ġeneri tal-arti jikxfu l-korp femminili għall-gost tal-ħarsa maskili, u allura mqar in-nudo klassiku kien xempju ta’ kultura maskilista li tirrendi l-ġisem femminili f’oġġett.
Pokémon huwa l-aħħar eżempju tal-fissazzjoni li l-bniedem għandu biex jimmodifika d-dinja tiegħu u ta’ madwaru u, aktar minn hekk, biex jisfoka l-fruntiera bejn il-veru u l-mhux
F’dan is-sens, il-każ tal-pittur Amrani, joħloq id-dilemma bejn il-libertà tal-espressjoni li jpitter lill-Ministru tal-Ġustizzja u jpittirha bla ħwejjeġ (u b’hekk jista’ joffendi lill-ministru nfisha, lil dawk li jħobbuha u lill-femministi li jargumentaw li x-xbihat ta’ nisa għarwenin huma kollha eżempju ta’ sessiżmu) u l-akkuża li llum titqies serja ħafna ta’ xoviniżmu.
Il-possibilità li dilemmi bħal din (u dan jista’ jiġri wkoll f’każi ta’ razza, nazzjon, sesswalità u mhux biss ġens) hija kbira u jkun interessanti li naraw kif se nirreaġixxu, partikolarment meta l-libertà tal-espressjoni se ssib ruħha f’kunflitt tal-korrettezza politika, li ħafna bdew iħossu li qiegħda tfixkel l-espressjoni aktar milli tgħinha.
Mill-aħħar artiklu li ktibt ’l hawn minbarra l-kolp ta’ stat fit-Turkija (jekk tassew kien kolp ta’ stat) u r-ripressjoni fis-soċjetà Torka inġenerali u l-intelligenza inpartikolari, seħħ fenomenu ieħor: il-ferneżija globali bil-kaċċa għall-Pokémon. Jekk xejn dan il-fenomenu jfakkarna bil-faxxinu li l-bniedem għandu bl-alterazzjoni tar-realtà. .. Huwa l-aktar eżempju riċenti għaliex qablu kien hemm esperimenti u mezzi oħrajn f’dan il-logħob bejn il-veru u l-mhux, bejn il-veru u l-mhux veru li jsir veru jew kważi. Kien hemm 2nd Life, id-dinja virtwali li għadha teżisti xi mkien li fiha l-bnedmin ta’ din id-dinja joħolqu realtà, joħolqu t-tieni ħajja tagħhom. Iċ-chatting fuq chatlines u chatrooms taw il-possibilità lil dak li jkun li jaddotta, anzi joħloq persunaġġ biex jiltaqa’ ma’ persunaġġi oħrajn li bħal tiegħu huma, wisq probabbli, ivvintati. Anki l-esperimentazzjoni b’sustanzi bħal-LSD – is-sustanza li taltera r-realtà u toħloq perċezzjonijiet li jitilqu mir-realtà; u l-użu tal-loppju fis-sekli li għaddew, kienu l-prekursuri tal-Pokemon u x’naf jien.
Forsi wieħed jista’ jargumenta, bħalma fil-fatt għamel Platun aktar minn elfejn sena ilu, li anki l-arti nfisha hija logħba (aktarx qarrieqa) bejn il-veru u l-mhux. Pokemon, fin-novità kollha tagħha, hija biss tkomplija ta’ tradizzjoni li l-bniedem ilu ħafna jiddiletta biha.