Paceville t’għada - żona kostali ikonika għall-pajjiżna
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri dwar il-pjan ta' riġenerazzjoni għaż-żona ta' Paceville, mħabbar il-ġimgħa l-oħra
Aktar kmieni din il-ġimgħa ġie varat għall-ewwel darba fl-istorja tal-ippjanar, pjan ta’ riġenerazzjoni ħolistiku għal żona sħiħa! Bħalma jaf kulħadd iż-żona ta’ Paceville serviet għal bosta snin bħala mekka tad-divertiment għal eluf ta’ żgħażagħ Maltin u barranin. Minkejja li ffrekwentata minn eluf ta’ persuni, din iż-żona tħalliet għal riħha, b’infrastruttura batuta li bilkemm qed tlaħħaq mal-iżvilupp attwali li qed isir fiż-żona aħseb u ara għal dak futur.
Mill-applikazzjonijiet li bdiet tircievi l-Awtorità tal-Ippjanar wieħed beda jinduna li din iż-żona bdiet tattira bosta investituri bi pjanijiet ta’ bini li jvarja minn lukandi, spazji għal uffiċini, ħwienet u residenzi. Kien proprju minħabba dan, imżewweġ mal-fatt illi l-gvern xtaq jara riġenerazzjoni taż-żona, li nħass il-bżonn ta’ master plan serju li b’mod strutturat u maħsub jisfrutta aktar il-potenzjal ta’ Paceville bħala mutur tal-ekonomija Maltija fi sfond ta’ pjanar ta’ ambjent urban aktar konsonanti mal-ħtiġijiet tal-lum u t’għada.
Fl-aħħar snin Malta rat tkabbir ekonomiku bla preċedent u investiment dirett barrani li qed ibiddel kompletament il-wiċċ ta’ pajjiżna. Dan it-tkabbir ekonomiku li qegħdin nesperjenzaw qed iġib miegħu sfidi ġodda li rridu nagħrfu nindirizzaw billi nħarsu lejn l-istampa kollha u nadottaw strateġija fejn il-kwalità tal-ħajja u l-aspett soċjali jimxu id f’id mal-progress ekonomiku. Malta qiegħda f’punt kruċjali fejn tista’ tbiddel il-mod li bih isiru l-affarijiet. Bdilna ħafna affarijiet għall-aħjar u determinati li nkomplu ntejbu l-affarijiet. Li nħabbru l-investiment u nġibu investiment barrani huwa importanti però huwa daqstant ieħor importanti li nagħmlu dan b’għaqal u bi ħsieb għax id- deċiżjonijiet li nieħdu llum mhux biss ħa jħallu impatt fuqna imma ħa jħallu impatt fuq ġenerazzjonijiet futuri sħaħ.
L-ippjanar jilgħab parti importanti f’dan ix-xenarju fejn fost affarijiet oħra qegħdin naraw il-ħtieġa ta’ ppjanar serju fejn jidħlu binjiet għoljin. Rigward dan Malta adottat il-Floor to Area Ratio policy magħrufa aħjar bħala l-FAR policy. Din ilha magħna sa mid-disgħinijiet u baqgħet tiġi sostnuta. Gvern preċedenti kien jippermetti li jsir bini għoli f’kull żona f’Malta u saħansitra f’Għawdex u kien il-Gvern attwali li ddeċieda li għalkemm bħala prinċipju jaqbel mal-ispirtu ta’ din il-policy, jirristrinġieha u jillimita l-bini għoli għal 6 żoni f’Malta biss u Paceville huwa wieħed minnhom.
Dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ żona sħiħa ġie mfassal minn esperti rinomati barranin, Mott Macdonald u Broadway Malyan. Tqabbdu dawn il-kumpaniji barranin mhux għax m’hawnx nies Maltin kapaċi iżda għax inħass li l-pjan ma jridx iħares lejn uċuħ. Ridna li jkollna pjan serju li ma jkunx imxekkel minn preġudizzji politici. Ridna li jkun wieħed illi verament jara l-ħtiġijiet taż-żona u ta’ min ser ikun qiegħed igawdi minn din iż-żona r-riżultati jidhru biċ-ċar mid-dettall li daħlu fih dawn l-esperti. Għal min hu interessat dan il-masterplan huwa aċċessibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar www.pa.org.mt/pacevillemasterplan.
Il-master plan ta’ Paceville li fasslu dawn l-esperti jagħraf jibdel l-isfidi ta’ Paceville f’opportunitajiiet u jinkorpora fih diversi aspetti infrastrutturali u ambjentali. Huwa pjan serju, ħolistiku, strutturat u komprensiv, wieħed illi jħares ’il quddiem però b’rispett ukoll lejn l-aspett storiku tal-post, b’tisbieħ ta’ spazji pubbliċi eżistenti u kreazzjoni ta’ oħrajn addizzjonali. Dan kollu iwassal biex ngħollu l-kwalità tal-ambjent urban tal-madwar u jkollna bħala pajjiż b’destinazzjoni oħra ta’ kwalità. Dan hu pjan li m’għandux biss skopijiet ekonomiċi u turistiċi hekk kif jaħseb fil-bżonnijiet tan-nies. Fil-fatt skont il-master plan għal Paceville, l-aċċess għall-kosta ta’ Paceville se jinfetaħ u se jingħata lura għat-tgawdija tal-pubbliku sa mill-fażijiet inizjali tal-implimentazzjoni tiegħu.
Paceville ser ikollu identità ġdida, waħda ta’ kwalità għolja, bi skyline ikonika
Fil-passat kien hemm t-tendenza li l-arkitettura tikkonċentra l-attenzjoni kollha tagħha fuq il-bini bħala oġġett statiku. Illum aktar milli l-binja nnifisha, l-attenzjoni qiegħda tkun aktar iffukata fuq id-dinamiżmu tan-nies, l-interazzjoni tagħhom mal-ispazji miftuħa, mal-ambjent tal-madwar u t-tgawdija tas-sbuhija tan-natura mżewwġin ma’ kunċetti ta’ stili ta’ ħajja mgħaġġla fejn kull minuta tiswa mitqlu deheb.
Dan il-pjan għal Paceville jinseġ dawn l-ideat f’daqqa f’viżjoni ċara lejn fejn irridu mmorru bħala pajjiż u jelenka x’hemm x’wieħed jagħmel biex jasal għat-twettieq tal-istess viżjoni b’mod illi filwaqt li nisfruttaw il-potenzjal ekonomiku tal-post nagħmlu dan fi sfond ta’ pjanar urban sostenibbli għall-futur.
Dak li ppreżentajna din il-ġimgħa huwa pjan ibbilanċjat f’kull aspett u l-gvern huwa determinat illi jara dan il-pjan ambizzjuż jitwettaq. Il-ġid li ser jinħoloq fiż-żona huwa wieħed sostanzjali li jaqbeż il-1.5 billjun ewro, b’kapaċità li jħaddem ammont sostanzjali ta’ nies, kemm fil-fazi ta’ kostruzzjoni tiegħu iżda wkoll meta jitlesta għaliex hemm maħsub li mat-terz tal-bini jkunu uffiċini ta’ kwalità li hemm talba kbira ħafna għalihom. Biex dan iseħħ huwa meqjus li hemm bżonn ta’ investiment ta’ 300 miljun li parti minnhom ser ikunu fondi Ewropej, parti fondi mill-gvern ċentrali u parti ġġenerati minn miżati li jridu jikkontribwixxu għalihom l-intraprendituri skont il-metraġġ kwadru li ser ikunu qed jingħataw permess li jiżviluppaw.
Minn dan il-master plan però ser igawdi mhux biss l-intraprenditur u r-resident ta’ Paceville iżda wkoll l-ekonomija, it-turiżmu u l-familji Maltin u Għawdxin li ser ikunu jistgħu jgawdu l-kosta ta’ Paceville, spazji miftuħa ġodda kif ukoll l-ambjent storiku u naturali tal-madwar.
Paceville ser ikollu identità ġdida, waħda ta’ kwalità għolja, bi skyline ikonika pjanata b’mod illi tista’ sservi ta’ prototip għal postijiet oħra madwar il-pajjiż illi għandhom bżonn riġenerazzjoni magħmula b’għaqal u b’serjetà. Dan il-masterplan huwa l-bidu ta’ era ġdida fl-ippjanar tal-ispazji urbani tagħna.
Inħeġġeġ għalhekk sabiex f’dawn is-sitt ġimgħat, fejn dan il-master plan huwa miftuħ għall-konsultazzjoni, il-pubbliku jaqsam l-ideat u s-suġġerimenti tiegħu magħna. Dan huwa Gvern li jisma’ u ħerqana biex nisma’ l-ideat u s-suġġerimenti tal-pubbliku in ġenerali sabiex Paceville żona kostali ikonika f’pajjiżna.
Deborah Schembri hija s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi