Il-flus mhux kollox
L-Editorjal tal-ILLUM
Hemm ħafna diskors u ftaħir mill-Gvern ta’ Joseph Muscat fuq kemm hi sejra tajba l-ekonomija ta’ Malta. Fuq kemm qed indawru miljuni u kemm qed ikollna investiment. U m’hemmx dubju li hemm riżultati konkreti li qed iħallu l-frott.
Ħafna minn dan il-frott pożittiv ġej grazzi għall-poltika tal-gvern li jiftaħ idejh beraħ għal min irid jagħmel in-negozju. Minn atteġjament li huwa iktar ‘business friendly’, għal attenzjoni biex titnaqqas il-burokrazija.
Hemm ukoll fattur ta’ klima ekonomika li qed jgħin lil Malta: il-prezz taż-żejt, il-kaos f’pajjiżi ġirien, ir-reġim fiskali u ta’ taxxa f’pajjiżi oħra fl-Ewropa u l-kriżi ekonomika f’pajjiżi ġirien.
Dan kollu kkontribwixxa biex Malta jkollha opportunitajiet aħjar.
Dan kollu huwa tajjeb ħafna għal pajjiżna, imma l-flus mhux kollox. Irid ikun hemm l-ewwel nett distribuzzjoni ekwa tal-flus u kif ukoll reġim ta’ taxxa li jolqot lil kulħadd u mhux liż-żgħir jew lin-negozji statiċi biss. Irid ikun hemm opportunitajiet indaqs għal kulħadd. U dan, bl-ebda mod m’għandu jkun ibbażat fuq kulur jew jew twemmin politiku, iżda fuq il-kapaċità. Irridu naħsbu wkoll għal dawk in-nies inqas ixxurtjati li ma jkollhomx l-opportunità minħabba n-nuqqas ta’ edukazzjoni jew għal raġunijiet oħra li jistgħu jżommuhom lura.
Jingħad li bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus, iżda li huwa importanti wkoll li n-nies ikollhom l-opportunità li jonfqu l-flus u jgawdu l-familja u l-ħbieb. U li fiż-żona ġeografika tagħhom, jiġifieri f’Malta u Għawdex, u fiċ-ċokon tagħna jkollna ċans ngħixu b’mod diċenti.
Dan mhux il-każ ħafna drabi għal ħafna nies. Għandna bliet u ċentri storiċi li saru qishom ġungla tal-konkrit, toraq imballati bil-karozzi u traffiku bla tmiem. Żoni tal-kosta litteralment mimlija nies li lanqas tista’ tiċċaqlaq fihom, kampanja ristretta li dejjem tonqos, żoni ta’ rikreazzjoni limitati, arja mniġġsa u ilma li mhux tajjeb għall-konsum jew għax-xorb. Għandna iktar mard relatat ma’ ħajja nieqsa minn eżerċizzju u ikel bnin. Għandna pajjiż fejn ħafna drabi nsofru minn klawstrofobija estrema minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna.
Jeħtieġ li l-politiċi tagħna jaħsbu wkoll dwar il-kwalità tal-ħajja, u ma jitkellmux aktar dwar kemm qed nagħmlu flus issa biss, iżda li jinsab bilanċ sostenibbli biex inħarsu lejn il-ġejjieni tagħna, mhux biss ta’ pajjiżna imma wkoll ta’ min qed jikber f’pajjiżna.