52 sena wara – Għandna bżonn viżjoni
L-Editorjal tal-ILLUM
Din il-ġimgħa, Malta tagħlaq 52 sena indipendenti. Kien fil-21 ta’ Settembru 1964 meta seħħ avveniment li wassal biex ġew avvenimenti daqstant importanti wara, primarjament it-tluq tal-bażi Ingliża minn Malta (Jum il-Ħelsien), it-twaqqif ta’ Malta bħala Repubblika u iktar tard id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Kull wieħed minn dawn l-avvenimenti qajjem diskussjonijiet jaħarqu, biż-żewġ partiti, kważi bħal dejjem, fuq in-naħiet opposti ta’ xulxin. Minkejja l-polarizzazzjoni li matulha seħħew dawn l-avvenimenti, xorta kienu ġranet li jimmarkaw kapitlu ġdid għal Malta. U wara kull wieħed minn dawn l-avvenimenti kien hemm dejjem viżjonarji, li mal-viżjoni tagħhom stajt ma taqbilx imma li xorta stajt tammira l-fatt li kellhom għan li għalih kienu qed jaħdmu.
Il-viżjoni ta’ Borg Olivier ta’ Malta indipendenti kienet it-twelid ta’ nazzjon, il-viżjoni ta’ Dom Mintoff għall-Ħelsien kienet ir-rijafferm li pajjiżna kapaċi jasal waħdu, mingħajr ma jkun tallab u l-viżjoni ta’ Eddie Fenech Adami li pajjiżna isir membru tal-Unjoni Ewropea, kienet l-aħħar pass ta’ tranżizzjoni: Minn pajjiż maħkum, għall-pajjiż ugwali u b’saħħtu daqs dawk li ħakmuh.
Illum, 52 sena wara l-Indipendenza ta’ pajjiżna, jkun tajjeb li l-klassi politika kurrenti tħares lura u tiftakar li dak kollu li hemm madwarhom huwa frott viżjonijiet għaqlin ta’ min ilbieraħ kien jaf fejn sejjer u ta’ min ilberaħ daħal fil-politika bi skop; li jkun ta’ servizz lejn pajjiżu. Illum, tajjeb li meta l-klassi politika tħares lura titgħallem aħjar xi jkunu l-vera viżjonijiet. Ħadd illum, lanqas l-akbar Mintoffjani ma jridu li dak li ġara 52 sena ilu ma seħħx u lanqas l-akbar Nazzjonalist qatt ma jasal jgħid li l-viżjoni ta’ Mintoff fl-1979 ma kinitx ta’ ġid kbir għal pajjiżna.
Tagħmel tajjeb il-klassi politika tal-lum li wara li tħares lura, tħares lejn il-preżent u tistaqsi x’inhi, 52 sena wara l-Indipendenza, l-viżjoni tagħhom illum.
Mhux b’kumbinazzjoni li huma l-ħafna li qed iħossuhom diżillużi mill-politika llum. Il-partit li kellu l-viżjoni u l-enerġija biex iġib l-Indipendenza u jdaħħalna fl-Ewropa, illum huwa nieqes kompletament minn kull viżjoni. Il-PN illum sar partit li ddeċieda li jinvesti ħinu kollu biex jipprova jtaqqab id-dgħajsa tal-Gvern, akkost ta’ kollox, anke jekk mal-Gvern ikun umiljat il-pajjiż. Il-PN jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu x’għandu nieqes illum, li kellu fl-1964 u fl-2004. Jeħtieġ jipprova jkabbar ir-raġuni tal-eżistenza għall-ħafna iktar minn battalja sfrenata biex ikisser lil Muscat. Jeħtieġ jerġa’ ikollu viżjoni alternattiva, mhux għaddew tliet snin minn telfa elettorali u għadu mwaħħal fil-politika li tappella biss għal dawk li kienu Nazzjonalisti minn dejjem. Il-PN illum għandu viżjoni li twassal biss sal-2018, xejn aktar, xejn lil hinn. Wara, jiġri li jrid. X’differenza mill-1964 u l-2004. X’differenza miż-żmien meta l-PN kellu viżjoni għall-pajjiż li kienet tħares għat-tul u li minnha għandna ngawdu llum.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fil-Gvern bħalissa qed imexxi pajjiż li għaddej minn ritmu ekonomiku li ilna ma naraw bħalu. Ritmu li qed jagħti sostenn lill-għajta ta’ Muscat li Malta tkun ‘l-aqwa fl-Ewropa’. Imma dak huwa llum. Kemm verament għandu viżjoni l-Partit Laburista għal dak li se jiġri għada? Il-Partit Laburista llum għandu viżjoni li tmur lil hinn mill-baħar bnazzi ta’ bħalissa?
Din il-gazzetta tibża’ li l-viżjoni tal-Gvern preżenti, hija waħda li tħares wisq lejn l-immedjat u wisq lejn il-pjan politiku, hekk kif kien stqarr Joseph Muscat stess, ta’ dawn l-10 snin li ġejjin. Wara dawk l-10 snin, jara ħaddieħor. X’differenza mill-viżjonijiet li permezz tagħhom pajjiżna ħa rajh f’idejh, viżjoni li għadna ngawdu l-frott tagħha illum.
Ftit iktar minn nofs seklu minn meta pajjiżna sar indipendenti jeħtieġ li nħarsu madwarna u nħarsu lil hinn mill-ponta ta’ mneħirna. Jeħtieġ li nerġgħu nibdew il-battalji politiċi, mhux taż-żufjett, tal-attakki personali, tal-ħmieġ u l-ħama u ta’ min se jkażbar lill-pajjiżna l-aktar fl-istituzzjonijiet Ewropej, bħal ma ġara din il-ġimgħa. Imma battalji politiċi ta’ min għandu l-aħjar viżjoni, ta’ min se jħalli l-aħjar wirt politiku u ta’ min se jnaqqax l-ikbar bidliet fuq it-tragwardi ta’ pajjiżna.
Dawk li jiftakru l-1964, l-1974, l-1979 u dawk il-ħafna iktar li jiftakru l-2004 jħarsu lura bi kburija u lejn illum b’disperazzjoni, iffaċċjati b’deżert mingħajr viżjoni għall-Malta tagħna.