Dubai fil-Mediterran? Le grazzi

L-Editorjal tal-ILLUM

Meta persuna tħares lejn il-mera u tixtieq li kienet xi ħadd kompletament differenti mir-riflessjoni li qed tara quddiemha, jkollha problemi serji. Problemi li jeħtieġu l-attenzjoni u l-għajnuna.

Meta pajjiż, jew min qed imexxih, joħlom li jinsa minn fejn beda u jaspira li jkun xi ħaġa li qatt ma kien u qatt ma jista’ jkun, ikollu problema wkoll. Problema li teħtieġ l-attenzjoni u l-għajnuna.

Wara li konna, fil-passat riċenti, smajna lil min jgħidilna li Malta għandha tkun Żvizzera fil-Mediterran, issa hawn min qed jaspira li nsiru Dubai fil-Mediterran. Issa Dubai hija belt li bdiet mix-xejn, mir-ramel u d-deżert u l-bedwini, biex imbagħad saret metropoli sinjuruna kollha bini għoli, lukandi ta’ estravaganza kbira u multi-miljunarji kbar, imdawrin bid-dehbijiet u dak kollu li l-flus jistgħu jixtru.

Sabiħ hux? Iva, imma dak mhux pajjiżna. Nistgħu m’għandniex l-akbar multumiljunarji, imma għandna wirt storiku imprezzabbli li verament għandna biex inkunu kburin bih. Għandna wirt politiku ta’ ġganti żgħar li raw il-kobor f’pajjiżna, mhux fil-flus ta’ malajr imma fil-kapaċità ta’ poplu li qatt ma qata’ qalbu. Għandna preġji storiċi li l-ebda multi-miljunarju ma jista’ jixtri. Għandna poplu li ma sarx sinjur malajr għax sab iż-żejt, imma li sar sinjur għax ħadem bil-mod u għax adatta lilu nnifsu għar-realtajiet ekonomiċi matul iż-żmien, anke meta dawk ir-realtajiet kważi qatluh bil-ġuħ.

Ma nistgħux nifhmu x’viżjoni hi din tad-Dubai fil-Mediterran, meta Malta u Dubai huma differenti kważi f’kollox. Kulturament, soċjalment, politikament, topografikament u tista’ tibqa’ għaddej. Fil-veru sens tal-espressjoni, lanqas il-ħass mal-gass! Minn kull aspett li tista’ timmaġina, iż-żewġ pajjiżi huma oċeani, jekk mhux dinjiet ’il bogħod. U biex inkunu onesti lanqas nistgħu nifhmu għalfejn għandna jkollna l-ambizzjoni li nkunu Dubai fil-Mediterran. Biex inkunu pajjiż tal-get rich quick? Biex nallegraw fil-falsità ta’ xi minjatura ta’ Pariġi jew Las Vegas? Biex ngħidu li fejn ma tatniex l-art u s-sema, dorna għall-baħar ukoll? Din x’viżjoni mwerrċa hi?

Malta hija Malta u l-ambizzjoni ta’ pajjiżna għandha tkun dik ta’ Malta fil-Mediterran. Malta li tkompli tikseb is-suċessi illum, mibnijin fuq is-suċċessi tal-passat, taħt żewġ Gvernijiet, Nazzjonalisti u Laburisti. Malta li tapprezza l-art u l-ftit riżorsi tagħha. Malta li tiftakar li l-maġġoranza assoluta mhux qed jistennew il-manna li tinżel mis-sema meta jinbidel il-Gvern biex jimlew ħalqhom u jinvestu, imma li ħadmu u għadhom jaħdmu bla waqfien biex jinvestu f’uliedhom u ulied uliedhom. Il-vera middle class, li jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern trid taħdem biex tasal, mhux tasal għax taf. Malta li fiha għad hawn min qed jgħix ġo dar mingħajr kamra tal-banju b’erbat itfal waqt li ħaddieħor jifoxxxna u jiekol u jara n-nies dud għax tela’ skaluna f’daqqa (x’kumbinazzjoni bħal dawk f’Dubai). Malta li ma tistħix mill-passat fqir tagħha, b’poplu li bata l-ġuħ u l-faqar u li wassalha sa fejn hija llum.

Huwa ta’ għajb jekk f’dan il-pajjiż tant għandna faqar politiku u intelletwali serju li biex nagħtu tama jeħtieġ ngħammxu bit-tlellix u l-falsità. Jgħidu li dak li taspira li tkun, jirrifletti dak li fil-fond ta’ qalbek verament trid tkun. Hekk irridu nkunu aħna? Pajjiż multi-miljunarju bla identità? Pajjiż fejn jgħodd it-tlellix u xejn aktar? Pajjiż fejn tant nies, għax mitmugħa l-belli liri jkollhom ibaxxu rashom, bla dinjità, għal min qed jaħkimhom?

L-ambizzjoni ta’ Dubai fil-Mediterran hija plawżibbli daqs amorin li jixtieq isir balena jew mara li tixtieq issir farfett. Iktar kemm dawn il-viżjonijiet, intelettwalment pwerili u li ma jagħmlux ġieħ lil min jesprimihom, jintremew fil-landa tal-aqwa ċajt  li ra żmienna, iktar ikun aħjar.

Aħna Maltin u Malta hija Malta. Min irid jara Dubai, ikollu jaqbad ajruplan, jitlaq mill-Mediterran u jmur sal-Emirati Għarab Magħquda.  

More in Blogs