L-AirMalta ta’ Għawdex
Il-Kandidat tal-PN fuq it-Tlettax il-Distrett Ryan Mercieca jitkellem dwar il-Gozo Channel u l-bżonn li din tibqa' tkabbar il-potenzjal tal-gżira Għawdxija
Bħala Malti u nazzjonalist….nazzjonalist mhux biss għax kandidat tal-Partit Nazzjonalista imma għax kburi u nemmen b’pajjiżi…qed insegwi mill-qrib l-iżviluppi tal-futur tal-AirMalta. Bħali Għawdxi u nazzjonalist….nazzjonalist mhux biss għax kandidat tal-Partit Nazzjonalista imma għax nemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex ma nistax ma nagħmilx l-osservazjoni li daqs kemm hi importanti l-AirMalta għal Malta hija importanti l-Gozo Channel għal Għawdex. Il-Kumpanija Gozo Channel għandha valur strateġiku u ekonomiku enormi mhux biss għal Għawdex imma anke għal Malta bħala pajjiż, għaliex fl-aħħar mill-aħħar meta nitkellmu fuq Għawdex qed nitkellmu fuq terz tat-territorju ta’ pajjiż żgħir u gżira stat.
Meta nitkellmu fuq l-aċċesibiltà u l-futur ta’ Għawdex irridu nħarsu lejn il-Kumpanija Gozo Channel bħala assi għal pajjiżna u għalhekk għandna naħdmu biex, mhux biss tkun tista’ tilqa’ l-isfidi li qed tiffaċċja, iżda biex tkompli tikber, timraħ, tespandi u tkun ażjenda li toffri impjiegi ta’ kwalità lill-ħaddiema tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-funzjoni tal-Gozo Channel; huwa kburi bir-rwol prinċipali li kellha biex Għawdex trasformat ruħha f’gżira moderna u miftuħa u huwa kburi bil-kontribut li l-ħaddiema tagħha dejjem taw. Tħares minn fejn tħares lejha, il-Kumpanija Gozo Channel għandha valur kruċjali għall-futur tal-ekonomija ta’ Għawdex. Din il-kumpanija hija infrastruttura għalina l-Għawdxin; hija triq fil-baħar.
Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun kburi wkoll li kienu gvernijiet Nazzjonalisti li kabbru din l-kumpanija u sar l-investiment fi tliet vapuri ġodda u anke fit-terminals tal-Imġarr u Ċirkewwa, kif ukoll skeda li tkopri 24 siegħa tal-ġurnata.
L-aċċessibilità ta’ Għawdex hija kruċjali għall- pajjiżna
La darba Għawdex hija gżira, l-aċċessibilità ta’ Għawdex hija kruċjali għall- Għawdxin però wkoll għal Malta, għaliex Għawdex huwa terz tat-territorju ta’ pajjiżna u għalhekk għandu jkun assigurat li l-irbit ta’ Għawdex ma’ Malta mhux talli ma jonqosx, iżda jiżdied. Dan jista’ jseħħ kemm permezz ta’ servizz fast ferry għal Malta, servizz tal-ajru kemm bejn Għawdex u Malta kif ukoll bejn Għawdex u reġjuni oħra. F’ekonomija moderna l-konnesjonijiet ta’ Għawdex għandhom ukoll jinfetħu permezz ta’ Fiber Optic Cable ieħor.
Importanti li wieħed għandu jagħmel enfasi li l-ekonomija għandha tkun hemm għan-nies, biex il-politiċi jgħinu lin-nies jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar u mhux ekonomija li tiżdied fin-numri u mhux fil-kwalità.
Ħsieb Ġdid
Il-ħsieb u l-missjoni tal-kumpanija Gozo Channel huwa xprunat mill-bżonn kritiku tal-konnettività ta’ Għawdex u għalhekk f’dan il-kuntest, il-gvern bħala l-azzjonist ewlieni għandu jikkunsidra li jħajjar investiment mill-pubbliku u mill-istituzjonijiet lokali permezz ta’ ħruġ ta’ ishma. Flimkien mal-investiment mill-pubbliku, l-impjegati tal-Gozo Channel għandhom jkollhom ukoll l-opportunità li jinvestu fl-ażjenda li jaħdmu għaliha li dan iffisser ukoll investiment f’ Għawdex.
L-impjegati għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kumpanija, mhux biss mil-lat ta’ kontroll tal-ispiża iżda wkoll mill-aspett tal-parteċipazzjoni tagħhom it-tkabbir u t-tisħiħ tagħha u fuq kif huma jistgħu jibbenefikaw mit-titjib finanzjarju fir-riżultati tal-kumpanija.
Il-ħsieb u l-missjoni tal-kumpanija Gozo Channel huwa xprunat mill-bżonn kritiku tal-konnettività ... l-gvern għandu jħajjar investiment mill-pubbliku u mill-istituzjonijiet lokali permezz ta’ ħruġ ta’ ishma
Il-ħaddiema tal-Gozo Channel m’għandhomx jiġu trattati bħala piż iżda bħala riżorsa li għandha tibqa’ trendi ekonomikament. Il-ħaddiema mhumiex għar-rimi u għaldaqstant għandhom jiġu addottati prattiċi innovattivi li mhux biss jipproteġu l-impjieg tal-ħaddiema iżda joffru aktar opportunitajiet biex ikunu jistgħu jtejbu d-dħul tagħhom.
Fl-isfond tax-xejriet pożittivi, il-passiġġiera li jagħmlu użu mill-vapuri baqgħu jiżdiedu sena wara oħra f’dawn l-aħħar snin, kif ukoll għall-fatt li wasal iż-żmien li l-Gozo Channel tibda taħseb dwar il-futur tal-flotta, din għandu jkollha l-fakultà li tinvesti biex issaħħaħ il-flotta tagħha u li tkun tirriffleti aktar il-bżonnijiet tal-Għawdxin. Dan kollu jista’ jwassal biex mhux biss il-kumpanija ssostni l-isforzi tagħha għall-viabbilità, iżda wkoll biex il-ħaddiema jkollhom inċentivi dejjem akbar biex huma stess jinvestu fil-kumpanija.
Fatti mhux paroli
Il-futur tal-Gozo Channel kif ukoll il-futur tal-aċċessibbiltà ta’ Għawdex għandu jieqaf ikun biss fil-metri ta’ rapport u paroli tad-diskori imma li jsir fatti konkreti. Hemm bżonn ir-rieda politika li ssir ġustizzja mal-gżira Għawdxija u ġustizzja mal-Għawdxin.
Ma għadniex inħarsu lejn il-Kumpanija Gozo Channel bħala waħda ta’ sempliċi profitt jew telf. Din il-kumpanija hija t-triq tagħna l-Għawdxin, Maltin u turisti li jiġu Għawdex. Il-Kumpanija Gozo Channel hija waħda ta’ servizz infrastruturali però wkoll ta’ servizz soċjali. Mingħajr ma wieħed jeskludi studji u implementazzjoni ta’ proġetti oħra bħal sistema ta’ taħt il-baħar u ta’ konnettività bl-ajru, Għawdex u l-Għawdxin ma jistgħux jibqgħu jistennew.
Ryan Mercieca huwa kandidat tal-PN fuq it-13-il distrett