Għalfejn il-politikanti Maltin jobogħdu s-siġar?

David Pace jitkellem dwar l-attitudni tal-politiċi Maltin fir-rigward tas-siġar u jfakkar illi sa mn'Alla kienu l-Kavallieri 400 sena ilu, biex għandna masġar wieħed f'dan il-pajjiż

L-aħħar proġett ta’ afforestazzjoni li baqa’ jissemma’ sar mill-Kavallieri 400 sena ilu
L-aħħar proġett ta’ afforestazzjoni li baqa’ jissemma’ sar mill-Kavallieri 400 sena ilu

Għadni ġej minn mawra madwar numru ta’ gzejjer Mediterranji bl-istess karatteristiċi ta’ nixfa klimatika u industrija turistika bħal Malta. Elba, Kapri, Korsika, Sardinja u anke Sqallija kienu l-gżejjer li zort mal-familja u l-aktar ħaġa li laqtini kienet in-numru kbir ta’ siġar li għandhom. Fil-każ tal-ewwel erba’ gżejjer li semmejt, tapiti ta’ siġar tal-prinjol li jibqgħu nezlin sa’ xatt il-baħar, u l-bajjiet kollha mżejna b’dik il-ħdura sabiħa li toffri dik in-niskata dell lit-turisti li jkun hemm.

U tiġi lura fi gżiritna, u biex tara siġra trid tagħmel wegħda għax ħlief krejnijiet, trakkijiet, dħaħen u trabijiet ma tarax!

Il-bajjiet miksija bin-nies u l-umbrellel. Il-karozzi f’ringieli ġġammjati kulħadd joffendi lil xulxin, u lil min ħalla krejn jew trakk jimblokka triq arterjali, u min iddeċieda li jħaffer it-trinek fl-eqqel tas-sajf waqt li ngħalqu ma nafx kemm-il triq oħra.

U tkellem it-turisti u jgħidulek: Too much traffic and buildings, not enough trees! 

Sa stħarriġ saru mill-MHRA u l-MTA li juru kemm dak li qed jgħidu t-turisti huwa minnu dwar Malta, imma l-aqwa li t-turizmu sejjer tajjeb. Bħallikieku mhux kulhadd jaf kemm it-turizmu hija industrija sensittiva u li tista’ tinbidel mil-lejl għan-nar!

Irrid ngħid ukoll li fuq naqra ta’ gzira ta’ 300 kilometru kwadru, għandna mal-1,500 kilometru toroq, u dawn iridu manutenzi kontinwa u għalhekk, it-tiswija tagħhom trid issir; iżda biex nerġgħu niġu lura fuq is-suġġett tas-siġar. M’hemmx dubju li kull politikant li kellna dawn l-aħħar 30 sena kien jippreferi l-bini minflok is-siġar. Anzi, nazzarda ngħid li s-siġar jarawhom bħala ntopp għall-postijiet fejn jista’ jittella’ aktar bini u jiġġenera x-xogħol u jkattar il-ġid, u suppost igawdi kulħadd.

L-istorja tagħtini raġun.

L-aħħar proġett ta’ afforestazzjoni li baqa’ jissemma’, sar mill-Kavallieri 400 sena ilu li m’għamluhx għall-Maltin iżda għallinqas, illum nistgħu ngħidu li bqajna ngawduh bħala l-unika bosk ta’ ċertu daqs li għandna f’Malta. Hija tassew ħasra li ma rnexxilniex nagħmlu proġett ambjentali bħal dan minkejja t-teknoloġija u s-suppost riżorsi umani u intelliġenza li għandna. L-eqreb li ġie lejn il-Buskett kien il-proġett t’afforestazzjoni fil-Miżieb li ġie kkapparat mill-kaċċaturi u li kienu mimlija siġar ‘aljeni’ bħall-ewkaliptus li tixrob ħafna ilma u akaċja li timla kullimkien bit-trab tad-dakkir (pollen) irqiq li tgħidx kemm qabbad ażma lil nies.

Minn dakinhar, ftit li xejn rajna proġetti kbar tat-tħawwil tas-siġar. Kull meta jitla’ partit ġdid fil-gvern iwiegħed li se jimla kull m’hawn bil-ħdura u din il-ħdura fil-forma ta’ siġar qatt ma tasal. Kellhom ikunu l-għaqdiet mhux governattivi tal-ambjent li ħadu diversi inizzjattivi biex iħawlu s-siġar f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex, u biex iwaqqfu żewġ riżervi naturali importanti fis-Simar, ix-Xemxija u fl-Għadira. Ma rridx ninsa nsemmi li għall-inqas, għaddej proġett li qiegħed jirranġa l-Buskett bħalissa, iżda l-proġett kbir t’afforestazzjoni li ġie mwiegħed fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura għadu qed jiġi studjat u mfassal, u ma tantx jidher li narawh jitlesta sal-elezzjoni li jmiss għax għadu lanqas beda!

U ejja! Hemm bżonn jgħaddu tliet snin biex jiġu identifikati siti u jibdew jitħawlu s-siġar?

Din mhiex eżaġerazzjoni burokratika?

Hawn tant postijiet jgħajtu għal dik id-dabra ħadra ta’ ftit siġar. Mhux se nsemmihom għax naf li hemm xi ħadd li qed jitħallas biex jidentifika dawn is-siti u ilu jagħmel dan tliet snin qisna għandna pajjiz fih daqs l-Awstralja! 

Ara biex intellgħu l-iskyskrapers, mill-ewwel ħaduha d-deċizjoni, imma biex inħawlu s-siġar, iridu studju ta’ tliet snin, konsulenzi, diskussjonijiet u bordijiet! 

Qisu tħawwel fejn tħawwel is-siġar, mhux ġid se tagħmel?

Ir-raġuni vera hija li l-ġebla u l-konkrit jiswew ferm aktar mis-siġar għall-politikanti tagħna. Saru l-munita politika għax bihom tibni u ddawwar lira filwaqt li bis-siġar taħli art li tista’ tibni aktar bil-ġebel u l-konkrit fuqha. 

Biex intellgħu l-iskyskrapers mill-ewwel ħaduha d-deċizjoni, imma biex inħawlu s-siġar, iridu studju ta’ tliet snin, konsulenzi, diskussjonijiet u bordijiet

Dan il-kmandament huwa l-unika wieħed li jemmen bih kull politikant kemm blu u aħmar Malti, u għalhekk ħallew Busietta Gardens jeqred l-isbuħija ta’ Wied id-Dis, qerdu l-Wied tal-Kalkara, il-bini fil-Baħrija fejn hemm il-Qabru (jekk għadek issibu?), bnew parti minn Wied Speranza u issa qed jaħsbu biex ikomplu jeqirdu anke l-ispazju ta’ fuq rasna bħalma diġà għamlu bil-kruhat li hemm f’Tigné u f’Portomaso; u x’jimpurtahom jekk mhux se tkun tista’ tpoġġi PV jew solar heater fuq il-bejt (Dalwaqt tkun tista’ tikri wieħed minn tal-Bilom li jrid ipoġġi f’Wied l-Inċita wara li qeridha!) jew għax se jimblokkjawlek il-veduta sabiħa tal-Imdina u r-Rabat? X’jimpurtahom li jgħerqu Tas-Sliema u l-Imrieħel fit-trab, exhaust u storbju? 

U tiskanta, is-siġar li jistgħu jnaqqsu ftit min din il-kruha jidhru kullimkien fil-pjanti. Anzi kull pjanta li titella’ quddiem il-MEPA jew issa l-PA, tkun mimlija aħdar u tiskanta kif dawn jisparrixu meta l-proġett jibda jinbena. Mhux talli hekk, imma l-ftit siġar maturi li jkun hemm fil-post jispiċċaw jitkaxkru mill-inġenji ħalli jkollhom aktar wisa’ fejn jaħdmu.

Il-proġett tal-parkeġġ MCP fil-Furjana lura fl-1988 kien wieħed minn tal-ewwel li uża dak li jsejħulu ‘greenwashing’ jew ħasil bl-aħdar biex turi li qed tagħmel xi ħaġa ambjentali, imma fil-fatt ma tkun qed tagħmel xejn ħlief tagħti laqgħa żebgħa ħadra li wara l-ewwel ħasra turi l-kruha li ttantat taħbi. Niftakar li kien għadu tiela gvern ġdid li wiegħed li se jkun aktar ambjentali minn ta’ qablu u kont mort nara l-pjanti biex nara biex kien ħiereġ. Għoġbuni għax ma kien jidher l-ebda ħjiel ta’ parkeġġ peress li kien mgħotti b’qisu ġnien u siġar twal, li skont il-periti kienu se jaħbu l-parkeġġ minn għajn l-eluf li jidħlu l-belt kuljum.

Sena wara, erġajna koppi u spiċċajna b’toqba enormi tal-konkrit għerija minn kull ħjiel ta’ siġra li kerrħet parti mid-daħla għall-Belt u llum, baqgħet l-istess b’forsi erba’ żbuliet ta’ siġar li qed jippruvaw jieħdu r-ruħ u qatt ma jirnexxielhom. Anke l-proġetti ġodda li saru issa, bħal dak quddiem Kastilja, ftit li xejn jinkludu siġar. Naf li se jweġbuni li s-siġar jgħattu l-isbuħija tal-bini u naqbel jekk is-siġar tħawwilhom qrib il-faċċata, imma jekk tħawwel ftit ’il barra tkun qed toffri ftit dell lil min jiġi biex igawdi l-isbuħija tal-bini.

Ninsab ċert li l-politikanti tagħna tgħallmu meta kienu tfal dwar l-importanza tas-siġar li jgħaqqdu l-ħamrija u jipproteġuha mit-tnawwir, iżommu l-ilma, jipproduċu l-ossiġnu u jassorbu l-ossidu tal-karbonju li tgħix kemm qed insiefru barra ngħidu kontrih f’konferenzi dwar it-tibdil tal-klima, imma niġu hawn Malta u ma nagħmlu assolutament xejn dwaru.

U x’nistgħu nagħmlu biex inaqqsuh?

Inħawlu s-siġar!

David Pace huwa opinjonista dwar diversi temi fosthom l-ambjent u l-politika

More in Blogs