In-nuqqas ta’ dinjità tad-dfin f’Malta
Kull min kellu l-isfortuna li jattendi għad-dfin jew it-tindif ta’ qabar ta’ xi ħadd għażiż tiegħu sata’ jixhed b’liema nuqqas ta’ dinjità huma trattati l-fdalijiet tal-katavri
Kull min kellu l-isfortuna li jattendi għad-dfin jew it-tindif ta’ qabar ta’ xi ħadd għażiż tiegħu sata’ jixhed b’liema nuqqas ta’ dinjità huma trattati l-fdalijiet tal-katavri.
Rapport estensiv fis-Sunday Times of Malta (3.7.2016) kixef fatti primittivi u xokkanti dwar kif id-deffiena jittrattaw il-fdalijiet tal-katavri. Apparti n-nuqqas ta’ rispett għall-fdalijiet, dawn il-ħaddiema qed jirriskjaw saħħithom.
Ħafna nies f’Malta jsostnu li wasal iż-żmien biex fi gżiritna tidħol il-prattika tal-kremazzjoni. Din, fil-fatt, mhix xi ħaġa ġdida: Tony Pace, fuq l-istudji ta’ Temi Zammit (1916), jaħseb li l-prattika tal-kremazzjoni f’Malta diġà kienet teżisti fi Żmien il-Bronż.
Il-kremazzjoni għandha storja mħallta fil-Mediterran. L-Eġizzjani daqqa aċċettawha u daqqa le. Fiż-żmien meta qatgħuha, kiteb Erodotu, il-Feniċi reġgħu tawha postha.
Xi jżomm il-prattika milli tiddaħħal f’Malta? Kumpaniji li joffru servizzi funerarji, iqisu li m’hawnx domanda biżżejjed, iżda hemm possibilitajiet f’inħawi bħal Sqallija, Londra, l-Olanda u l-Ġermanja. Sorsi oħra jgħidu li l-kremazzjoni ta’ katavru, bir-rispett u d-dinjità kollha, hija orħos mix-xiri ta’ biċċa art għall-iżvilupp jew biex takkwista qabar.
Jiġifieri anki l-katavri huma marbutin ma’ kriterji kummerċjali.
Ir-rapport dwar il-faqar
Ir-rapport reċenti pubblikat mill-Caritas Malta ġibed ħafna attenzjoni mill-media.
L-istudju ta’ Caritas Malta, A Minimum Essential Budget for a Decent Living irid jitqiegħed fil-kuntest ta’ min qed jiffanga fil-flus, il-propjetà u l-proġetti ta’ miljuni fuq miljuni. L-istudju li ħareġ dan l-aħħar jirrappreżenta aġġornament li l-istess Caritas (aġenzija tal-Knisja) kienet ħarġet fi studju simili fl-2012.
Caritas stabbiliet kemm jiswa “basket” ta’ servizzi essenzjali għall-familji bi dħul baxx biex jistgħu jgħixu ħajja deċenti. Il-bżonnijiet ta’ dawn il-familji jinkludu servizzi li llum jitqiesu bħala bażiċi: iġene, mediċini, telefonija, media elettronika bħall-internet, ilma, gass, uniformijiet għat-tfal tal-iskola u trasport pubbliku.
Dan il-basket ikopri biss dawk il-ħtiġijiet li huma tassew neċessarji. Id-dħul ta’ familji privi hu inqas minn dak li għandhom bżonn għal dak li hu essenzjali. Apparti dan, l-anzjani jistgħu jkunu qed jiffaċjaw diversi spejjeż li mhumiex ikkunsidrati fil-basket.
Il-Caritas Malta qed tittama li dan l-istudju jservi ta’ strument effettiv biex jgħin lill-policy makers jieħdu deċiżjonijiet favur dawk fir-riskju tal-faqar jew li huma, attwalment, diġà fil-faqar.
Ix-xena globali hi wisq aktar oxxena. Skont statistika tal-Oxfam il-ġid li jippossiedu l-aktar 85 persuna sinjura tad-dinja jammonta għal daqs il-ġid li għandha nofs il-popolazzjoni l-aktar fqira tad-dinja. Fost dawk il-85 persuna hemm Donald Trump, ir-repubblikan razzist li jippretendi li għandu jkun il-president tal-Istati Uniti, l-aktar pajjiż potenti u anomalu tal-pjaneta.
Meta żort New York bqajt skandalizzat bl-imċerċrin reqdin fl-intrati tal-ħwienet, fuq kaxxa tal-kartun miftuqa u mgħottijin bil-plastik. Oħrajn kienu jippruvaw jisħnu mis-sħana li titla’ mill-ispralli taħt l-art tal-kċejjen tar-restoranti. L-ikel kienu jġibuh billi jqallbu, bħall-ġrieden, fil-kontenituri tal-iskart.
Fid-dinja tal-lum, 21,000 persuna jmutu kuljum minħabba l-ġuħ. F’Malta ma wasalniex s’hawn imma lanqas ma nistgħu nibqgħu nitkellmu dwar “faqar relattiv”. Il-fqar tad-dinja qed imutu b’kull xorta ta’ mard, kaġun ta’ politika maħmuġa u korrotta. Eluf ta’ nies qed imutu kuljum b’mard kurabbli bħall-pnewmonja, il-malarja, il-ħożba, is-sogħla konvulsiva u t-tetnu.
Fiċ-ċentinarju tal-battalja
Fil-bidu ta’ Lulju, il-kanali awdjo-viżivi kontinentali taw importanza lill-ewwel ċentinarju tal-Battalja tal-belt fortizza ta’ Verdun u l-Wied ta’ Somme. Din il-battalja, hi waħda mill-aktar imdemmija fl-istorja moderna tal-umanità.
F’dan il-konfront bejn il-Ġermanja, Franza u l-Ingilterra, tilfu ħajjithom mal-miljun u mitejn elf suldat. Intuża għall-ewwel darba il-gass tossiku.
Skont statistika tal-Oxfam il-ġid li jippossjedu l-aktar 85 persuna sinjura tad-dinja jammonta għal daqs il-ġid li għandha nofs il-popolazzjoni l-aktar fqira tad-dinja
Alleati mal-Ingilterra kien hemm l-Awstralja, il-Kanada, l-Indja, in-New Zealand, is-Sud Afrika u r-Rodeżja, fost oħrajn. Il-Batttalja ta’ Verdun u Somme damet sejra minn Lulju sa Novembru tal-1916. Baqgħet magħrufa, fost deskrizzjonijiet oħra, bħala l-battalja tat-trunċieri, tal-pala għat-tħaffir, il-wajer u l-isplussivi.
Bosta vittmi tal-Battalja ta’ Somme jinsabu midfunin f’oqbra bla ismijiet. Is-sit hu dominat minn monument famuż.
Hillary clinton fil-lenti tal-FBI
Ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti, l-FBI kienet qed tinvestiga lil Hillary Clinton talli għamlet użu minn email server privat meta kienet tokkupa l-pożizzjoni ta’ Segretarju tal-Istat.
Il-kandidata għall-Partit Demokratiku mhux l-ewwel darba li spiċċat taħt il-lenti tal-investigaturi. U dan qed jixħet fokus pubbliku intensiv u jistaqsi dwar il-vjabilità ta’ Hillary Clinton bħala kandidata presidenzjali.
Fost ħafna spekulazzjonijiet, jingħad li Hillary kienet laħqet kompromess ma’ żewġha Bill dwar il-ħafna relazzjonijiet li kellu man-nisa meta kien gvernatur ta’ Arkansas: kienu ftiehmu li hi tagħlaq għajnejha sakemm hu joffrilha impjieg tajjeb ħafna. L-iskandli ta’ Bill Clinton kienu jmorru ’l hinn mill-ħafna każi ta’ adulterju tiegħu (l-aktar każ notorju kien dak tas-sess ma’ Monica Lewinsky, intern fil-White House li għoddu wassal għall-impeachment tiegħu bħala president.)
Bill u martu Hillary kienu involuti fix-xiri ta’ biċċa art kbira ħdejn xmara fil-muntanji Ozark, fit-tramuntana ta’ Arkansas, immarkata għal żvilupp qawwi. Bill u martu ma ħallsux flus u l-kapital ħarġuhulhom il-partners legali Rose u Vince Foster. Iżda mbagħad, il-kumpanija ta’ dawn falliet u x-xiri tal-art waqa’. Vince instab mejjet f’park u l-verdett kien suwiċidju. Iżda kien hemm ħafna għajdut li Vince u Hillary kellhom relazzjoni sigrieta bejniethom.
Fost skandli oħra, Hillary kienet akkużata li kienet tkeċċi impjegati mill-White House u li bagħbset fil-files tal-FBI.