Servizz
'Għalija l-ħidma politika tinġabar f’kelma waħda – servizz' - Owen Bonnici
Nifhem li jkun hawn min hu xettiku lejna l-politiċi, però għalija l-ħidma politika tinġabar f’kelma waħda – servizz.
Servizz, fejn inti tibda tirraġuna b’moħħ ta’ min jieħu ħsieb u jinkwieta għall-pajjiż kollu daqslikieku hu parti minnek jew inti nnifsek. Servizz fejn inti tpoġġi l-pajjiż qablek innifsek. Ħafna nies isaqsuni: xi jżommok fil-politika? Sa dalgħodu stess, avukat li studjajna flimkien saqsieni x’qed nagħmel fil-politika meta fil-qasam legali hemm tant opportunitajiet tajba u iktar remunerattivi f’setturi li qatt qabel ma konna noħolmuhom.
Ir-risposta hi sempliċi: meta kull filgħodu nirfes l-għatba tal-Ministeru ngħid bejni u bejn ruħi li llum għandi ġurnata oħra minn massimu ta’ 1825 jum f’dan il-mandat li fih nista’ nagħmel xi ħaġa konkreta biex dan il-pajjiż jitjieb.
Meta npoġġi bilqiegħda fuq l-iskrivanija u nħares lejn ritratt ta’ binti ngħid li rrid li binti tikber f’pajjiż aħjar milli ħallewlna ta’ qabilna. Hu kemm hu kbir il-mewġ, huma kemm huma kbar id-diffikultajiet interni jew esterni, mhuma xejn ħdejn ir-rieda li għandna sabiex nagħtu dak kollu li nafu biex pajjiżna jkun ħafna u ħafna aħjar milli kien fl-2013.
Li tingħata d-dritt li tirkeb il-karozza u ssuq flok tiġi misjuq hu privileġġ li rrid nagħti l-massimu tiegħi biex nagħti prova li jixraqli jkolli. B’idi fuq qalbi nemmen li kollettivament, sħabi u jien, qed nagħmlu d-differenza taħt it-treġija ta’ Prim Ministru straordinarju.
Mintoff
Ma nafx nispjegaha, imma kemm ili nservi bħala Ministru tal-Gvern sirt nifhem iktar ċerti deċiżjonijiet li ħadu ta’ qabilna anke jekk forsi ma naqbilx magħhom. Sirt nifhem x’sensazzjoni jkollha deċiżjoni diffiċli li tkun taf li hi tajba imma forsi mhijiex se togħġob lil kulħadd. Sirt nifhem it-togħma ta’ għażla kruċjali li teħodha fuq l-informazzjoni li jkollok quddiemek dak il-ħin.
Sirt nifhem iktar xi tfisser l-għajta tal-Perit Mintoff – Malta l-ewwel u qabel kollox. Taqbel jew ma taqbilx miegħu, tħobbu jew ma tħobbux, Mintoff kellu sens ta’ nazzjon u ħadem kemm felaħ biex għolla lil Malta minn post fqir, ilsir ta’ ħaddieħor għal pajjiż ħieles u soċjalment għani.
Fil-mitt anniversarju mit-twelid tiegħu, il-poplu Malti u Għawdxi kollu jirringrazzja lil Dom Mintoff għal dak li għamel u wettaq.
Muscat
S’intendi jiena qatt ma kelli x-xorti li naħdem taħt il-Perit Mintoff, għad li sirt nafu lejn l-aħħar ta’ ħajtu meta bħala student tal-liġi ma’ djul Karmenu Mifsud Bonnici kont immur Ħal Tarxien biex ngħin lil Dr Mifsud Bonnici fil-ħafna kwistjonijiet legali li l-Perit kien ikollu. F’dawn il-mawriet sirt ħabib ħafna tal-gwardja personali tiegħu, ċertu Robert minn Għawdex li llum huwa pulizija stazzjonat Ħal Qormi. Lil Robert dejjem kont ngħidlu li meta tkellem lill-Perit, anke ta’ disgħin sena, anke jekk l-aħjar tiegħu kien għadda, kont tirrealizza li qed titkellem ma’ ġgant politiku li jaraha l-missjoni tiegħu li jagħmel lil pajjiżna aħjar.
Għad li Mintoff u Muscat huma prodotti differenti tal-istess partit u ġejjin minn kuntesti storiċi distinti ħafna, it-tnejn għandhom komuni din il-ħrara ossessjonanti li f’kull sekonda tal-ġurnata jagħtu l-massimu biex jagħmlu lil pajjiżna aħjar.
Nista’ nagħmel xi ħaġa konkreta biex dan il-pajjiż jitjieb
Il-kotba tal-istorja jitkellmu dwar ix-xogħol għaqli ta’ Mintoff. Il-kotba li qed jinkitbu issa huma xhieda tas-suċċessi ekonomiċi u soċjali li qed jikseb Muscat.
Żewġ records bla preċedent
Prova ta’ dan is-suċċess ta’ Muscat hu r-record li kiseb pajjiżna għall-ewwel darba fl-istorja fejn Malta tinsab fl-ewwel post fl-Unjoni Ewropea kollha bħala l-inqas pajjiż li fih hemm qagħad.
Il-Partit Laburista twieled bħala moviment favur ix-xogħol u dan ir-riżultat juri kif il-ħeġġa ma taqta’ qatt favur ix-xogħol baqgħet tipperkola u tissaħħaħ fis-snin ta’ wara fost il-mexxejja ta’ dan il-Partit.
Ix-xogħol hija l-iktar ħaġa għażiża għall-poplu tagħna. U fejn jidħol ix-xogħol, fejn tidħol l-iktar ħaġa għażiża, Malta hija bil-fatti u bil-provi l-aqwa fl-Ewropa. Ħaddieħor kien qal li jekk jitla’ Muscat dan kien se jġib il-qagħad, jhedded il-postijiet tax-xogħol u jfalli. Minflok Muscat mela lil Malta bix-xogħol u kien dak l-istess ħaddieħor li falla u se jkun dak il-ħaddieħor li probabbilment wara l-elezzjoni li jmiss se jkollu xogħlu mhedded.
Lanqas laħqet għaddiet ġurnata li ma ġiex ippubblikat il-Eurobarometer tal-Unjoni Ewropea u x’insibu? Iktar riżultati pożittivi bl-iktar wieħed ikun li l-Maltin għandhom l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-gvern nazzjonali minn fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2012 kienu 34% tal-Maltin li jafdaw lill-Gvern, filwaqt li 52% kienu sostnew li m’għandhomx fiduċja fih. Dan il-Eurobarometer juri li issa s-sitwazzjoni nqalbet totalment. 55% għandhom fiduċja fil-Gvern, l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li 32% jgħidu li m’għandhomx, l-inqas rata madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
Dan meta l-Gvern suppost qiegħed fin-nofs tal-leġiżlatura u suppost fl-inqas livelli ta’ popolarità.
Dan l-istħarriġ jikkonferma l-ottimiżmu qawwi li qed jirrenja fost il-familji Maltin dwar l-andament ekonomiku. Fil-fatt, il-proporzjon ta’ dawk li jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni t-tajba wkoll huwa l-ogħla fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
80% f’Malta jemmnu li l-ekonomija tagħna sejra tajjeb. Dan huwa d-doppju tal-livell fil-bqija tal-Unjoni Ewropea u fl-istħarriġ li kien sar fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti. Fl-2012, aktar minn nofs il-Maltin kienu jħossu li l-ekonomija sejra ħażin. Illum, dan il-proporzjon naqas għal 11%.
L-istħarriġ juri li huma biss 17% li jaħsbu li sejrin fid-direzzjoni l-ħażina, wieħed minnhom hu Simon Busuttil, hija l-inqas rata osservata fost il-pajjiżi kollha. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, meta Simon Busuttil kien qed isostni li m’hemmx bżonn bidla fid-direzzjoni, kienu biss 30% fil-Eurobarometer li kien jaqblu li l-affarijiet sejrin tajjeb f’pajjiżna. 46% kienu jemmnu eżatt bil-kontra.
Tliet kwarti tal-Maltin jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Dan huwa tliet darbiet il-medja taż-żona ewro. Fl-2012, il-Eurobarometer wera li 50% ta’ dawk intervistati f’Malta kienu jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer ħażin. Dakinhar, 18% biss kienu jbassru li l-ekonomija Maltija se titjieb. Illum, dan il-proporzjon laħaq it-42%.
Filwaqt li fl-aħħar sena tal-gvern preċedenti kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija u kważi 40% mbeżżgħin mill-inflazzjoni, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 9% u 19% rispettivament. Filwaqt li fl-2012, 24% kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas għal 6%.
Anke fil-Qorti
La qed nitkellmu fuq is-servizz, irrid nirreferi għall-Quality Service Charter li nidejna din il-pimgħa għal kull min juża l-Qorti.
Aħna rridu metodu li jkun service-centred ċioè li kull min jaħdem il-Qorti jaf li qed jaħdem f’ambjent fejn qed jingħata servizz u li kull min juża l-Qorti jaf x’jistenna minn dak is-servizz. S’intendi fejn jidħol l-operat tal-ġudikatura hemm regoli differenti li ġew imsaħħa b’emendi Kostituzzjonali li għamilna fl-aħħar jiem, iżda dan iċ-Charter joffri elenku ta’ drittijiet amministrattivi.
Fil-mitt anniversarju mit-twelid tiegħu, il-poplu Malti u Għawdxi kollu jirringrazzja lil Dom Mintoff għal dak li għamel u wettaq
Dan hu biss il-bidu. Jien stess m’iniex kuntent mija fil-mija bir-riżultat finali għax irrid li ċ-Charter ikollu timeframes ċari ta’ kemm wieħed hu raġonevoli li jistenna fejn jidħol dewmien ta’ proċeduri. Biss kull vjaġġ jibda bl-ewwel pass u dan hu pass kruċjali li fuqu se nkomplu nibnu fiż-żmien li ġej.
Iċ-Charter jinkludi wkoll sett ta’ drittijiet proċedurali li joħorġu mil-liġi għal min hu arrestat, liema drittijiet saħħaħniehom bil-bosta fl-2014 u se nkomplu nsaħħuhom bħala garanzija għaċ-ċittadin kontra kull abbuż potenzjali mill-awtoritajiet. Nissuġġerixxi li tidħlu fis-sit justiceservices.gov.mt u tagħtu titwila lejn dan iċ-Charter, għallinqas fil-parti tad-drittijiet għal min hu arrestat għax se ssibuh interessanti ħafna.
Riformi li qed jaħdmu
Dan iċ-Charter nidejnieh fil-kuntest ta’ sensiela twila ta’ riformi li qed jaħdmu u jħallu r-riżultati, kemm fil-kamp kriminali u iktar u iktar fil-kamp ċivili. Veru, għadna ma wasalniex iżda x-xogħol qed jinħass u n-numri ma jigdbux.
Għall-ewwel darba f’dawn is-sittax-il sena minn kemm ilha tinżamm l-istatistika in-numru ta’ kawżi pendenti fiċ-ċivil niżel taħt l-10,000. Minkejja dan il-qtugħ iktar ta’ kawżi, partikolarment fl-ewwel istanza, hemm qrati tal-Appell li tjiebu ħafna bħalma huma l-Qrati tal-Appell Inferjuri fil-kamp Ċivili. Hemm qrati oħra tal-Appell li jidher li rridu naħdmu kollettivament iktar biex inkomplu nimxu ’l quddiem.
Il-kmiem għadhom imxammrin u se nkomplu naħdmu.