Fatti...

minn Claudette Abela Baldacchino, President ta' NL - Nisa Laburisti
 

Il-Freeport, il-Latrina f'Għar Lapsi u l-morning-after pill
Il-Freeport, il-Latrina f'Għar Lapsi u l-morning-after pill

Għar Lapsi

M'għandix dubju li ma’ kull ġurnata li tgħaddi jidħlu lmenti dwar il-latrina pubblika li hemm Għar Lapsi. Sena wara l-oħra, Maltin u turisti, jittamaw li jaraw titjib. Mhux l-ewwel darba li anke dehru ritratti jduru fuq is-siti soċjali u saħansitra fuq mezzi tal-aħbarijiet online li juru iswed fuq l-abjad drenaġġ ħiereġ minn xi katusa, jew saħansitra meta tuża l-flushing issib l-ilma flok jinżel 'l isfel jitla' 'l fuq u dan apparti irwejjaħ ma jinfelħux u ambjent li xejn ma huwa pjaċevoli. Taqa' taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, però setgħet ma kinitx. Hemm bżonn li xi ħadd jerfa’ r-responsabilità. Min jafni jaf li qabel il-Parlament Ewropew qattajt il-maġġoranza ta' ħajti fil-Kunsilli Lokali. Illum nara l-affarijiet minn barra u aktar minn qatt qabel nibqa' nemmen li n-nies, ma jinteressahomx ta' min hija r-responsabilità. Jinteressahom biss li jkollhom servizz tajjeb, jistennew li jkollhom ambjent tajjeb. Inutli, jkun hemm min jgħidli 'għax il-Kunsill Lokali m'għandux fondi biżżejjed'. Fl-opinjoni tiegħi, fejn Kunsill Lokali ma jiflaħx għar-resposabilità, il-Gvern għandu jidħol hu. Jieħu l-affarjiet u ż-żona f'idejh u ma noqogħdux induru 'l hemm u 'l hawn u ngħidu li għax hemm id-devoluzzjoni dan ma jistax isir. Fi żmien il-Prim Ministru Sant, kien il-Gvern li daħal biex jirranġa Buġibba. Illum ukoll jista' jkun il-Gvern li jidħol għal proġetti simili madwar Malta u Għawdex.

Birżebbuġa
Din l-istorja tal-Freeport fakkritni ħafna fl-eks Sindku ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia magħruf aħjar bħala r-Ricky li qatta’ wkoll għomru u żmienu fil-Kunsilli Lokali. Il-Port Ħieles dejjem kien fuq nett tal-aġenda tiegħu, u minn żmien għal żmien konna narawh jikkumbatti mal-amministrazzjoni preċedenti u l-awtoritajiet tal-freeport, daqqa minħabba ħaġa u daqqa oħra. Issa għandna sindku ġdid li wkoll spiċċa jrid jikkumbatti, din id-darba lill-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni. Simon Busuttil irid jespandi l-Freeport. Fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp u hekk taret mar-riħ il-wegħda tiegħu li “ODZ is ODZ” u l-protesti li għamel kontra bini f’ODŻ.

Is-Sindku l-ġdid u r-residenti ta’ Birżebbuġa jistgħu jserrħu rashom. Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Muscat huwa konxju mill-weġgħat tar-residenti ta' Birżebbuġa u tan-nies kollha tan-Nofsinhar ta’ Malta. Kien għalhekk li matul dawn l-aħħar ftit snin ingħalqet il-powerstation tal-Marsa, ser titneħħa l-power station li taħdem bil-HFO li huwa l-aktar żejt li jniggeż u ser titwaqqa’ ċ-ċumnija l-antika ta’ Dellimara, beda l-proċess biex jitneħħew it-tankijet tal-gass ta’ Birżebbuġa. Fl-inħawi bħalma huwa Wied il-Għajn, hemm maħsub l-akbar investiment dirett barrani, dak tal-American University of Malta, Pitch tal-Waterpolo u football f’Marsakala, kif ukoll riġenerazzjoni f’Marsaxlokk.

Però jidher li Simon Busuttil mhux kuntent b’din il-bidla pożittiva. Għalhekk “ixxokja ruħu” meta sema’ lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li ma jaqbilx li jitkabbar il-Freeport. Inħarsu ’l quddiem biex naraw dak li qed jgħid il-Prim Ministru jitwettaq.

Familji

Dan l-aħħar il-kwistjoni tal-IVF laqqgħetni ma’ tliet persuni partikolari. Wieħed minnhom missier, li tkellem miegħi dwar id-diffikultajiet li għaddiet u qed tgħaddi minnhom bintu u anke l-ispejjeż marbuta mal-IVF. Kien hemm ukoll mara li qaltli “Malta ma rnexxitilniex. Bagħtuna barra għax għalina hekk biss jidher li hi s-soluzzjoni. Għolja wisq barra però mhux se naqtgħu qalbna.” Tkellem miegħi wkoll raġel ieħor qalli “Marti – aħna għandna dritt, irridu u lesti li jkollna donazzjoni ta’ bajd (oocytes) però naf li hawn Malta din hija illegali - ma ssirx. Barra minn Malta tiġina għolja wisq, però ma naqtgħux qalbna” qalli dan ir-raġel. Ma skantajtx li fost min tkellem miegħi kien hemm żewġt irġiel. Din hija kwistjoni ta’ familja, però ġegħlitni nirrifletti mhux ftit. Min huwa milqut ħafna drabi jsofri fis-silenzju u kif tazzarda tistaqsi ‘trid titkellem ma’ xi gazzetta?’ t-tweġiba tkun ‘le, iebsa wisq għalina biex nagħmlu hekk’. Kien għalhekk li bħala Nisa Laburisti rreagixxejna għall-istatistika dwar l-IVF f’pajjiżna dan l-aħħar. Ħareġ ċar mill-istatistika li l-iffriżar tal-bajd mhux qed iwassal għar-riżultati mixtieqa u r-rata ta’ trabi li jitwieldu minn dan il-proċess hija inqas effettiva minn trattamenti oħra. Innotajna wkoll li l-istatistika turi li r-rata ta’ twelid mill-IVF f’Malta hija terz taħt il-medja Ewropea. Kien għalhekk ukoll li erġajna appellajna lill-Gvern biex iħaddan liġijiet tal-IVF li jirriflettu r-realtà tal-lum.

Morning After Pill

Fejn Kunsill Lokali ma jiflaħx għar-resposabilità, il-Gvern għandu jidħol hu

Jekk qatt kelli xi dubju li bħala nisa għad fadlilna x’naqdfu biex inkunu verament liberi komplejt nikkonfermah fl-aħħar ġimgħat. Ma nistax nifhem kif fl-2016 għadna qed niddiskutu l-kontraċettivi. Din tal-kontraċettiv tal-Emerġenza qed twassal biex kulħadd qisu sar espert fil-qasam u min huwa espert veru kważi kważi hemm minn qed jgħidlu ‘int ma tifhimx’. Bħala Nisa Laburisti nemmnu li ż-żmien tal-paroli għadda. Nappellaw lil dawk responsabbli biex ma jgħaddsux rashom fir-ramel u jaraw li bid-deċiżjonijiet tagħhom jagħtu lin-nisa Maltin id-dinjità li tisħoqqilhom.

More in Blogs