L-istampa wiesgħa

minn Joe Ellis

Din il-ġimgħa smajna aħbarijiet, ċifri u figuri kuntrastanti dwar il-qagħda ekonomika f’pajjiżna.

Kulħadd jirrikonoxxi illi ġeneralment l-ekonomija għaddejja minn żmien feliċi imma bosta għandhom diversi riservi.  Kemm huma fundati dawn ir-riservi ?

Ħa nibdew bl-iżviluppi riċenti li kellna. L-ewwel aħbar posittiva kienet l-iffirmar ta’ ftehim ma’ kumpanija amerikana fil-qasam tal-istampar tal-flus, Crane Currency sabiex twaqqaf impjant f’Malta.   Fil-bidu, ser tħaddem 200 ruħ illi eventwalment jistgħu jiżdiedu sa 300. F’Malta  għandna esperjenza twila f’dan il-qasam peress illi għal bosta snin, kellna fostna stampatur prominenti tal-flus, Thomas de la Rue.  Għal bosta snin, din il-fabbrika ħadmet mijiet ta’ nies imma s-sena l-oħra ħabret illi ser tkeċċi 300 ruħ mill-550 illi tħaddem. Rapporti aktar reċenti jindikaw illi fil-fatt, din il-kumpanija ser iżżomm biss 120 ruħ jaħdmu magħha. Għaldaqstant, wieħed jittama illi dan l-investiment il-ġdid ser jassorbi bosta mill-ħaddiema illi ser jispiċċaw qiegħda minn Thomas de la Rue.

Kwalunkwe aħbar ta’ investiment ġdid hi ferm posittiva, speċjalment fil-qasam tal-manifattura. Kif irrimarka l-gvernatur tal-Bank Ċentrali, Mario Vella f’intervista li ta din il-ġimgħa, id-diversifikazzjoni ekonomika hija assolutament meħtieġa u ma nistgħux niddependu fuq il-qasam tas-servizzi biss.  Il-qasam industrijali u tas-servizzi industrijali baqa mportanti għalkemm ma jikkontribwixiex daqs il-qasam finanzjarju għall-Prodott Gross Domestiku. Il-ministru tal-edukazzjoni u mpjieg Evarist Bartolo esprima x-xewqa li l-impjiegi l-ġodda ta’ din id-ditta Amerikana jimtlew minn Maltin.

Fl-istess intervista, Mario Vella stqarr illi studju riċenti ta’ Aaron Grech tal-Bank Ċentrali juri illi t-taxxi diretti illi nġabru minn ħaddiema barranin żdiedu disa’ darbiet f’dawn l-aħħar ħmistax il- sena u llum jammonta għal 10% tat-dħul kollu mit-taxxi diretti.  Skond Joe Farrugia, ekonomista ieħor u direttur-ġenerali tal-Għaqda ta’ Min Iħaddem f’artiklu li deher fuq l-istess Business Observer fit-8 ta’ Settembru li għadda, in-numru ta’ ħaddiema barranin huwa stmat li jaqbeż 30,000.  Dan ifisser illi kważi wieħed minn kull sitt ħaddiema f’Malta huwa barrani u għaldaqstant, il-kontribut tal-ħaddiema barranin fir-rigward ta’ taxxi diretti mhuwiex proporzjonali mal-perċentwal tagħhom fis-suq tax-xogħol.  

Dan kollu jwassalna għal aħbar oħra illi l-gvern uża biex juri s-saħħa tal-andament ekonomiku.  In-numru ta’ nies li qed ifittxu x-xogħol niżel għal 3,261 f’Awwissu u b’hekk, naqas b’4,089 minn Marzu 2013. Dan ma jfissierx illi daqshekk biss hawn nies qiegħda fil-pajjiż.  Skond l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ nies qiegħda kien 9,698 (2.7%) mentri n-numru ta’ persuni inattivi laħaq 165,761 (45.7%).  Jekk wieħed irid jipparaguna l-qagħda tlett snin ilu (Q3/2013), isib illi n-numru tan-nies qiegħda kien 12,827 (4%) mentri n-numru ta’ nies inattivi kien 168,428 (47%),  Qabel wieħed ma jasal għall-konklużjonijiet mgħaġġla, tajjeb illi wieħed iżomm f’moħħu illi n-numru ta’ mpjegati fis-settur pubbliku kien ta’ 46,750 f’Jannar-Marzu 2013 mentri tlett snin wara f’Jannar-Marzu 2016 laħaq 52,509, jiġifieri żieda ta’ 5,759. B’hekk, il-perċentwal ta’ mpjegati fis-settur pubbliku tela minn 27.1% għal 28.1% tan-numru totali ta’ mpjegati. 

Statistika oħra illi ġiet ippubblikata din il-ġimgħa ċertament ma tat sodisfazzjoni lil ħadd.  Skont l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, in-numru ta’ nies illi huma f’riskju ta’ faqar żdied minn 64,966 ruħ jew 15.7% fl-2013 għal 68,658 jew 16.3%. L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika kkalkula dak illi jsejjaħlu l-Median National Equivalised Income (N.E.I.) fl-ammont ta’ € 13,493 u ffissa t-tarġa tal-faqar fl-ammont ta’ 60% ta’ tali figura, jiġifieri € 8,096. Skond l-istess Uffiċju, 68,658 jew 16.3% tal-populazzjoni għandhom dħul ta’ anqas minn € 8,096 fis-sena jew € 675 fix-xahar illi huwa qrib il-paga minima nazzjonali. Skond dan l-istudju, aktar minn 40% jsostnu illi mhux kull min igħix fid-dar magħhom jista’ jieħu btala ta’ ġimgħa kull sena.  Barra minn hekk, 21.1% qalu illi ma jifilħux għal spejjeż mhux mistennija fil-waqt illi 13.9% qalu li ma jifilħux isaħħnu d-dar fix-xitwa.   

Figuri tassew impressjonanti illi frankament ħasduni għalkemm ilhom jiġu kompilati snin twal.  Meta wieħed jitkellem dwar suċċess ekonomiku, irid iqis il-fatturi kollha.  U l-istess irid isir fit-tfassil tal-politika ekonomika.  Jidher illi f’pajjiżna ukoll, bħal ħafna pajjiżi oħra fil-punent, id-distakk bejn min hu sinjur u bejn min hu fqir qed dejjem jikber.  Fil-fatt, il-proporzjon ta’ dħul tal-aktar 20% sinjuri għal l-aktar 20% foqra żdied minn 4 għal 4.2 f’sena waħda biss.  Dan anke ukoll bħala riżultat tal-politika fiskali illi  ġiet segwita f’ħafna pajjiżi nklużi Malta illi titnaqqas it-taxxa fuq min l-aktar għandu dħul.  Imma dan id-divarju ekonomiku bejn il-faxxi differenti tal-populazzjoni qiegħed jagħti n-nar lil bosta manifestazzjonijiet ta’ protesta bħalma kien il-vot tal-Brexit kif ukoll is-suċċess ta’ politiċi populisti bħal Donald Trump u Bernie Sanders, Marine Le Pen u oħrajn.

Joe Farrugia fl-artiklu tiegħu ilu elenka x’uħud mill-isfidi tal-ekonomija maltija illi  xtaq illi l-gvern jindirizza fil-budget li jmiss.  Semma l-possibilità illi l-inċentivi fiskali illi huma kruċjali sabiex nattiraw operaturi fil-qasam finanzjarju u f’dak tal-imħatri bl-internet jitnaqsu jew jitneħħew, staqsa kemm it-turiżmu ser jibqa’ f’saħtu ġaladarba postijiet oħra fil-Mediterran jerġgħu jsiru stabbli, kif tista’ ssir ir-rikonċiljazzjoni bejn it-tkabbir ekonomiku u r-restrizzjonijiet ambjentali, il-ħtieġa illi l-fama illi għandha Malta fil-qasam ta’ governanza tajba ma tittappanx u l-ħtieġa illi s-settur bankarju jkompli jaqdi n-negozju internazzjonali.  Joe Farrugia ukoll semma t-twessiegħ tas-salarji bejn setturi differenti tal-ekonomija u kif gruppi vulnerabbli jistgħu qed jaffaċjaw tnaqqis fil-poter tal-akkwist tagħhom.  Huwa semma illi skond rapport tal-Caritas, l-aktar żewġ kategoriji vulnerabbli huma l-pensjonanti u s-single parents.  Jiena naħseb illi wieħed ukoll irid iżid magħhom in-nisa separati illi ma jkunux qed jaħdmu, speċjalment dawk illi r-raġel ma jmantniehomx.  Farrugia semma ukoll illi bid-domanda akbar minn barranin sabiex jikru, il-kirjiet qed jogħlew u dan qed jaffetwa min ma jistax jixtri dar.

Jidher illi f’pajjiżna ukoll, bħal ħafna pajjiżi oħra fil-punent, id-distakk bejn min hu sinjur u bejn min hu fqir qed dejjem jikber

Farrugia faħħar il-gvern talli żied il-manodopera permezz ta’ bosta inizjattivi u l-kontroll ta’ abbużi.  Imma kien kritiku fir-rigward taż-żieda tal-ħaddiema fis-settur pubbliku.  Semma kif bosta kumpaniji, speċjalment f’Għawdex, irrapurtaw illi ħaddiema rriżenjaw sabiex jidħlu fis-settur pubbliku u dan hu ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi umani.   

Il-kwistjoni tar-riżorsi umani ukoll ittrattaha Mario Vella fl-intervista li ta.  Mistoqsi jekk in vista tal-iskarsezza ta’ ħaddiema, hux importanti illi l-impjiegi jittieħdu minn Maltin jew mill-barranin, Vella wieġeb illi d-demografija mhix tiffavorina. Jekk irridu nżommu r-rata preżenti ta’ tkabbir ekonomiku, irridu nizguraw illi jkollna biżżejjed nies illi jridu jidħlu għax-xogħol li jitfaċċa.  Barra minn hekk iridu jkunu adekwatament edukati u ttrenjati u bil-ħiliet meħtieġa. Qal illi l-qagħda hija mwiergħa ħafna u m’hawnx biżżejjed nies. Qal ukoll illi ninvestu bil-kbir fl-edukazzjoni u bħal Farrugia stqarr illi ttieħdu miżuri effettivi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq ta’ xogħol, speċjalment min-nisa.  Imma ammetta illi ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-ħaddiema barranin. U wera ruħu inkwetat illi ż-żieda qawwija fil-kirjiet tista’ tnaffar lill-barranin milli jiġu jaħdmu fostna.

Punt interessanti illi semma Vella hu illi ma jħossx illi l-propjetà saret tiswa żżejjed u ma deherx inkwetat illi s-suq tal-propjetà huwa xi bużżieqa illi tista’ tinfaqa’ f’xi ħin. Naħseb illi mhux kulħadd jaqbel ma dina l-valutazzjoni.  Huwa ċar illi dan il-gvern naqqas l-ispiża kapitali u qed juża l-bini mis-settur privat bħala għodda makro-ekonomiku sabiex jistimula l-ekonomija. Dan qed jagħmlu billi rrilassa l-mod kif joħorġu l-permessi   Is-suq tal-propjetà, speċjalment f’ċerti postijiet bħal il-Belt, tas-Sliema, Gżira, Paceville u dawk l-inħawi f’xi ħin jew ieħor ser ikollu korrezzjoni illi tista’ tweġġa lil ħafna.  

Meta wieħed iqis kollox, wieħed bil-fors irid jikkonkludi illi l-ekonomija maltija għandha bosta sfidi quddiemha.  M’għandniex nilludu ruħna illi għaliex inqlajna mis-sitwazzjoni li konna xi snin ilu meta faqqgħet il-krizi finanzjarja u ekonomika, kollox ward u zahar.  Fuq kollox, irridu niżguraw illi l-ġid ekonomiku jitqassam b’ġustizzja.  Irridu fuq kollox niżguraw illi r-riżorsi umani skarsi li għandna jiġu użati bl-akbar għaqal. Iż-żieda bla rażan fl-impjiegi fis-settur pubbliku żgur mhix iġġustifikata. U kif dejjem sħaqna minn din il-kolonna, l-awtoritajiet iridu jgħassu kontra prattiċi anti-kompetittivi fis-suq.  F’dan ir-rigward, huwa ċar illi mhumiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa.  

X’ħin tqis kollox, irridu nħarsu lejn il-futur b’kawtela kbira għaliex ottimiżmu esaġerat jista’ jiswielna qares.

More in Blogs