Jew nejja jew maħruqa

Editorjal ILLUM

 

Hekk nagħmluhom l-affarijiet f’dan il-pajjiż. Jew ma nagħmlu xejn u nħarsu n-naħa l-oħra għat-taparsi ma rajna xejn, jew inkella ħoll, xagħarek u ġib iż-żejt. L-ewwel inħallu problema tikber u tikber u tikber, biex imbagħad meta l-problema issir kważi kriżi, nqumu u nagħmlu xi ħaġa. L-Ingliżi, jsejħula ‘management by crisis’, jiġifieri problema tibda ssolviha meta tkun saret kriżi.

Matul dawn il-ġimgħatejn kellna eżempju klassiku ta’ dan bil-kwistjoni tal-fish farms. Kieku tgħid Malta fiha daqs kontinent u n-nies li jgħixu fuq naħa, qatt ma waslu sal-oħra tgħid paċenzja. Imma f’pajjiż daqs blata kbira, l-fatt li meta jaħbat il-ġewwa l-baħar kien idaħħal miegħu, mal-kosta ta’ Marsaskala, Birżebbuġa  u Buġibba, ħmieġ u tilqit mill-fish farms mhux xi sigriet. Anzi xi ħaġa li ilha magħrufa snin twal.

L-Avukat John Refalo, Segretarju Eżekuttiv tal-għaqda ‘Federation of Maltese Aquaculture Producers’ għamel tajjeb illi nnota l-fatt li f’pajjiżna l-irziezet tal-ħut ilhom f’Malta 20 sena u li matul dawn l-20 sena l-ebda Gvern ma ppublika regolamenti jew kodiċi ta’ prattika. Għamel tajjeb, għax jitfa’ r-reazzjoni politika taż-żewġ naħat, tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, f’perspettiva naqra aħjar.

Ilbieraħ kienu ppublikati ritratti tal-ewwel miżuri fil-konfront ta’ irziezet tal-ħut li kellhom gaġġeġ mhux konformi mal-liġi u minkejja kull kritika li jista’ jaqla l-Gvern, dan l-infurzar juri li tal-anqas preżentement, bi ftit għajjat u attenzjoni fuq il-media, l-awtoritajiet jismgħu u jattwaw.

Naturalment is-sidien tal-‘fish farms’ mhux qed jieħdu wisq pjaċir, ħadd ma jieħu pjaċir jinqabad fil-fatt jikser il-liġi u jkollu jiffaċċja kurrenti qawwijin kontrih mill-Prim Ministru stess. Imma pjaċir jew le, kull azzjoni li tinżel b’qawwa kontra kull forma ta’ illegalità hija waħda li din il-gazzetta tħares lejha b’mod pożittiv. Ma nistgħux nagħżlu li nagħmlu battalja kontra illegalitajiet, imma nrattbu t-ton meta l-istess illegalità tkun tfisser flus fil-but. Jagħmel sew il-Gvern li jkun minn quddiem li jiġġieled tali illegalitajiet, jekk xejn biex juri illi snien biżżejjed għandu, anke kontra min jaħseb li bil-mijuni jagħmel li jrid.

Minn naħa l-oħra anke jekk il-fatt li tkellem Muscat u l-fatt li ttieħdet azzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar kienet xi ħaġa ferm pożittiva u aħbar tajba mill-qasam tal-ambjent li konna ilna ma nisimgħu, xorta jibqa’ fatt li revoka tal-irziezet kollha tal-ħut, kif ippropona d-Dipartiment tal-Infurzar kienet eseġerazzjoni.

Li tikkoreġi illegalità, billi tneħħiha u sussegwentement titlob kumpens għad-danni li sofrew tant nies u li sofriet riżorsa hekk importanti ta’ pajjiżna huwa sewwa u xieraq. Imma li mbagħad imorru fl-estrem l-ieħor li nitfgħu industrija sħiħa taħt il-mannara, biex nilgħabuha ftit tal-bullies u fil-proċess nakkwistaw ftit mill-ħafna voti ‘ħodor’ mitlufa jew inkella biex nintogħġbu ma’ lobby partikolari minflok ma’ ieħor, hemmhekk le, ma naqblux.

F’dan is-sens l-ILLUM taqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u l-Kelliem tal-PN għall-Ambjent Ryan Callus u tħoss illi l-azzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tneħħi l-gaġġeġ illegali flimkien mat-talba biex dawn iħejju pjan għal kif se jirrilokaw, kienu azzjonijiet iktar f’lokhom minn revokazzjoni totali. Anke jekk din il-gazzetta tħoss li kien ikun propizju wkoll li l-irziezet jkunu ordnati jdaħħlu idejhom fil-but u jħallsu għad-danni kbar, l-inkonvenjent, l-ħsara ambjentali u l-ħsara lit-turiżmu li seta’ ħalla jew fil-fatt ħalla l-ħmieġ u t-tniġġiż mal-kosta.

Il-problema ta’ Busuttil f’din il-kwistjoni, bħal f’ħafna oħrajn, kif fil-fatt espressa minn dan l-editorjal il-ġimgħa l-oħra, huwa l-passat. Ma tantx tista’ tkun kredibbli titkellem dwar problema illi kienet eżistenti daqs kemm hija illum u persistenti daqs illum meta int kont fil-Gvern u m’għamilt xejn dwarha. Mhux aħna qed ngħiduh dan, qalu r-rappreżentant tal-produtturi stess, ikkwotat iktar ‘l fuq. F’20 sena ftit li xejn sar sforz biex din l-industrija tkun regolata jew biex ikun hemm kodiċi ċari, u safejn nafu aħna 17 mill-aħħar 20 sena l-PN kien fil-Gvern.

Jiġifieri l-estrem li xtaq (jew forsi ta’ l-impressjoni li jixtieq) il-PM Joseph Muscat, xorta jibqa’ mitt darba aħjar minn snin ta’ inazzjoni u ta’ ilmenti fuq widnejn torox.

Nisperaw issa li minn dan l-episodju jitgħallem kulħadd u minflok nistennew kriżi oħra tolqot l-ibħra tagħna, jkollna pjan ċar li miegħu jetieġ iżomm kulħadd għall-ġid tal-ambjent ta’ madwarna, tal-industrija turistika u għall-ġid tal-industrija tal-fish farms ukoll. 

More in Blogs