Il-kirjiet: Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni

L-Editorjal tal-ILLUM

 

Il-kontrolli ħadd ma jħobbhom. Ħafna jippreferu li jekk ikollhom l-għażla, jgħixu mingħajr ma ħadd ma jikkontrolla x’jagħmlu u kemm jaqilgħu. Għax il-libertà kulħadd iħobbha u hija xi ħaġa ferm sabiħa, sakemm dik il-libertà mhux qed tweġġa’ jew tkasbar lil ħaddieħor. Sakemm dik l-istess libertà ma ssirx anarkija fejn min jiflaħ, iħawwel u min ma jiflaħx, jibqa’ b’xiber imnieħer.

Sfortunatament u għal ħafna snin issa, il-libertà li tħalla fih il-qasam tal-kirjiet privati inbidlet f’anarkija li minkejja kull ħsieb il-kuntrarju, la fil-mument u lanqas fit-tul mhu se jservi ta’ ġid.

In-nuqqasijiet u l-abbuż li għaddej kważi ma’ kull ġurnata f’dan il-pajjiż, huwa inkredibbli u minn din il-ġungla mhu qed igawdi ħadd, ħlief dawk li jogħxew u jistagħnew fl-abbuż.

Tant is-suq tal-kiri huwa ġungla li lanqas sempliċiment regola li taċċerta inventarju estensiv, biex min qed jidħol fi proprjetà jkun jaf xi tħalla lilu mis-sid ma teżisti. In-nuqqas ta’ dan, waħdu, qed iwassal għal abbuż min-naħa ta’ numru ta’ sidien li meta tagħlaq il-kirja, mingħajr ebda obbligu li jagħtu spjegazzjoni u kważi mingħajr ebda ċans li jkunu sfidati legalment, ma jroddux lura d-depożitu mħallas. X’jiġifieri? Mela flus in-nies qed naħsbuhom ċejċa?

It-tieni nett. Abbuż sar u għadu jsir fejn jirrigwarda l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kif din il-gazzetta wriet bl-aktar mod ċar fl-istorja ta’ Johanna Axisa McRae ftit ġimgħat ilu. Għal snin twal, min jikri kellu jħallas rati ħafna ogħla f’dawl u ilma, hekk kif is-sidien kienu qed iħallu l-kontijiet fuq il-post, daqslikieku l-istess proprjetà hija vojta. Illum, dan il-Gvern permezz tal-Ministru Konrad Mizzi, beda jbiddel din is-sitwazzjoni. Minkejja dan, min qed jikri xorta għadu jsib lilu nnifsu f’labrint burokratiku u dilemma, dwar jekk jikxifx lil sid il-proprjetà li ma jridx jiddikjara l-flus li qed jaqla’ mill-kera, jew le.  

Fir-realtà, id-diskussjoni kollha dwar il-kirjiet bdiet minn dawn il-paġni stess, meta l-ILLUM żvelat il-proposti ta’ Yana Mintoff Bland għal kontrolli fuq il-kirjiet, bħal ma jiġri f’Berlin u anke f’Pariġi. L-ewwel reazzjoni, anke tal-Prim Ministru, għal din il-proposta kienet li s-suq, isuq u għalhekk il-Gvern ma jistax jiddetta hu. Fir-realtà, Mintoff qatt ma stqarret li l-Gvern għandu jiddetta l-prezz ta’ kirja, imma li jiddetta b’kemm jista’ jogħla fuq medda ta’ bejn tlieta u erba’ snin.

Issa jekk din hija dagħwa u jekk qed nibżgħu li din tista’ ma taħdimx, kif jibżgħu diversi ekonomisti, mela allura l-istess Gvern irid jara kif se jidħol biex iwieżen lil min ma jistax jikri bil-prezzijiet kif splodew illum, kif ukoll li jabbina, l-kwalità tal-proprjetà mal-prezz permezz ta’ mekkaniżmu b’saħħtu u rigoruż.

Huwa pożittiv ferm li dan il-Gvern imbarka fuq wieħed mill-akbar proġetti fil-qasam soċjali u nafu li se jkun qed iħaffef il-pass tat-tali proġett sew. Imma, anke wara li jkun lest proġett ta’ €50 miljun fl-oqsma ta’ ‘housing’ soċjali, xorta se jkun għad fadal min ma jiflaħx u xorta se jkun hemm min jabbuża u xorta se jkun hemm min jaħseb li l-libertà li jagħtih is-suq tfisser li jista’ jagħmel li jrid.

F’dan il-pajjiż jeħtieġ tidħol l-idea li meta int, bħala proprjetarju, qed tikri l-proprjetà tiegħek, m’intix qed tagħmel pjaċir lis-suq biss, għax qed iżid l-istokk, imma qed tagħti wkoll servizz u tidħol fi ftehim li jfisser li int, għal flus li taqla’ qed taċċetta li titlef il-libertà assoluta tiegħek fuq il-proprjetà.

Imma l-ġungla qed tweġġa’ wkoll lill-proprjetarji. Dan b’liema dritt, persuna tidħol fi ftehim miegħek għal kirja, ma tħallsekx u ma tistax tannulla l-istess kuntratt u tkeċċi lil min mhux qiegħed jonora l-kuntratt bl-aktar mod sfaċċat? Sal-lum, proprjetarju huwa dgħajjef quddiem persuna li qed jikri l-proprjetà tiegħu u mhux qed tiħallas jew qed tagħmel il-ħsara. U biex jikseb il-libertà assoluta ta’ daru lura, irid jgħaddi minn labrint burokratiku u legali.

Is-suq, qed isuq vera. Qed isuq lil dan il-qasam dritt għal ġol-ħajt u qed inħallu, bħala pajjiż, l-ewro tajjeb li qed nagħmlu llum, jagħmina. Jeħtieġ li l-Gvern jieħu azzjoni, għax jekk le se jbatu iktar nies, se jiftaqru iktar nies u aktar nies se jħossu li magħhom saret inġustuzzja.

 

 

More in Blogs