Il-ġid jiġi bl-għoli
"Huwa importanti illi f’dan il-ferħ ta’ ġenn, biex kulħadd jagħmel u jaqla’ l-flus, hekk kif ix-xemx metaforika qed tiddi, ma ngħamewx tant li ninsew illi daqs il-flus huwa importanti wkoll l-wirt imprezzabbli li sibna u li dmirna ngħadduh lil ta’ warajna"
Pajjiżna qed jesperjenza tkabbir ekonomiku, kważi, mingħajr ebda preċedent. Huwa vera li l-Ewropa qamet mit-tumakka finanzjarja u ekonomika li qalgħet u huwa vera wkoll li l-problemi u l-instabbilità f’numru ta’ pajjiżi fit-Tramuntana tal-Afrika qed jgħinu. Imma xorta, ir-riżultati eċċellenti, speċjalment fil-qasam tax-xogħol jibqa’ mertu kbir għal min huwa responsabbli mit-tmexxija ekonomika ta’ pajjiżna fil-mument.
L-għan tagħna llum iżda mhux li nelenkaw is-suċċessi li qed jagħmel il-pajjiż u nieqfu hemm. Imma li nelenkaw is-suċċessi pożittivi u l-effetti inqas pożittivi li dawn qed ikollhom.
Nawguraw ukoll li l-Gvern ta’ Muscat jara illi d-diffikultajiet u l-isfidi li qed joħloq dan is-suċċess, ikunu indirizzati kemm jista’ jkun malajr. Għax is-suċċess jiġi malajr, imma jintilef malajr ukoll.
Nibdew mill-kostruzzjoni. Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd illi bħalissa s-settur tal-kostruzzjoni għaddej minn perjodu pożittiv li ilu ma jesperjenza mill-aqwa tad-disgħinijiet. Dan ma ngħiduhx aħna, iżda jgħiduh dawk kollha li kemm jekk direttament u anke jekk indirettament jaħdmu f’dan is-settur. Dan qed iwassal biex firxa wiesgħa ta’ nies; min-nutara u l-periti u jibqa’ sejjer sal-bajjad, il-ħaddiem fl-elettriku u fl-ilma, tal-għamara, l-importatur u tal-madum u ħafna oħrajn bħalissa, litteralment u fil-vera sens tal-kelma, qed jiġri warajhom ix-xogħol. L-istess perjodu favorevoli ħafna qed jesperjenzawh dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-bejgħ u l-kiri tal-proprjetà jew li huma nnifishom huma sidien tal-proprjetà.
Il-ġid li qed jinħoloq f’dan is-settur qed ikollu żewġ impatti negattivi li din il-gazzetta tħoss li l-Gvern ma jistax jinjora. L-ewwel u qabel kollox, il-ħeġġa għall-iżvilupp qed titfa’ aktar, mill-ftit meded, ta’ art u kampanja li għad għandna f’riskju. Dan ir-riskju ma nistgħux niħduh, għax il-qerda ta’ aktar mill-wirt naturali li għad fadlilna tkun verament traġedja, mhux biss għall-ġenerazzjoni tal-lum, imma iżjed minn hekk għal ta’ għada. Huwa importanti illi f’dan il-ferħ ta’ ġenn, biex kulħadd jagħmel u jaqla’ l-flus, hekk kif ix-xemx metaforika qed tiddi, ma ngħamewx tant li ninsew illi daqs il-flus huwa importanti wkoll l-wirt imprezzabbli li sibna u li dmirna ngħadduh lil ta’ warajna. Importanti li l-istess orgolju biex nibnu, nuruh biex nipproteġu wirt artna wkoll, fl-ispirtu imma iktar minn hekk, fil-liġi u fl-attitudni ta’ min imexxi din il-gżira.
Suq b’saħħtu fil-kiri, min-naħa l-oħra, qed jikkrea nukkleu ta’ problemi soċjali, b’nies li llum la jifilħu jħallsu kirja privata u lanqas jixtru post. Huwa pożittiv ferm li l-Prim Ministru nnifsu irrikonoxxa din il-problema li tpoġġiet fuq l-aġenda minn diversi setturi ta’ nies bil-polz tagħhom mal-faqar, kif ukoll minn din il-gazzetta. Iżda dwar din l-isfida niddedikaw editorjal sħiħ fiż-żmien li ġej.
It-turiżmu wkoll bħalissa għaddej minn saħħa għal aktar saħħa u dis-sena mistenni jinkiser kull rekord li kellna f’dawn l-aħħar sitt snin. Imma anke hawn, il-miġja li kważi saret influss ta’ turisti jfisser li l-infrastruttura ta’ pajjiżna qajla għadha tiflaħ. Kemmuna kienet fuq l-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena matul din il-ġimgħa. Kull min mar jew se jmur hemmhekk matul is-sajf se jinduna bil-babilonja tal-mistħija u l-anarkija li hemm. Nies fuq xulxin qishom nemel, jipprovaw jimxu minn labrint ta’ nies li jkunu qed jipprovaw jixxemxu, imissu ma’ xulxin, qishom sardin. U għal din il-porkerija trid tħallas minn tal-anqas €20.
Hemm ċans, mhux żgħir, li s-suċċess li qed niksbu bħala pajjiż fil-qasam turistiku ikun mtappan waħda sew jekk dan it-turiżmu tal-massa jibqa’ għaddej mingħajr ebda forma ta’ kontroll u ppjanar
Din is-sitwazzjoni hija serja ħafna u hemm ċans, mhux żgħir, li s-suċċess li qed niksbu bħala pajjiż fil-qasam turistiku ikun mtappan waħda sew jekk dan it-turiżmu tal-massa jibqa’ għaddej mingħajr ebda forma ta’ kontroll u ppjanar. Il-Ministru Edward Zammit Lewis kien qal mal-ILLUM, f’intervista ftit xhur ilu illi l-Gvern qed ifittex il-kwalità fuq il-kwantità f’dan il-qasam. Hemm bżonn li dan jibda jfittxu kemm jista’ jkun malajr u sakemm isir pjan biex nattiraw il-kwalità, neħtieġu pjan serju biex nindirizzaw problemi li qed jinħolqu fil-preżent. Inkella l-ġid tal-preżent se jkun biss, il-mannara tal-mewt għall-futur. Ġrat pajjiżi oħrajn u kapaċi tiġri Malta, faċilment.
Il-ġid huwa sabiħ, imma l-ġid jiġi bl-għoli u hekk kif nawguraw li pajjiżna jibqa’ għaddej fit-triq li qabad nawguraw ukoll li l-Gvern ta’ Muscat jara illi d-diffikultajiet u l-isfidi li qed joħloq dan is-suċċess, ikunu indirizzati kemm jista’ jkun malajr. Għax is-suċċess jiġi malajr, imma jintilef malajr ukoll.