Is-‘south’ mhux landa taż-żibel...

L-Editorjal tal-ILLUM

Din il-ġimgħa, il-Malta Employers Association (MEA) ħeġġet lil kulħadd biex il-Freeport ma jsirx ballun politiku. Tajjeb. Naqblu, anke jekk neħtieġu ninsew li fil-fatt il-Freeport, bħal kull entità oħra mmexxija mill-Gvern ilha ballun politiku għal snin sħaħ. Mhux sigriet x’kulur riedu jkunu għajnejk u ta’ liema Ministru partikolari ridt tkun, biex malajr malar issib impjieg fil-Freeport. Imma ejja ninsew dan u naqblu li l-Freeport huwa parti importanti mis-sinsla ekonomika ta’ pajjiżna, li mingħajru ma nistgħux ngħaddu. 

Però dan ma jfissirx li kwalunkwe tkabbir tal-Freeport mhux kwistjoni politika. Dażgur li hi, għax fin-nofs hemm mhux biss l-interess ekonomiku tal-pajjiż, imma l-interess ukoll ta’ eluf kbar ta’ residenti li joqogħdu fiż-żona ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk. Jiġifieri ma nistgħux nitkellmu dwar tkabbir fil-Freeport qabel ma nevalwaw l-impatt diġà negattiv fuq ir-residenti kif se jkompli jikber. Għax vera qegħdin tajjeb f’dan il-pajjiż ta! Qisna qed ngħixu f’żewġ dinjiet: id-dinja tal-privileġġati u d-dinja l-oħra ta’ dawk li leħinhom ma jinstema’ qatt.

Nagħmlu diskussjonijiet ma jispiċċaw qatt fuq jekk għandniex intellgħu ’l fuq u jkollna ħafna sezzjonijiet tal-midja u għaqdiet ambjentali li, ġustament jitkellmu dwar l-inkonvenjenzi kbar li l-bini għoli fi rħula bħal Tas-Sliema jħalli. Imbagħad, Alla jbierek, f’sena waħda biss ixxerred iż-żejt fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa għal darba darbtejn, eluf ta’ ċittadini komplew jiffaċċjaw storbju kontinwu kuljum, u issa l-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jiġri jgħidilna kemm hu importanti li nkomplu nkabbru l-Freeport, u ħadd li hu ħadd minn kull għaqda f’pajjiżna ma jgħid nofs ta’ kelma.

Mela torri huwa inkonvjent, u krejn le? Min se jitkellem għan-nies ta’ Birżebbuġa u l-madwar? Il-Kap tal-Oppożizzjoni? Daqshekk ‘Idea Ambjent’ issa? X’se jgħidilhom lin-Nazzjonalisti li jgħixu f’Birżebbuġa Busuttil meta jħabbtilhom il-bieb? Se jwegħedhom li Gvern Nazzjonalista jerġa’ jħallihom jistennew għaxar snin u aktar, jittallbu biex tkun irranġata infrastruttura sportiva li kienet ilha mitluqa għal tant snin? X’se jgħidilhom? Li se jerġa’ jċaħħadhom minn kumpens ambjentali wara li jkun il-Gvern tiegħu stess li jkabbar il-Freeport u jiekol, prattikament bajja sħiħa?

Għalhekk eżatt, il-poplu tan-naħa t’isfel ta kinsa ’l barra lill-PN mill-Gvern u rregala l-aqwa riżultat li qatt ta lill-Partit Laburista. Għax għal bosta snin il-poplu tan-naħa t’isfel kien biss tajjeb biex jibla’ kull biċċa imbarazz, verament bħal-landa taż-żibel. U trid titratta lin-nies verament daqs biċċa imbarazz biex meta tkun fil-Gvern, tinjorahom u wara li jtuk tkaxkira madornali, terġa’ tinjorahom u tiftakar fihom biss meta tkun trid tara fejn se titfa’ tank tal-gass, krejn, fabbrika, impjant tar-riċiklaġġ, power station jew xi tank taż-żejt.

Iż-żmien li nittrattaw lin-nies daqs biċċa mbarazz għax ma jimlewx gazzetta jew għax hekk ġara dejjem, spiċċa. U jekk ħadd mill-għaqdiet u mill-midja mhi se titkellem għad-dritt li l-poplu tan-naħa t’isfel igawdi saħħtu u jkollu leħnu mismugħ f’deċiżjonijiet li jmissu lilu direttament, mela allura u bil-pjaċir kollu, dak l-irwol se naqduh aħna tal-ILLUM.

Iva, l-Freeport huwa importanti u jekk hemm bżonn nkabbru mela ejja ħa niddiskutu jekk, meta u kif dan għandu jsir. Però nistennew ukoll li bħalma jiġri dejjem f’postijiet oħrajn, it-tkabbir industrijali f’post li huwa diġà industrijalizzat biżżejjed, ikun diskuss b’mod li jirrispetta saħħet ir-residenti. Nistennew lil min ġie riġettat elettoralment bl-aktar mod goff fl-aħħar elezzjoni juri nitfa diċenza u qabel joħroġ favur aktar industrija wara bieb in-nies, jitkellem u jifhem minn xiex għaddew u għaddejjin l-istess nies.

L-ambjent huwa tagħna lkoll u għax ħadd mhu għar-rimi u għax il-vot ta’ kulħadd għandu l-istess saħħa, kulħadd għandu jkollu ċ-ċans li jsemma’ leħnu u li jsib min lest li jwassal dak il-leħen.

 

More in Blogs