Boomerang
Bl-istrateġija ta’ żvugar ta’ ħdura li qabad Simon Busuttil kontra kull ħaġa li hi konnessa mal-Gvern, fl-aħħar mill-aħħar se jispiċċa jweġġa’ hu politikament u stendut mal-art. Fi kliem ieħor- boomerang.
Kull min bħali, għandu t-tfal żgħar jew inkella kull min hu dilettant tal-films, żgur ra xi xena f’xi film tal-fantaxjenza fejn fi ġlieda b’xi laser maġiku, wieħed jitfa’ r-raġġi jew sajjetti fuq l-ieħor, u l-ieħor bil-palma ta’ jdejh jaqbad dak li jkun ġej għalih b’subgħajh u jerġa’ jixħtu lura minn fejn ġie u l-ewwel wieħed jispiċċa mimdud mejjet mal-art.
S’intendi, m’għandniex xi ngħidu, dawn huma affarijiet tal-fantaxjenza però tarahom kemm tarahom, dawn it-tip ta’ xeni jibqgħu jogħġbuk.
Huwa evidenti li bħalissa, fil-Partit Nazzjonalista għaddej perjodu ta’ riflessjoni wara tliet snin u iktar ta’ Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil. Kif jien l-ewwel wieħed ili ngħid diversi drabi, bl-istrateġija ta’ żvugar ta’ ħdura li qabad Simon Busuttil wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet kontra kull ħaġa li anke inċidentalment hi konnessa mal-Gvern, fl-aħħar mill-aħħar kien se jispiċċa, bħal dak il-karattru tal-fantaxjenza li semmejt qabel, iweġġa’ hu politikament u stendut mal-art. Fi kliem ieħor- boomerang.
Mhux qed ngħid li min ikun fil-mira tal-iżvugar ta’ ħdura ma jħossx jew personalment ma jweġġax. Iweġġgħu huma u l-għeżież tagħhom. Iħossu li d-dinjità u r-reputazzjoni li tant ħadmu biex bnewha, ġiet imċaqqma. Iżda għal diversi raġunijiet, inkluż l-istorja politika nnifisha li turi hekk - infallibbilment l-iżvugar tal-ħdura jġiegħlek tkun popolari u kuntent mal-hardcore tiegħek momentarjament, però jċekknek mal-istragrandi maġġoranza tal-bqija tas-soċjetà li l-ħdura ddejjaqhom u li jinteressawha l-ideat u l-miżuri li bihom il-familji u negozji Maltin u Għawdxin jimxu ’l quddiem.
Mhux qed ngħid lanqas li l-istituzzjonijiet li jkunu fil-mira tal-iżvugar ta’ ħdura ma jħossuhiex. M’għandix dubju li l-Qrati, il-ġudikanti, l-Awtorità tax-Xandir, l-Awditur Ġenerali, l-Avukat Ġenerali, ix-Xandir Nazzjonali u issa l-FIAU ħassewha meta Simon Busuttil idawwar il-kanuni fuqhom min b’mod u min b’ieħor u jħossuha għax l-inġustizzja tweġġa’ u ddarras.
Biss fil-mument li jagħmel hekk, il-balla tal-kanun li jkun waddab Simon Busuttil iddur lura fuqu u tixħtu mal-art.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab spalla ma’ spalla mar-residenti ta’ Birżebbugia....ir-residenti ta’ Birżebbugia dan jafuh tajjeb ħafna
Mhux se nkun jien li nagħti lil Simon Busuttil pariri x’għandu jagħmel biex isir Oppożizzjoni kredibbli. Dak jarah hu.
Anke għax egoistikament nixtieq ħafna li Simon Busuttil jibqa’ hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Birżebbuġa
Għandhom raġun in-nies ta’ Birżebbuga jinkwetaw meta semgħu lil Simon Busuttil jagħti x’jifhem li hu favur li l-Freeport ikompli jespandi. Il-konsegwenza loġika hi wkoll li ladarba Simon Busuttil ta x’jifhem li hu favur li l-Freeport ikompli jespandi, allura huwa ta x’jifhem ukoll li jkun favur li l-Freeport tieħu art li bħalissa għadha mhix żviluppata (ODZ).
Meta kont għadni naħdem ta’ Avukat fl-uffiċċju ż-Żejtun kienu spiss jiġu residenti minn Birżebbuga jilmentaw miegħi dwar l-istorbju li kien tant idejjaqhom u li kien ikun ġej mill-Freeport. L-istess residenti għadhom jiġu jkellmuni llum u nissimpatizza ħafna magħhom.
Allura meta semgħu lil Simon Busuttil jagħti x’jifhem hekk, bir-raġun inkwetaw li s-salib li qed iġorru bħalissa, jekk Simon Busuttil kellu jsir Prim Ministru, se jkompli jikber.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab spalla ma’ spalla mar-residenti ta’ Birżebbuga.
Din hi d-differenza bejn iż-żewġ mexxejja. Ir-residenti ta’ Birżebbuga dan jafuh tajjeb ħafna.
Irqad
Naf li għal ħafna nies, tinstema’ xi ħaġa mhux importanti, iżda l-ammont ta’ sigħat li wieħed jorqod kien dejjem suġġett li jinteressani u kull artiklu li jiġi għal idejja li jiddiskutu dan, naqrah minn fuq s’isfel.
Ili ħafna nsegwi dan is-suġġett għaliex nemmen li l-ammont ta’ sigħat li wieħed jorqod huwa fattur determinanti dwar kemm bniedem kapaċi jagħmel sigħat produttivi matul il-ġurnata, u kemm bniedem hu effettiv f’xogħlu u fil-ħarsien tas-saħħa tiegħu.
Iż-Żejtun, fejn trabbejt, kien hemm qisu l-idjoma li bniedem għandu jimxi mar-regola ta’ tmien sigħat – tmien sigħat irqad, tmien sigħat xogħol u tmien sigħat mal-familja jew mistrieħ.
Malajr indunajt li fis-seklu 21, din l-idjoma tat-tmien sigħat ma taħdimx!
Skoprejt li ħafna nies fin-negozju u l-politika barra minn Malta li għamlu suċċess, iddixxiplinaw lilhom infushom li jorqdu sitt sigħat, bl-iktar ħinijiet popolari fost dawn ikun li jorqdu bejn nofsillejl u s-sitta ta’ filgħodu.
S’intendi, kruċjali ma’ dan kollu hu t-tip ta’ ikel u xorb li wieħed jiekol u l-eżerċizzju li wieħed jagħmel biex jiffaċilità l-aqwa output li wieħed jista’ jikseb.