Wara s-sajf jiġi l-biki: Skeda mimlija sfidi għal Muscat
L-ewwel tliet snin tal-Labour ma kienux diżastru, imma lanqas kienu spettakolari. Muscat se jkollu jlaħħaq ma’ skeda mimlija biex jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet riċenti.
Dan is-sajf ftit li xejn seħħew ġrajjiet politiċi. Il-battibekki kienu mill-anqas u t-temperatura niżlet ġmielha kkumparat mal-furur li qam matul ix-xhur tax-xitwa minħabba l-każ tal-Panama.
Imma fir-realtà, il-kwiet ta’ dan is-sajf kien preludju għat-tempesti politiċi inevitabbli li għandna nistennew minn issa, sakemm tissaffar is-suffara għall-elezzjoni ġenerali
Joseph Muscat jispiċċa dan is-sajf u jibda l-istaġun politiku l-ġdid b’ħafna inqas saħħa minn bħal daż-żmien sena minħabba kwistjoni li prattikament tefgħet lill-Partit Laburista u l-Gvern li jmexxi, fi kriżi politika. Iffaċċjat b’diżillużjoni mifruxa fost il-partitarji tiegħu stess u fost ħafna switchers, kif qed jara li jista’ jerġa’ jirbaħ mill-fiduċja li tilef Muscat? Liema hi s-saħħa tal-Gvern li jmexxi u liema hi d-dgħjufija? Kif se jiġġieled il-perċezzjoni li l-Gvern tiegħu mhux trasparenti? U lil Simon Busuttil qed jissottovalutah?
L-ILLUM tħares lejn x’seta’ kien fuq moħħ Muscat dan is-sajf qabel ma jerġgħu jibdew il-battalji, li din id-darba nassumu li jixtieq jirbaħ.
Tentattivi lejn ix-xellug...
L-elezzjoni għal Deputat Mexxej ġdid tal-Partit Laburista u r-riżultat ta’ dik l-istess l-elezzjoni uriet li l-borma tbaqbaq ta’ Laburisti rrabjati hija fattur li l-Partit Laburista ma jistax jinjora. Ma kien sorprendenti xejn li Chris Cardona, l-aktar kandidat voċiferu u li jappella għal dan is-sentiment, rebaħ tali elezzjoni interna.
Għalkemm kienet sempliċiment elezzjoni interna u għalhekk mhux ta’ wisq interess għal min qed iħares lejn il-Labour minn barra, dik il-kontestazzjoni mmarkat il-bidu ta’ bidla strateġika u importanti fil-partit, f’dak li jirrigwarda politiki soċjali u ġustizzja soċjali.
Filwaqt li s-saħħa ta’ Muscat tibqa’ mmarkata fil-mod kif irnexxielu jressaq lejh interessi ta’ negozji kbar lejn il-partit, jew aħjar lejn Gvern Laburista u filwaqt li Muscat żamm ma’ kelmtu u fetaħ it-tapit l-aħmar biex jagħmel ħajjet l-istess negozji kbar aktar faċli, dan xorta huwa riskju jekk l-istess trattament jibqa’ wieħed esklussiv.
Tant jafu dan Muscat, li minn ftit xhur ilu ’l hawn reġgħet tfaċċat b’qawwa l-wegħda ta’ ġlieda kontra l-faqar. Minkejja l-akkużi li mhux soċjalist u minkejja li hemm min saħansitra jakkuża lil Muscat b’perverżjoni tal-vera spirtu soċjalista, jidher li l-Gvern qed jimmira li jitrażmetti parti minn dan il-ġid f’miżuri li jerfgħu lil min baqa’ mwaħħal fejn kien.
Huwa ċar, issa aktar minn qatt qabel, li l-Gvern u l-Partit Laburista se jkun qed jorbot parti sew mill-fortuni politiċi tiegħu mal-abbilità li jikkrea immaġini, preferibbilment reali, ta’ ġid ekonomiku li jibda jilħaq lil kulħadd, anke lil dawk li ma jaħdmux biss fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà.
Il-Baġit se jkun kumpass u ġudizzju
Il-baġit li ġej se jkun kruċjali għax se jkun kumpass importanti u indikattiv ta’ fejn verament qed tħabbat qalb Muscat. Se jkun hekk, għax fih Muscat u l-Gvern tegħu se jkollhom l-opportunità li juru kemm hu veru l-ħsieb tiegħu li l-ġid li qed jinħoloq bħalissa qed isir bil-għan li jinżel lejn is-saffi enormi, medji u baxxi tas-soċjetà Maltija.
Definittivament il-baġit li jmiss, fi ftit żmien ieħor, se jkun wieħed politiku fis-sens li se jiddetermina darba għal dejjem jekk il-ħaddiem u n-negozjant huwiex verament għall-qalb dan il-Gvern, jew inkella jekk dak li jgħodd huwa t-taptip fuq id-dahar u l-profitti tal-ftit. Huwa l-eżerċizzju kważi finali, għax mhux se jiġi ftit qabel l-elezzjoni u allura liberu mit-tiketta ta’ pre-election budget, ta’ jekk dan il-Gvern għandux farka soċjal-demokrazija fih, jew jekk hux wieħed mill-aktar Gvernijiet neo-liberali li qatt ra pajjiżna.
Tiċpisa li għaqdet sew
Jekk l-ekonomija sejra tajjeb u l-Gvern għandu ħafna fejn jimmanuvra biex iroxx ġol bwiet, mhux l-istess jista’ jingħad għall-immaġini tiegħu. Il-Gvern preżenti, permezz ta’ diversi każijiet imma l-aktar permezz tal-każ Panama akkwista l-fama ta’ Gvern li mhux onest, imdawwar b’nies li jridu jibilgħu d-dinja b’għajnejhom, bla kumpass u ideali morali, ħlief il-profitt. U kif jgħid il-Malti, ‘ħu l-fama u mur orqod’.
Dan is-sajf serva biex il-kwistjoni Panama torqod, serva wkoll biex kwistjonijiet oħrajn ta’ nuqqas ta’ governanza ‘jorqdu’ wkoll. Imma għax in-nies qegħdin il-baħar, jixxemxu u jieklu l-ġelati ma jfissirx li biddlu fehemthom dwar il-kredenzjali tal-Gvern fil-governanza. Anzi, jista’ jkun li n-nies jippreferu jixxemxu u jitfu l-iswiċċ politiku għax diġà huma deċiżi li l-Gvern m’għandux kredenzjali tajbin f’dan il-qasam u li ‘ż-żewġ partiti huma l-istess.’
Dan is-sajf ma serva għall-ebda bidla f’dan il-ħsieb, minkejja li hemm min jaħseb il-kontra. U dan se jibqa’ l-ikbar żball ta’ dan il-Gvern: li ħalla r-reputazzjoni li bena qabel l-elezzjoni, ta’ partit li jista’ joffri d-differenza, ttir mar-riħ. Illum ftit huma dawk li jemmnu li l-Gvern Laburista tal-lum huwa wisq differenti fil-kredenzjali ta’ trasparenza u governanza, anzi qed jibda jinbet il-ħsieb, grazzi għall-kampanja ma taqta’ xejn mill-PN, li fil-fatt huwa agħar.
Muscat se jkollu sfida Erkoleana biex forsi jibda jdawwar ir-riħ kontrih f’dan il-qasam. Tant hi kbira, u jaf, li qed iħares lil hinn minn din il-kwistjoni u jittama li ekonomija b’saħħitha, miżuri soċjali fil-baġit u rranġar ta’ inġustizzji jagħmlu tajjeb biżżejjed għal nuqqasijiet pjuttost gravi oħrajn.
Il-fattur Air Malta....
Il-kwistjoni kurrenti tal-privatizazzjoni tal-Air Malta, li xi ftit jew wisq dehret fuq il-mezzi tax-xandir matul dan is-sajf, se tkun waħda kruċjali wkoll għall-Gvern ta’ Muscat.
Mingħajr ma nidħlu f’dettalji li għadhom pjuttost spekulattivi, huwa ċar li s-suċċess f’din il-privatizzazzjoni tkun tfisser li dan il-Gvern għandu l-mertu li ta injezzjoni ta’ ħajja lil linja tal-ajru li ġiet għarkupptejha minħabba diversi deċiżjonijiet, il-maġġoranza tat Gvernijiet Nazzjonalisti. Il-poplu qed jistenna li dak li ftiehem il-Gvern se jkabbar il-‘ġwienaħ’ tal-linja nazzjonali tal-ajru u b’hekk, l-għażla tkun ħafna ikbar.
L-ottimiżmu ta’ bosta għall-privatizzazzjoni tal-Air Malta, inkluż ta’ din il-gazzetta, bil-prospett tax-xiri tal-ishma mill-Etihad, ittappnet xi ftit hekk kif issemmiet l-Alitalia. Iżda wieħed għad irid jistenna.
Filwaqt li sagrifiċċji se jkun hemm, u dawn se jġibu element ta’ għadab, il-ġudizzju fuq il-Gvern u l-Ministru Edward Zammit Lewis jkun jista’ jsir ladarba l-kwistjoni tkun magħluqa u l-ftehim jimmaterjalizza.
Turiżmu b’saħħtu...moħħ mistrieħ
L-ikbar serħan il-moħħ għal Muscat dan is-sajf baqa’ t-turiżmu, li reġa’ laħaq numri rekord, biex qabeż kull rekord li ntlaħaq s’issa. Dan il-fattur wassal biex pajjiżna gawda minn negozju qawwi ħafna, b’lukandi jesperjenzaw żidiet qawwijin, hekk kif esperjenzaw eluf ta’ nies oħrajn li xogħolhom direttament jew indirettament imiss mat-turiżmu.
Anke t-turiżmu bejn Malta u Għawdex sejjer tajjeb, b’rekords f’Santa Marija u sajf ġeneralment qawwi ħafna f’dak li jirrigwarda persuni li qed imorru Għawdex.
Din l-injezzjoni multi-miljunarja qed twassal għal feel good factor fil-pajjiż, li b’konsegwenza qed tagħti spinta qawwija ħafna lil dan il-Gvern. Lil hinn minn jekk hix biss fortuna jew inkella hix riżultat ta’ politika għaqlija tal-Gvern, dan l-ottimiżmu fl-ekonomija, speċjalment f’dan is-settur, qed ikompli joħloq sens qawwi ta’ sodisfazzjon.
Dan apparti li l-qgħad kompla t-triq tan-niżla, issa l-inqas fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li pajjiżna qed jirreġistra fost l-ogħla rati ta’ impjegabbiltà. L-investiment qed jiżdied u pajjiżna qed jattira l-interess minn kumpaniji li saħansitra jixtiequ jirrilokaw lejn pajjiżna mir-Renju Unit.
Irrid issa, illum mhux għada
Ekonomija b’saħħitha tfisser li l-aspetattivi huma għoljin ukoll. Aspettativi ta’ ‘illum ma messni xejn, mela għada jmissni xi ħaġa’.
Dan ifisser li fiż-żmien li ġej, Muscat u l-Ministri se jiffaċċjaw aktar pressjoni mingħand nies li jħossu li ma ħadux dak li jridu, jew li huma rrabjati li l-permess għadu ma ħariġx, jew li għadhom frustrati li baqgħu bla rebħ ta’ tender, jew li qed jistennew li togħla l-paga minima, jew li qed jistennew li l-overtime li għadu ma tħallasx, jitħallas.
Hemm lista twila u l-lista se titwal, ta’ nies li issa se jippretendu aktar, għax ladarba x-xemx qed tiżreġ għal ħaddieħor, jippretendu li issa tiżreġ għalihom ukoll. Ladarba l-permessi għall-iskyscrapers ħarġu, issa min irid jiftaħ tieqa, jibni washroom, jiftaħ gabbana, jiftaħ negozju jew jibni xi kamra xi mkien, se jistennew sehemhom ukoll.
Dak huwa r-riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha, imma huwa wkoll ir-riżultat ta’ attitudni politika li ‘it’s ok li titħanżer’, ‘m’hemm xejn ħażin li titma n-nies il-flus biex tixtri ftit silenzju’ u ħafna qed jgħidu li ‘la dik imliet ħalqha bl-ewri u laħqet, anke jekk lanqas skola m’għandha, mela jien irid ukoll, u bi dritt.’
Muscat ma tantx jidher li qed tinkwetah din il-biċċa xogħol. Probabbilment jaf li mhux se jkun hu li jkollu jaffaċċja Gvern Laburista li qed jikkrolla minħabba r-rgħiba u l-attitudni ta’ ‘irid, issa, illum u mhux għada.’ Iktar kemm se jidher li qed iċedi għall-pressjoni tal-ftit, iktar se jkollu jċedi għall-pressjoni tal-ħafna, u xi darba l-pressjoni se tkun wisq.
Il-gremxula saret dinoswaru...
Ma jidhirx li Muscat qed iħabbel għajnu wisq dwar l-ambjent anqas. Mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, il-wirt naturali tal-pajjiż ma tantx jidher li kien fuq nett tal-aġenda, anzi.
Matul dan is-sajf qamet il-kwistjoni tal-bini għoli. Fir-realtà, ħafna nies iħossuhom maqtugħin mill-kwistjoni, meta tirrelata esklussivament mal-iżvilupp f’Tas Sliema, sakemm ma jgħixux fl-inħawi.
Imma jibqa’ fatt li l-ħruġ tal-permessi għal dan it-tip ta’ bini seta’ ta l-impressjoni li fir-realtà, filwaqt li kollox miexi ħarir għal min irid jibni t-torrijiet, ftit li xejn hemm l-istess impetu u enerġija fejn jirrigwarda l-ambjent.
Dan is-sajf suppost kellu jservi biex il-Ministru l-ġdid tal-Ambjent iħalli l-ewwel marka tiegħu fuq l-ambjent u juri kif se jiddefendih mill-enerġija kontinwa tal-industrija tal-kostruzzjoni, biex tespandi. Kien mistenni li dan is-sajf, Herrera juri l-istess ħeġġa li juri xi ħadd bħal Sandro Chetcuti għall-qasam tiegħu.
S’issa, Herrera kien ġeneralment kwiet u għadu ma deherx b’saħħtu biżżejjed. L-aspettativi, li setgħu kienu għoljin, għadhom ma kinux sodisfatti. Dan ikompli jsaħħaħ il-fehma li f’dan is-settur il-Gvern preżenti qed jagħti riżultati ‘vroma’.
....kif m’intix qed tħares
Naturalment, Muscat uża dan is-sajf, kif jagħmlu ħafna politiċi fil-poter, biex waqt li kulħadd moħħu fil-baħar, ix-xemx u t-tbagħrid, iwettaq ċerti bidliet li ma riedx wisq attenzjoni żejda fuqhom.
Din il-ġimgħa stess kellna amnestija fuq min kellu illegalitajiet fil-proprjetà tiegħu u li permezz tagħhom, għalhekk kien qed isibha diffiċli biex ibigħ. Anke, jekk fil-verità huma ftit dawk li jaraw wisq skandaluż fiha u hemm min se jibbenifika mit-tali amnestija, fid-dinja medjatika, Muscat kien jaf li kien se jaqla’ l-kritika. Allura, ħaseb li aħjar jagħti l-maħfra lil min għandu bżonnha u għalhekk jinsab kuntent biha u fl-istess ħin jiffranka ftit mill-kritika li tista’ ssir, minn min jara amnestija simili bħala inġustizzja.
Il-ħatra ta’ John Bundy kienet waħda li saret fl-aqwa tas-sajf ukoll. Din ukoll kienet potenzjalment ħatra li setgħet kienet aktar kontroversjali, speċjalment minħabba l-bidliet li tħabbru wara l-istess ħatra. Fil-fatt, minkejja li kien hemm minn qomos mhux ħażin għax tneħħielu programm, Bundy ma tantx kellu pressjoni fuqu mill-midja biex iwieġeb, s’issa għallinqas.
Simon ħallieh kwiet...s’issa
Naturalment, Muscat ma jgħix ġo vakuum politiku u kontrih qed isib mewġ pjuttost kbir u li qed joffri sfidi qawwijin mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Minkejja li huma ħafna li jaraw f’Busuttil Kap dgħajjef u li qajla jista’ jirbaħ l-elezzjoni li jmiss u minkejja li ħafna fil-Partit Laburista jaraw lil Busuttil bħala bniedem li mhux se jhedded l-eġemonija li bena Muscat, il-politika għandha ħabta tissorprendi.
Busuttil waqa’ fil-kwiet matul dawn l-aħħar ġimgħat, u ta’ dan qed jirċievi ammont ta’ kritika minn ġewwa stess, imma dan ma jfissirx li mhux se jerġa’ lura bil-kbir ladarba jiftaħ l-istaġun politiku.
Busuttil illum huwa msaħħaħ minn perjodu politiku diffiċilissimu għal Muscat. Jekk l-istaġun politiku li jmiss se jerġa’ jara lil Muscat maqbud f’każ simili għal dak tal-Panama, idejn Busuttil se jerġgħu jissaħħu.
Jgħidu li b’Busuttil fit-tmun, il-PN m’għandux ċans. Imma jgħidu wkoll li ġimgħa hija eternità fil-politika. Muscat jagħmel tajjeb li ma jissottovalutax il-potenzjal ta’ Busuttil u s-saħħa li jistgħu jagħtuh żbalji tattiċi u sens ta’ assedju li jidher li qed jaħkem lil xi nies, fil-Gvern tiegħu u l-partit li jmexxi.
Skeda mimlija
Rebħa Laburista fl-2017/2018 m’għadhiex la ċerta u lanqas awtomatika. Rebħa bl-istess marġini ta’ 36,000 vot tista’ tidher impossibbli wkoll. Il-poplu għadu mhux fl-aptit għan-Nazzjonalisti. B’hekk Muscat se jkollu jqatta’ bi snienu u b’umiltà biex mill-inqas, jikseb lura ftit mill-ħafna li tilef, jerġa’ jibni parti mill-faċċata li ġġarfet, jaspira li jagħmel differenza reali u jibni maġġoranza diċenti madwaru mill-ġdid.