Kontroversjali?
Franco Debono fuq l-ILLUM: "Malta hija minn ta’ quddiem nett fl-Ewropa. Qed turi viżjoni. Qed tmexxi l-aġenda hi u mhux issegwi lil ħaddieħor. Anke minn temi kontroversjali qed toħroġ ta’ pajjiż b’viżjoni ċara u li jaf sew d-direzzjoni. Iżda mhux dejjem kien hekk..."
Apparti fis-saħħa, fl-ekonomija, fl-enerġija, fir-riforma tal-ġustizzja u oqsma oħrajn, fid-drittijiet ċivili illum fl-2016, Malta hija minn ta’ quddiem nett fl-Ewropa. Qed turi viżjoni. Qed tmexxi l-aġenda hi u mhux issegwi lil ħaddieħor. Anke minn temi kontroversjali qed toħroġ ta’ pajjiż b’viżjoni ċara u li jaf sew d-direzzjoni. Iżda mhux dejjem kien hekk...
Rewind 2008...
Id-dritt fundamentali li suspettat investigat mill-Pulizija jkun assistit minn avukat tal-fiduċja tiegħu ġie stabbilit fl-Istati Uniti tal-Amerka fl-1966 fis-sentenza Miranda vs Arizona. Meta jien, aktar minn 40 sena wara, għamilt ħilti biex inqajjem kuxjenza li fis-sena 2008, Malta kienet l-unika pajjiż fl-Ewropa u possibbilment fid-dinja, li ma kinetx tippermetti dan d-dritt, mhux talli qamu l-irwiefen kollha, kundanni, tgħajjir u insulti (minn nukleu żgħir iżda dominanti fil-PN), talli ġejt deskritt bħala ‘kontroversjali’! Tajba wkoll!
Ma ninsewx li tliet snin wara Miranda, fl-1969 l-bniedem tela’ fuq il-qamar u lanqas din ma baqgħet kontroversjali, aħseb u ara drittijiet akkordati lil kulħadd u kullimkien madwar id-dinja ħlief, sa erbgħin sena wara, fil-portfolio ta’ ministri ultra-konservattivi bħal Tonio Borg u Carm Mifsud Bonnici, parti intrinsika min-nukleu ristrett iżda dominanti fil-PN.
Ngħid nukleu żgħir iżda dominanti fil PN għax niddejjaq nipponta subghajja lejn partit sħiħ, ladarba l-verità kienet li ħafna anke fil-PN kienu konxji tar-ridikolaġni ta’ sitwazzjoni surreali.
Fl-1969, bilkemm li titla’ fuq il-qamar ma kienet kontroversjali aħseb u ara li persuni arrestati jkollhom avukat! Fl-1969, aħseb u ara fl-2008!
U allura wieħed mill-ħafna aġġettivi li esponenti ta’ din il-klikka ristretta iżda dominanti fil-PN għamlu ħilithom biex inġustament iwaħħlu ma’ ismi huwa dak ta’ bniedem ‘kontroversjali’. Issa biex inpoġġu kollox fil-perspettiva, ma kienx wieħed mill-anqas kumplimentużi li ppruvaw jattribwuli, u minkejja li huwa inġust, irriżervawli ħafna agħar, fid-disperazzjoni ta’ mentalità t’assedju li daħlu fiha minħabba nuqqas kważi totali ta’ viżjoni politika, traskuraġni u inkompetenza.
Iżda x’kien hemm kontroversjali f’li deputat fl-2008 jagħmel kampanja sħiħa fil-Parlament biex drittijiet li kienu ilhom jitgawdew għal aktar minn 40 sena f’pajjiżi oħra jibdew jitgawdew f’Malta wkoll? X’kien hemm kontroversjali, wara li anke l-Qorti Ewropea fil-każ ta’ Salduz vs Turkija iddikjarat dan id-dritt bħala dritt fundamentali tal-bniedem, deputat Parlamentari jastjeni minn vot minuri fil-Parlament bħala sinjal ta’ protesta biex jiddaħħal dan id-dritt u Malta ma tibqax l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn jekk persuna tkun arrestata ma jkollhiex dritt tikkonsulta ma’ avukat?
Fil-verità, li kien kontroversjali, mhux min imbotta biex Malta tersaq lejn dak li kien normali fil-bqija tad-dinja, iżda kien kontroversjali jekk mhux addirittura inkompetenti, politikament irresponsabbli u nieqes kompletament minn viżjoni politika, min kien qed jimblokka dawn l-iżviluppi tant importanti.
Fi Frar 2010, ftit jiem wara li kont astjenejt f’vot minuri fil-Parlament, iddaħħal id-dritt li persuni jikkonsultaw ma’ avukat sa siegħa qabel jiġu interrogati. Dan kien pass storiku fejn għall-ewwel darba pajjiżna ra l-introduzzjoni tal-intervent tal-avukat fl-istadju mill-aktar sensittiv u importanti tal-investigazzjoni. Mhux dan l-iżvilupp kien kotroversjali, iżda min kien qed jimblukkah għal snin.
Iżda dan ma kienx biżżejjed għax kien ċar li kemm is-sentenzi tal-Qorti Ewropea kif ukoll direttiva tal-Unjoni Ewropea li kienet qed tiġi preparata kienu mexjin fid-direzzjoni li d-dritt ta’ assistenza legali għandu jkun mhux biss qabel l-interrogazzjoni iżda wkoll waqt l-istess interrogazzjoni u allura filwaqt li konna għamilna pass, dan ma kienx biżżejjed biex nkunu in linea mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea, kif ukoll mal-bqija tal-Ewropa.
Kien għalhekk li fit-8 ta’ Novembru 2011 ppreżentajt mozzjoni fil-Parlament dwar Riforma Ħolistika fil-Ġustizzja li kienet tinkludi fil-punt numru sitta, sejħa sabiex jiddaħħal fis-seħħ dan d-dritt ta’ assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. X’kien hemm kontroversjali f’dan kollu? L-intransiġenza u t-traskuraġni ta’ Gvern li ma riedx jisma’, mhux l-azzjonijiet tiegħi bħala deputat.
Traskuraġni u intransigenza li ġabu riperkussjonijiet legali fil-Qrati. Kontroversji politiċi u oħrajn legali.
U allura konna qegħdin bħala pajjiż f’pożizzjoni kontroversjali. Tant kontroversjali li wara l-ewwel każ li kont istitwejt fil-Qrati Maltin, dak ta’ Alvin Privitera, li fil-fatt kien ġie liberat minħabba stqarrijja difettuża meħuda mingħajr assistenza ta’ avukat, mijiet jekk mhux eluf ta’ talbiet oħrajn saru quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja jitolbu li stqarrijiet jiġu skartati. Il-materja ħadet snin f’limbu ta’ kontroversja u ġiet riżolta definittivament din s-sena fis-sentenza ta’ Mario Borġ fil-Qorti Ewropea, li definittivament iddikjarat li stqarrija meħuda mingħajr assistenza ta’ avukat mhijiex valida.
U allura hija aħbar tajba dik magħmula mill-Ministeru tal-Ġustizzja f’nofs din il-ġimgħa, aħbar li tirrisolvi snin ta’ kontroversji, fejn tħabbar li dik il-proposta li kont għamilt lura f’Novembru 2011, ta’ assitenza legali waqt l-interrogazzjoni, issa se tkun qed tiġi implimentata permezz ta’ intervent leġiżlattiv.
Il-kontroversja maħluqa minn gvernijiet Nazzjonalisti konsekuttivi se tingħalaq darba għal dejjem. Se tipprevali l-viżjoni li kont esponejt fil-Parlament snin ilu.
U dan kollu xi jfisser?
Dan kollu jfisser li l-kontroversja ma ġibtiex jien meta sa mill-ewwel diskorsi tiegħi fil-Parlament bdejt nisħaq li dan id-dritt jiġi nfurzat billi l-ewwel tiġi attivata liġi li kienet għaddiet mil-Parlament fl-2002 u tħalliet rieqda, imbagħad li dik il-liġi tiġi msaħħa. Il-kontroversja ġabuha ministri li kienu komdi jħallu dan il-pajjiż erbgħin sena lura. Jiena sempliċiment kont qed nesponi viżjoni.
Iżda dan kollu jfisser ħaġa oħra. Li lanqas ma kont kontroversjali meta mbuttajt bil-qawwa kollha l-qasma bejn id-dekasteri tal-Ġustizzja u l-Intern sabiex isiru żewġ ministeri separati. Kienet kontroversjali dik is-sitwazzjoni. Dak li kont qed insostni ma kienx biss ibbażat fuq il-mudell tal-pajjiżi Ewropej kważi kollha fejn iż-żewġ dekasteri huma separati għax jistgħu joħolqu kunflitti, iżda wkoll fuq bażi ta’ Kummissjoni Ewropea ż-żewġ setturi għandhom Kummissarju separat. Kont ispirat mis-sens komun, mill-buon sens oltre viżjoni politika.
Iżda fuq kollox, ir-riżoluzzjoni ta’ dik s-sitwazzjoni kontroversjali (il-funzjoni tal-Ġustizzja u l-Intern), bil-qasma tal-ministeri li issa ġiet simentata fis-sistema tagħna, fetħet il-bieb beraħ biex ikunu jistgħu jsiru l-bqija tar-riforma estensivi u tiġi attwata l-viżjoni ħolistika inkorporata fil-mozzjoni parlamentari privata tiegħi tat-8 ta’ Novembru 2011. Mingħajr dik il-qasma, mingħajr dik is-separazzjoni bejn il-ġustizzja u l-intern, ir-riforma tal-Ġustizzja difficliment setgħet issir.
Iżda dan ifisser ukoll, ladarba ssemmiet il-klikka ristretta iżda dominanti fil-PN, li dik id-deċiżjoni kontroversjali li jiġi maħtur l-iżgħar Kabinett fl-istorja kompliet irrestrinġiet il-grupp fit-tmexxija għal oligarkija. U għal dawk li forsi jistaqsu jekk illum hemmx klikek, filwaqt li fit-tmexxija ta’ kull gvern ikun hemm forsi uħud fdati ftit aktar minn oħrajn u dan kullimkien madwar d-dinja bħala normalità, is-sitwazzjoni llum hija ta’ kabinett kważi d-doppju ta’ dak preċedenti, bil-backbenchers kollha jipparteċipaw ukoll b’xi mod, b’distribuzzjoni wiesgħa ta’ poter bejn r-rappreżentanti eletti tal-poplu li tirrisolvi ruħha propju f’sitwazzjoni dijametrikament opposta għal dik tal-aħħar leġiżlatura.
Kuntrast bejn deċiżjoni kontroversjali ta’ Dr Gonzi li jirrestrinġi t-teħid tad-deċiżjonijiet għal ftit individwi li traskuraw fl-implimentazzjoni ta’ tant riformi, u għall-kuntrarju d-deċiżjoni ta’ Dr Muscat li jwessa’ kemm jiflaħ il-bażi ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet biex jifrex l-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-gvern li qed tħalli frott.
Iżda fuq kollox, ifisser li l-politika għandha tkun strument li permezz tagħha jsir il-ġid. Dan il-pajjiż ħela biżżejjed żmien f’kontroversji inutli minħabba min ma kellux viżjoni jmexxih lejn l-futur. Dan il-pajjiż m’għandux bżonn jidħol f’kontroversji bla bżonn, pajjiż li qed ikompli jiskopri orgolju nazzjonali li jseddaq is-sens ta’ nazzjon u fiduċja fil-kapaċitajiet tagħna bħala poplu. Filwaqt li huwa tajjeb li jkun hemm opinjonijiet differenti f’kull soċjetà, anzi huwa essenzjali għax jkompli jsaħħaħ id-djalettika demokratika, żmien il-kontroversji inutli spiċċa minn dan il-pajjiż.
Soċjetà li ma taspirax li titla’ fuq il-qamar tifhimha. Però soċjetà li ma tirribellax meta mċaħħda minn drittijiet li pajjiżi oħra kienu ilhom igawdu ħamsin sena, hija soċjetà li qed issofri min mejt, soċjetà li qed titlef l-enerġija, soċjetà li qed timrad u li qed tissokkombi għal min irid jopprimiha. Għalekk din s-soċjetà rribbellat kontra forzi ultra-konservattivi għax hija soċjetà ħajja, soċjetà mimlija enerġija u mhix se taċċetta min jopprimiha la minn barra u la minn ġewwa, u lanqas se timpressjona ruha b’min jilgħabha tal-qaddis biex jgħaddasha f’sitwazzjonijiet kontroversjali.
U fuq kollox, le, qatt ma kont kontroversjali, iżda kien konvenjenti għal ħaddieħor li jipprova jittimbrani b’dan l-mod, għax qatt ma jista’ jingħad li min jimbotta riforma li huma n-norma madwar id-dinja huwa bniedem kontroversjali!
Franco Debono huwa Kummissarju għal-Liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru dwar ir-Riforma tal-Ġustizzja