Valletta Renascens - il-Belt li reġgħet qed tqum
..... il-Belt Kapitali tagħna ikollha l-preġji kollha li naraw u nsibu fi Bliet Kapitali oħra fl-Ewropa
Iż-żjara li għamilna din il-ġimgħa s-Sindku tal-Belt Valletta l-Prof. Alexiei Dingli u jiena fil-binja li ngħatat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta fi Pjazza Reġina kienet opportunità sabiħa biex nirriaffermaw il-ħtieġa li l-Belt Kapitali tagħna ikollha l-preġji kollha li naraw u nsibu fi Bliet Kapitali oħra fl-Ewropa.
Il-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali mhux se jkun semplicement uffiċċju fejn in-nies se jinqdew aħjar u fejn ikun hemm iktar kumditajiet għall-Kunsilliera u l-impjegati. Il-binja l-ġdida se sservi wkoll bħala Berġa, Librerija għat-tfal, Day Centre għall-Anzjani u se jkollha wkoll aċċess permess ta’ Lift għall-Biblijoteka biex b’hekk, il-Biblijoteka ssir aċċessibbli għall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà.
Se jkun hemm ukoll sala kbira li tkun tista’ tintuża mill-għaqdiet tal-Komunità. Diġà qed nimmaġina kemm se jittellgħu serati mid-diversi għaqdiet Beltin. Kulħadd se jgawdi minn dawn is-servizzi ġodda u tant bżonnjużi.
Is-sabiħ ta’ dan kollu hu li l-binja hija waħda ċentrali u fi pjan prattikament terran. Il-binja eżistenti tal-Kunsill Lokali mhi komda xejn, mhijiex aċċessibbli u tillimita ħafna s-servizzi li jistgħu jiġu offruti.
Ix-xogħol, taħt it-treġija tad-Direttorat tar-Restawr, miexi ġmielu, u b’din ir-rata sal-aħħar tas-sena, il-partijiet tal-uffiċini tal-Kunsill għandhom ikunu lesti biex fil-bidu tas-sena d-dieħla jibdew jaħdmu minn hemm. Imbagħad ikun jifdal il-partijiet l-oħra tal-proġett li jkunu mitmuma sal-2017. B’hekk, għall-Valletta 2018 ikollna proġett ieħor infrastrutturali u importanti ħafna lest u jingħaqad mal-kullana ta’ proġetti, bħalma hu Sant Iermu, li diġà tlestew.
Lura lejn l-għeruq
Kultant issib diffikultà tlaħħaq mar-ritmu enormi li qabdet ir-rigenerazzjoni tal-Belt. Nhar il-Ġimgħa kelli l-opportunità li wara li temmejt l-impenji tiegħi, immur ma’ ħabib tiegħi nieħu xi ħaġa n-naħa ta’ San Pawl. L-ammont ta’ żgħażagħ li qed jiġu attirati lejn din iż-żona, turisti u mhux, u l-ammont ta’ stabbilimenti rikreattivi żgħar li qed jiftħu wieħed ħdejn l-ieħor hija meravilja.
Is-sabiħa hi li f’din ir-rigenerazzjoni tal-Belt, in-nies li qed jinvestu, qed jagħmlu għażla konxja li jmorru lura għall-għeruq. Il-ħila hi li wieħed jiskopri mill-ġdid il-karattru ta’ dik ir-rokna, dak il-ħanut, dak il-bottegin, dik l-indana. Min b’mod u min b’ieħor, qed jikkontribwixxi għar-rinaxximent tal-Belt Valletta.
Ninnota wkoll l-użu ta’ ħafna kliem bil-Malti u l-importanza li tingħata li dak li hu indiġenu jiġi sottolineat iktar.
Verament esperjenza sabiħa!
Xita
Din il-ġimgħa għamlet ukoll ħalba xita mhux ħażin.
Kont fi triqti lejn Ħal Safi biex nattendi għall-kunċert tal-Banda tal-lokal fl-okkażjoni tal-festa meta fid-daqqa u l-ħin, bdiet nieżla xita li ma ngħidlekx.
Mill-ewwel bdew iċempluli li tħassar kollox. Iddispjaċini għax naf kemm jagħmlu ħilithom u jqattgħu ħin jippreparaw id-dilettanti u l-mużiċisti. Kif ngħidu bil-Malti, ma kienx imnalla!
Infurmawni wkoll li tħassret serata fi Pjazza Teatru Rjal li, peress li l-binja hi bla saqaf, ma tantx tista’ tagħmel wisq meta t-temp jikrieh. Milli fhimt, se tittella’ mill-ġdid illejla biex dak li jkun ma joħroġx diżappuntat.
Hemm kwistjoni kbira ta’ etika meta tuża l-pożizzjoni tiegħek ta’ ġurnalist biex issaqsi pożizzjoni uffiċjali dwar xi ħaġa li tolqot lilek jew lil min jimpjegak, anke finanzjarjament
Eżatt kif waqfet ix-xita, stajt tinnota l-arja friska u s-sensazzjoni ta’ indafa fis-soft areas li nsibu fl-irħula li għaddejt minnhom bil-karozza.
L-għada pattejnielu però – għax bħalma jiġri dejjem, wara x-xita, it-temperatura tikkarga u tikkarga sew.
Programmi fuq l-Istazzjon Nazzjonali
Nifhem li fis-sajf, il-ġurnali ma jkollhomx wisq x’jirrapportaw. Tant hu hekk, li twieldet il-frażi ‘silly season’ biex tispjega l-fatt li fis-sajf, il-mezzi tax-xandir ma jkollhomx wisq xi jġibu.
Għalhekk aħbarijiet li normalment ikunu żgħar, f’daqqa waħda jingħataw prominenza iktar milli oġġettivament jistħoqqilhom.
F’dan iż-żminijiet ġiet konkluża l-iskeda tal-Istazzjon Nazzjonali TVM u TVM2 u allura, il-produtturi bdew jirċievu d-deċiżjoni ta’ jekk il-programm tagħhom ingħażilx jew le. S’intendi, ikun hemm min jiddiżappunta ftit ruħu meta r-risposta tkun le. Bl-istess mod, ikun hemm min jieħu pjaċir meta r-risposta tkun iva, speċjalment meta wieħed ikun qed jingħata ċans li juri x’jaf għall-ewwel darba.
Kien hemm ftit nies li qalu ħafna affarijiet. Naturalment, kulħadd għandu l-fehma tiegħu li nirrispetta. Li dejjaqni, però, hu l-aġir ta’ ċerti djar tal-ġurnali li applikaw huma stess biex ixandru programm u li ntqal lilhom li l-proposta ma ġietx aċċettata. Dawn, meta rċevew hekk, ġew jaqgħu u jqumu mill-kunflitt ta’ interess lampanti li kellhom, u bdew jibagħtu d-domandi għala ma ntgħażlux fil-kwalità tagħhom ta’ ġurnalisti.
Kulħadd għandu dritt jagħmel kritika, jagħti opinjoni u jgħid tiegħu. Dik hi libertà sagrosanta. Biss, hemm kwistjoni kbira ta’ etika meta tuża l-pożizzjoni tiegħek ta’ ġurnalist biex issaqsi pożizzjoni uffiċjali dwar xi ħaġa li tolqot lilek jew lil min jimpjegak, anke finanzjarjament.
Il-kunflitt ta’ interess ma japplikax għal sezzjoni ristretta tal-poplu li tmexxi dan il-pajjiż. Il-kunflitt ta’ interess japplika wkoll f’każijiet bħal dawn, meta gazzetta titfixkel fil-kpiepel tagħha stess.
Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lin-nies kollha fi ħdan il-PBS li kienu responsabbli mit-tfassil tal-iskeda. Ma rridx insemmi wieħed jew l-ieħor għax nibża’ li nħalli lil xi ħadd barra. Grazzi lil kulħadd.