Xi ħadd qed jarak, kull ħin u kull mument

Affarijiet barra minn lokhom fit-toroq Maltin tara kuljum, u bħal donnu saret kompetizzjoni bejnietna ta’ min jirnexxielu jinzerta l-iktar affarijiet interessanti.

Donnu saret ħaġa ta’ kuljum li xi mkien tara xi filmat jew ritratt ta’ xi illegalità fit-toroq. Ħafna sewwieqa tal-muturi u tar-roti saru jużaw apparat li jiġbed film kontinwu tul it-triq tagħhom minħabba li l-abbużi li jsiru għad-detriment ta’ ħajjithom hi xi ħaġa kontinwa. F’ħafna inċidenti, ikun dan l-apparat li jgħin lill-vittmi jieħdu dak li ħaqqhom, u meta xi ħadd jagħmel xi manuvra li kważi joqtol lil dawn is-sewwieqa fuq żewġ roti, ma ttihomx tort li jirrapurtaw lil dawn is-sewwieqa irresponsabbli. Mill-banda l-oħra, sewwieqa tal-karozzi. Ħafna drabi wkoll ikunu pronti bil-mobile f’idejhom biex jiġbdu xi ritratt ta’ xi ħaġa barra minn lokha.

Affarijiet barra minn lokhom fit-toroq Maltin tara kuljum, u bħal donnu saret kompetizzjoni bejnietna ta’ min jirnexxielu jinzerta l-iktar affarijiet interessanti. Jistgħu jkunu ritratti ta’ xi gwardjan lokali jew pulizija pparkjati ħażin, xi membru parlamentari għaddej minn fuq il-‘bus lane’ jew xi trakk b’xi tgħobija mhux tas-soltu. Jistgħu jkunu wkoll ritratti ta’ xi ħadd għarwien għaddej jew xi ġlieda li tkun inqalgħet xi mkien. Ir-realtà hija li llum il-ġurnata, tkun fejn tkun, tagħmel x’tagħmel, se jkun hemm xi ħadd li jiġbidlek ritratt. Għal xi raġuni jew oħra, ħafna nies xorta jibqgħu għaddejjin bil-praspar tagħhom imbagħad jiskantaw meta jispiċċaw mhux biss fuq il-media soċjali iżda anke fuq l-aħbarijiet.

Għalkemm l-espressjoni ‘żmien il-bużullotti spiċċa’, għadha ’l bogħod ħafna mir-realtà, l-affarijiet qegħdin jinbidlu ftit ftit. Kien hemm żmien meta l-bużulloti kienu n-norma għal ħafna minna. Min jaf kemm-il darba rmunkajna karozzi b’karozzi oħra b’xi ħabel jew ġarrejna xi ħaġa kbira li toħroġ nofsha minn ġol-bagoll u nħallu lil xi ħadd mgħaffeġ wara biex jara li kollox sew. Min jaf kemm-il darba rajna xi karozza għaddejja bil-mod waqt li jkun hemm xi ħadd bilqiegħda fil-bagoll iżomm xi żiemel b’xi ħabel waqt li ż-żiemel jipprova jlaħħaq mal-pass tal-karozza. Min jaf kemm instaqu karozzi li kienu sejrin għand xi sprejer jew tellar mingħajr bibien, ħġieġ u fanali waqt li x-xufier ikun qiegħed bilqiegħda fuq xi barmil jew banketta. Illum, ħafna minn dawk l-affarijiet inqatgħu u huma ħafna li jużaw is-servizz tat-‘towing’ jew jikru vetturi kummerċjali.

Lil dawk in-nies li potenzjalment jistgħu jispiċċaw fuq xi ritratt jew filmat u b’riżultat ta’ dan jew idaħħqu jew jaqgħu fil-każa ta’ pajjiż sħiħ, intihom dan il-parir: Moħħkom hemm. Tpaxxux nies. Żommu l-kalma. Bl-għajjat, dagħa jew vjolenza żgur li m’intix se ssolvi xejn. Aħsbu fis-sigurtà tagħkom u ta’ ħaddieħor qabel ma tagħmlu affarijiet biex tiffrankaw ftit minuti jew ftit flus. Jekk inti ma jinteressakx minn ħaddieħor, mela ħaqqek.

Lil dawk in-nies li jirnexxielhom jiġbdu xi ritratt ta’ xi kontravenzjoni interessanti, ukoll għandi xi ftit pariri għalihom. Jekk jirnexxielkhom tikxfu l-aġir ta’ nies li mingħalihom li ħadd ma jista’ għalihom, jew minħabba d-daqs tal-vettura tagħhom, is-saħħa fiżika tagħhom jew il-pożizzjoni tagħhom, prosit u grazzi. Fit-triq, ħadd mhu fuq ħadd ħlief xi vettura tal-emerġenza waqt il-qadi ta’ dmirijietha. Li ċertu nies ma jqisu lil ħadd u lesti li jipperikolaw il-ħajja ta’ ħaddieħor għall-egoiżmu tagħhom mhuwiex aċċettabbli. Li l-aġir tagħhom iwassal għal xi tip ta’ moħqrija fuq l-annimali qatt mhu skużat.

Mill-banda l-oħra, qabel ma tkunu pronti titfgħu xi ritratt fuq il-media soċjali, aħsbu ftit. Aħsbu jekk dak ix-xufier kellux għażla oħra. Dalgħodu mort nixtri mingħand ħanut tal-merċa u waqt li kont hemm indunajt li waqaf trakk żgħir bil-ħobż quddiem il-ħanut. Teknikament dan ix-xufier kien qiegħed jikser il-liġi għax kien qiegħed jimblokka parti mit-triq. Il-karozzi xorta setgħu jgħaddu, però riedu joqogħdu ftit iktar attenti. Ix-xufier ma damx iktar minn żewġ minuti iħott dawn il-kaxxi tal-ħobż b’għaġġla liema bħalha. Għalkemm kien għadu kmieni filgħodu, dan ix-xufier kien diġà għasra bl-għaraq. Forsi wieħed ikun pront jgħidli li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u forsi jkollu raġun. Però x’jiġri kieku dawn li jqassmu l-prodotti fil-ħwienet ma jagħmlux hekk, u minflok iqattgħu xi nofs siegħa jfittxu parkeġġ li jkun xi għaxar minuti mixi ’l bod minn kull ħanut. Kieku, tliet kwarti tal-ħwienet ma jkollomx la ħalib, la gazzetti u lanqas ħobż filgħodu. Lit-tfal tagħna nibdew neħdulhom il-ħobż l-iskola f’xi l-ħdax għax dak il-ħin ikun wasal. Jekk ma niħdux paċenzja għal xi minuta jew tnejn sakemm tal-gass iqassam xi żewġ ċilindri, kieku ħafna anzjani jibqgħu mingħajr gass. Kieku nippretendu li kowċ mill-kbar jew trakk bit-trailer irid jagħmel l-istess manuvri li nagħmlu aħna b’karozza daqs naqra, ikun ifisser li dawn il-vetturi ma jkunu jistgħu jgħaddu minn imkien. Jekk ħaddiem li se jagħmel xi xogħol ġo xi dar irid iħott xi vjaġġ madum, folji tal-gypsum, xkejjer tas-siment jew għodod tqal u ma jsibx parkeġġ viċin, x’alternattiva għandu ħlief li jipparkja ħażin għal ftit minuti. Meta xi ħadd li jaħdem sigħat twal, isuq vettura kbira li ma tista’ tipparkjaha mkien u jifjakka, x’alternattiva għandu ħlief li jieqaf għal ftit sekondi kemm jixtri żewġ pastizzi u flixkun ilma? Nemmen li xorta dawn ix-xufiera għandhom jagħmlu l-almu tagħhom li jipparkjaw b’mod li t-traffiku xorta jista’ jibqa’ għaddej b’xi mod jew ieħor meta jkun possibbli. Meta jseħħ inċident u gwardjan lokali jipparkja f’post fejn mhux suppost biex ifittex jassisti, x’ridtu jagħmel? Kont tippreferi li kieku għamel xi għoxrin minuta jfittex parkeġġ xi għaxar minuti mixi ’l bod minn fejn seħħ l-inċident biex ma jikser l-ebda liġi?

Qabel ma nkunu pronti nikkritikaw u niżżufjettaw, irridu l-ewwel naħsbu x’konna nagħmlu aħna f’dik is-sitwazzjoni. X’alternattivi kien hemm u x’konsegwenzi jkollhom l-alternattivi li nissuġġerixxu. Ġieli ħsibna li b’ritratt li nkunu ħadna nistgħu nkunu qegħdin intellfu l-impjieg ta’ ħaddiem? Jista’ jkun li nkunu qegħdin inwaħħlulu ċitazzjoni li tkun tfisser li ħadem dik il-ġurnata għal xejn.

Nieħu gost meta nara ċertu affarijiet mexjin ’il quddiem f’din l-art u tibda tara ċertu standards li hemm f’pajjiżi oħra Ewropej jintlaħqu hawn Malta. Però rridu niftakru ukoll, li l-infrastruttura, it-toroq, il-pagi, it-temp u l-loġistika f’Malta huma dawk li huma, u meta tagħmel imqar ġurnata fiż-żarbun ta’ ħaddieħor tkun tista’ tifhem aħjar ir-raġunijiet wara ċertu aġir.  

More in Blogs