Il-mediċina meħtieġa għall-ekonomija reali

'Minflok ma jirrikorri għall-ħasliet minn fuq il-pulptu, il-gvern għandu jara għala hawn dawn in-nuqqasijiet tas-suq fis-settur bankarju f’pajjiżna'  -  Joe Ellis 

F’din l-aħħar ġimgħa kompla għaddej id-dibattitu dwar is-settur bankarju f’pajjiżna. Biżżejjed wieħed isemmi illi l-ġurnali tal-Allied Newspapers iddedikaw żewġ editorjali fuq is-suġġett: wieħed il-Ħadd u l-ieħor il-Ħamis. Fiż-żewġ editorjali, il-banek ingħataw assoluzzjoni sħiħa u l-ġurnali ma sabu xejn xi jmaqdru dwar il-prattiċi bankarji. Il-kelma “prudenza” kienet imċappsa f’kull rokna. Huwa ċar illi l-fraternità bankarja ma aċċettatx il-kritika illi saritilha u qiegħda ttella’ l-barrikati.

Nhar it-Tnejn li għadda fuq il-ġurnal Taljan “Repubblica” deher artiklu intitolat “Cinque Medicine per le Banche” fl-ewwel paġna ta’ Marianna Mazzucato, “professor in the economics of innovation” fil-University of Sussex. L-analiżi tagħha għandha wkoll relevanza għal Malta kif sejrin naraw. Mazzucato bdiet biex tgħid illi l-finanza hija l-pedament ta’ kull sistema kapitalista. L-ewwel punt tagħha hu illi l-flus mhumiex biss strument li jissostitwixxi d-deheb imma bil-garanzija tal-istat, jirrappreżenta l-ħolqien tad-dejn, proċess ċentrali tas-sistema kapitalista. 

Fit-tieni lok, il-finanza fit-teorija għandha toħloq dejn biex tiffinanzja t-tkabbir tal-attività fl-ekonomija reali. Madankollu, wara d-deregulation tas-sistema finanzjarja fis-snin sebgħin, il-finanza spiċċat biex tiffinanzja ... il-finanza. Fil-maġġorparti tal-pajjiżi tal-punent fl-aħħar għoxrin sena, il-valur miżjud tal-intermedjazzjoni finanzjarja żdied aktar mill-ekonomija reali. Fi kliem ieħor, kompliet Mazzucato, il-banek ippreferew isellfu l-flus lil min jiġġestixxi l-flus minflok għall-attivatijiet produttivi. U għalhekk wasalna fil-bużżieqa li nfaqgħet fl-2007.

Fit-tielet lok, fl-Italja (u din forsi tapplika f’miżura ferm anqas f’Malta wkoll), mal-problema globali tal-finanza, wieħed irid iżid il-mod kif ingħata self fuq bażi ta’ interessi klijentari. Jekk minflok għab-bażi ta’ ġudizzju objettiv tan-natura produttiva ta’ investiment illi jkejjel il-qligħ potenzjali, il-kreditu jingħata skont loġika klijentari, is-sistema ma tibqax kapaċi illi tikber u tirrinova ruħha. Kumbinazzjoni fil-jum ta’ qabel deher artiklu fl-ewwel paġna fil-“Corriere della Sera” ta’ Ernesto Galli della Loggia intitolat “Quei notabili locali tra soldi e potere” dwar il-klijentaliżmu u l-konflitti t’interessi illi għarraq ħafna banek Taljani, speċjalment dawk lokali. Il-flus u l-poter tassew spiss imorru id f’id u dan hu l-periklu jekk wieħed jippermetti illi d-deċiżjonijiet dwar self jiġu ddettati minn loġiċi politiċi u klijentari.

Fir-raba’ lok, Mazzucato tgħid illi meta t-tkabbir ekonomiku huwa baxx kif kien fl-Italja f’dawn l-aħħar għoxrin sena u l-produttività tibqa’ wieqfa, il-finanza u l-klijentaliżmu jitħawdu f’aktar intriċċi. Jekk ma jitfaċċawx azjendi tajbin biex wieħed jiffinanzja u ma jkunx hemm opportunitajiet sabiex wieħed jinvesti fi proġetti validi fl-ekonomija reali, is-sistema tkompli tinvesti fil-finanza spekulattiva jew fir-rapporti klijentari. Il-problema ħafna drabi mhix l-offerta imma d-domanda għall-kreditu da parti ta’ azjendi validi. 

Fil-ħames lok, biex wieħed jiġġenera t-tkabbir, jeħtieġ sistema tal-kreditu paċenzjuża illi ssegwi strateġija fit-tul. Mingħajr finanza pażjenti, ma jkunx hemm tkabbir tal-ekonomija reali. U jekk ma jkunx hemm tkabbir tal-ekonomija reali, il-finanza ssir roulette illi fuqha jsiru l-imħatri fuq il-flus. 

Mazzucato kkonkludiet billi qalet illi storikament is-self b’riskju għoli tal-bidu kien dejjem mogħti permezz ta’ forom varji ta’ finanza pubblika. Wara biss jitħajru l-venture capitalists privati. Semmiet fost l-oħrajn l-eżempju tal-fond pubbliku Iżraeljan ta’ venture capital Yozma u l-bank pubbliku tedesk, KfW. Dawn l-istrutturi ma jeżistux fl-Italja (u lanqas f’Malta) u l-istat għandu jinterveni fejn is-settur privat m’għandux kuraġġ imur. 

Ħassejt illi dina l-analiżi hija ferm pertinenti anke għal Malta. Huwa fatt illi l-banek Maltin għadhom jirrikorru għal metodi tradizzjonali ta’ finanzjament. F’pajjiżna ma jeżistux strutturi ta’ “venture capital” illi permezz tagħhom bank jew istitut finanzjarju jista’ jieħu sehem f’negozju wara illi jipprovdi l-finanzi meħtieġ, sehem li mbagħad jista’ jbigħ bi qligħ. Lanqas jeżistu strutturi ta’ “leasing” illi permezz tagħhom bank jew istitut finanzjarju jixtri makna illi jikriha lill-azjenda illi wara ċertu numru ta’ snin ikollha l-għażla illi tixtriha bi prezz nominali. Min irid jinvesti fl-industrija jrid jipprovdi ipoteka għall-valur sħiħ tas-self meħtieġ sabiex jixtri l-makna u ma jistax juża l-istess makna bħala garanzija tal-ħlas kif isir fil-“leasing.” U għalhekk bilfors tqum id-domanda għala l-qasam bankarju f’pajjiżna mhux qed jipprovdi din l-għodda indispensabbli għall-ekonomija reali. Minflok il-banek huma medhijin fis-self sabiex iħeġġu l-ferneżija konsumistika, self għall-karozzi, għal dgħajjes u sabiex tirranġa d-dar tiegħek. Wieħed dan jista’ faċilment jarah mir-reklami tal-banek fuq il-mezzi tax-xandir. 

Il-problema reali hi illi l-banek ma jridux jieħdu l-iċken riskju minkejja illi n-negozju tagħhom hu bbażat fuq ir-riskju

L-editorjali tat-Times ikkwotaw minn survey tal-Bank Ċentrali illi ġie kkwotat ukoll mill-Malta Bankers’ Association biex jagħtu l-impressjoni illi l-Maltin ferħanin bil-banek tagħhom. Kieku għamlu ftit aktar riċerka fuq is-sit tal-Bank Ċentrali kienu jsibu stampa ferm differenti. Ħu l-aħħar Financial Stability Report illi ħareġ il-Bank Ċentrali illi jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena 2015. L-istampa illi toħroġ hija ta’ banek illi saħħew il-qagħda patrimonjali tagħhom u naqsu s-self li ma kienx qed jitħallas lura. Minħabba illi d-depożiti dejjem jiżdiedu aktar milli jiżdied s-self, il-loan-to-deposit ratio illi fl-2011 kien aktar minn 72% illum nieżel għal 60.4%. Dan ifisser illi l-banek isellfu 60ċ għal kull ewro illi għandhom f’depożiti. Il-figuri komparattivi taż-żona ewro huma ftit aktar minn 100% kontra l-115% ta’ ħames snin ilu. 

Dan ir-rapport juri illi l-perċentwal ta’ non-performing loans naqas b’2.7% u aktar negozji u klijenti ħallsu lura s-self tagħhom. Ir-rapport jirrimarka wkoll illi dawn l-NPL’s huma koperti 64.5% b’garanziji u minħabba f’hekk, il-banek joqogħdu ferm lura milli jneħħu dan is-self minn fuq il-kotba tagħhom. F’Ġunju 2015, il-valur ta’ NPL’s illi ġie written off kien biss 1.2% tat-total. Altru illi d-diskors illi l-banek iridu jibqgħu prudenti huwa għalkollox mhux f’loku. Il-problema reali hi illi l-banek ma jridux jieħdu l-iċken riskju minkejja illi n-negozju tagħhom hu bbażat fuq ir-riskju.

Jekk wieħed jara kif l-aktar il-banek qed jagħmlu l-qligħ tagħhom wieħed jara illi f’dawn is-sitt xhur tal-2015, il-banek domestiċi kellhom dħul totali ta’ mgħax ta’ €183,465 miljun illi minnhom l-ammont sostanzjali ta’ € 135,329 kien ġej minn imgħax fuq intermedjazzjoni. Dan hu dak illi Mazzucato rreferiet għalih bħala finanzi għall-finanzi u bħala mħatri fuq roulette. M’għandix dubju illi l-banek Maltin huma ferm prudenti fl-investimenti illi jagħmlu imma jibqa’ l-fatt illi l-maġġorparti tal-qligħ tagħhom mhux ġejja mill-finanzjament tal-ekonomija reali. Fil-fatt, il-figura ta’ mgħax mis-self normali kienet ta’ € 48,136 miljun, kważi terz tal-ammont illi jdaħħlu mill-investimenti illi jwettqu. Tant kemm hi serja s-sitwazzjoni illi l-Bank Ċentrali ġieli lmenta illi ma jistax iwettaq il-politika ta’ quantitative easing għaliex il-banek Maltin ma jridux jinfatmu mit-titoli tal-istat illi għandhom. Fil-fatt ir-rapport imsemmi jikkonkludi illi “However, banks do not appear to be engaging in aggressive search for higher yield that would raise their risk profile, despite operating with ample liquidity.”

L-istess survey illi tant ġie kkwotat mil-lobby tal-bankiera fih din ir-rimarka illi wkoll tagħti lok għal ħafna riflessjoni: “This result broadly corresponds to the conclusions of a recent study that show that the interest rate pass-through in Malta is sluggish and that the transmission of changes in policy rates to the retail rates charged by banks has weakened even further after the crisis.” Fi kliem sempliċi, il-banek Maltin mhumiex inaqqsu r-rati tal-imgħax tagħhom bl-istess rata illi naqqashom il-Bank Ċentrali Ewropew. Dan hu ta’ detriment għall-ekonomija in ġenerali u speċjalment għall-azjendi illi jinvestu fl-ekonomija reali.

Minflok ma jirrikorri għall-ħasliet minn fuq il-pulptu, il-gvern għandu jara għala hawn dawn in-nuqqasijiet tas-suq fis-settur bankarju f’pajjiżna. Id-Direttorat tal-Konkorrenza għandu jinvestiga jekk jeżistux prattiċi anti-konkorrenzjali fis-settur bankarju malti. Wieħed jawgura illi t-tali investigazzjoni titwettaq b’mod ferm aktar spedit minn dik dwar il-pompi tal-petrol illi għadna nistennew il-konklużjonijiet tagħha. Barra minn hekk, għandu jirdoppja l-isforzi sabiex jitwaqqaf il-bank dwar l-iżvilupp ibbażat fuq il-KfW tedesk illi tant ilna nisimgħu dwaru. Il-poplu huwa mxebba’ u mdejjaq b’settur bankarju illi mhux jaqdih, illi jidher illi ħadd ma jista’ jmissu u illi jiċċarġja t-tariffi u l-imgħax illi jrid. Settur illi minkejja illi suppost huwa fin-negozju illi jieħu riskju assolutament ma jrid jieħu riskju ta’ xejn. 

Il-gvern irid jixpruna bidla fis-settur bankarju, b’inċentivi jew disinċentivi fiskali jekk meħtieġ, sabiex il-banek jibdew aktar jagħtu każ l-ekonomija reali. Dan irid isir bl-għodda regulatorja għad-disposizzjoni imma assolutament mhux billi jsiru pressjonijiet klijentari fuq il-banek. Il-pajjiż għandu bżonn settur bankarju dinamiku u illi jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi tiegħu u mhux settur illi hu maqful f’torri tal-avorju illi jinħeba wara ħafna diskors dwar il-prudenza sabiex jabdika mir-rwol tradizzjonali tiegħu illi jipprovdi likwidità lil min irid jaħdem.

More in Blogs