RAI Storia: L-Olimpjadi ta’ Hitler
L-Olimpjadi ta’ Berlin tal-1936 urew lid-dinja l-esperjenza tar-rapport bejn l-isport u r-ruħ...
Rai Storia hu kanal affaxinanti li jgħaqqad l-istorja mal-kultura b’mod uniku. Ma setax jonqos li f’dawn il-ġranet l-istazzjon ma jmurx lura għal-leġġenda tal-Olimpjadi Nażisti f’Berlin fl-1936. Hitler ma kienx se jitlef l-opportunità li juri lill-Ewropa u lid-dinja l-potenza politika tal-Ġermanja.
Fin-nofs kien hemm il-bellezza u l-“ispiritwalità” marbuta mal-ġisem uman. L-Olimpjadi ta’ Berlin urew lid-dinja l-esperjenza tar-rapport bejn l-isport u r-ruħ.
Rai Storia skava l-arkivji u saħansitra wera filmat ta’ logħba futbol bejn l-Italja u l-Awstrija (2-1 favur l-Italja). Berlin 1936 kien spiċċa b’film spettakolari dirett minn Leni Riefenstahl, distinzjoni oħra tad-dinamika femminista ġdida tal-epoka Hitlerjana li kienet tikkuntrasta mall-kult tal-maternità li n-Nażisti wkoll ippropagaw b’mod konsistenti.
L-OLIMPJADI TA’ RIO
Jekk ninsew il-mijiet ta’ artisti, disinjaturi, ħajjata u nies tal-ispettaklu skjerati għall-ftuħ tal-Olimpjadi ta’ Rio, il-belt li qed tospita l-logħob baqgħet assedjata minn għadd kbir ta’ problemi, ibda minn siti ta’ kostruzzjoni u spiċċa fit-tniġġiż serju tal-baħar fejn se jsiru l-kompetizzjonijiet tal-ibburdjar, il-qdif u fuq kollox, l-għawm innifsu.
Ħafna atleti rriffjutaw li jinżlu f’dak l-ilma kontaminat, anki minn ħmieġ uman, tal-bhejjem u ħmieġ kimiku. Hemm ukoll ilmenti dwar l-arja kontaminata. Imma l-awtoritajiet qed isostnu li f’Rio tnaddaf 63% tat-tniġġis.
Qed jissemmew ħafna problemi oħra: għaliex intefqu dawk il-miljuni kollha fuq il-logħob minflok fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-esklużjoni soċjali?
Iż-Żika hi problema serja oħra u kien hemm atleti li rrifjutaw li jieħdu sehem. Hemm eluf ta’ atleti jikkompetu minn 200 pajjiż. Il-belt żiedet is-sigurtà bi 80,000 aġent.
Hemm imbagħad il-problema ġeopolitika dwar id-doping ta’ bosta atleti Russi. Forsi l-aktar fattur pożittiv li ħareġ minn Rio hu s-sehem, għall-ewwel darba, ta’ skwadra ta’ refuġjati (43 atleta).
L-istazzjonijiet kollha qed joffru servizzi estensivi dwar il-logħbiet. Il-BBC għandhom uħud mill-aħjar servizzi, bi trasmissjonijiet mill-erba’ kontinenti.
IL-QERQ TA’ TONY BLAIR DWAR L-INVAŻJONI TAL-IRAQ FL-2003
Fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju l-eks Prim Ministru Ingliż sejjaħ konferenza stampa (li damet għaddejja sagħtejn u li għaliha attendew bi ħġarhom ġurnalisti Britanniċi u Ewropej) biex jiġġustifika ruħu għaliex issieħeb mal-Istati Uniti fl-invażjoni tal-Iraq fl-2003.
Il-konferenza ssejħet wara li nħareġ ir-rapport ta’ Sir Chilcott dwar l-oġġettivi u l-motivi li qanqlet l-Amerika biex tinvadi l-Iraq u twaqqa’ mill-poter lil Saddam Hussein. Il-familjari tas-suldati Ingliżi maqtula (179 bejn irġiel u nisa) kienu mwiegħda li r-rapport kien se jieħu sena biex jitlesta, imma fil-fatt ħa seba’ snin.
Fil-qofol tiegħu r-rapport Chilcott ried jara kienx veru li Saddam Hussein kellux armi tossiċi (WMD) imma l-ispetturi min-Nazzjonijiet Uniti qatt ma sabu xejn. L-invażjoni tal-Iraq kienet ibbażata fuq ossessjoni u kampanja ta’ gideb. Sata’ kien hemm soluzzjonijiet paċifiċi, imma l-Istati Uniti riedet tmur għall-gwerra akkost ta’ kollox. U finalment l-iskuża tal-WMD kienet gidba. L-ispetturi tan-NU la sabu armi kimiċi u lanqas bioloġiċi.
Il-waqgħa u l-qtil ta’ Saddam Hussein (u ż-żewġ uliedu) kienet mgħaġġla, imma daqstant ieħor kien mgħaġġel il-kaos li nħoloq wara. Il-pajjiż spiċċa f’arena ta’ vjolenza tribali, serq bl-addoċċ u tifrik tal-patrimonju kulturali. It-truppi Amerikani u Britanniċi, megħjunin minn kontinġenti barranin żgħar mill-eks Unjoni Sovjetika, ingħaqdu fil-koalizzjoni. Iżda kien hemm oppożizzjoni qawwija mill-biċċa l-kbira tal-Ewropa: Franza, ir-Russja u l-Ġermanja.
Waqt il-konferenza stampa Tony Blair lagħabha ta’ martri li ma setax jagħmel mod ieħor, għax il-koalizzjoni kienet qed titmexxa minn superpotenza: “Poġġu ruħkom fiż-żarbun tiegħi. Xi stajt nagħmel bħala alleat tal-Istati Uniti?”
Dak il-waqt, ġurnalist Ingliż qam iwieġeb: “Għax ma poġġejtx lilek innifsek fiż-żarbun ta’ dawk li kont qed tibgħat għall-mewt?”
Mistoqsi dwar il-qagħda ta’ wara Saddam fl-Iraq, aġent tas-sigurtà qal hekk: “Qabel kellna Saddam wieħed u issa għandna elf.”
Fl-indirizz tiegħu lill-Akkademja Svediża tan-Nobel fl-2005, id-drammaturgu ċelebri Harold Pinter tkellem bla tlaqliq dwar l-imperjaliżmu tal-Istati Uniti. Kien tkellem bla heda kontra l-gwerra fl-Iraq. Pinter indizja wkoll lill-Britannja bħala junior partner imqabbda mad-dublett tal-Amerika: “Bush u Blair huma kriminali, kompliċi li jridu jissottomettu l-pjaneta għar-reġim konġunt tagħhom.”
Harold Pinter (1930-2008) kien akkuża liż-żewġ kompliċi fit-tixrid tal-gideb u t-tixwix: “In-nies tal-arti għandhom l-obbligu li jikkumbattu u jħottu din ix-xibka ta’ gideb.”
Tony Blair lagħabha ta’ martri li ma setax jagħmel mod ieħor, għax il-koalizzjoni kienet qed titmexxa minn superpotenza
Ir-Rapport ta’ Inkjesta li mexxa Sir John Chilcott hu wieħed tassew dettaljat u estensiv. Fih 2.2 miljun kelma, hu kkalkulat li hu erba’ darbiet aktar twil mir-rumanz klassiku famuż Paċi u Gwerra (1869) ta’ Lev Tolstoi..